Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0058

Sommarju tas-sentenza

Keywords
Summary

Keywords

1. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Miżuri ta’ approssimazzjoni — Prodotti tal-ikel u għalf modifikati ġenetikament — Prodotti awtorizzati skont id-Direttiva 90/220, innotifikati bħala prodotti eżistenti u li kienu suġġetti għal talba għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1829/2003, Artikoli 20 u 34; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/18, Artikolu 23; Direttiva tal-Kunsill 90/220)

2. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Miżuri ta’ approssimazzjoni — Prodotti tal-ikel u għalf modifikati ġenetikament — Miżuri ta’ urġenza li jistgħu jiġu adottati mill-Istati Membri sabiex jiffaċċjaw riskju serju għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent

(Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 178/2002, Artikolu 54, u Nru 1829/2003, Artikolu 34)

3. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Miżuri ta’ approssimazzjoni — Prodotti tal-ikel u għalf modifikati ġenetikament — Miżuri ta’ urġenza li jistgħu jiġu adottati mill-Istati Membri sabiex jiffaċċjaw riskju serju għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1829/2003, Artikolu 34)

4. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Miżuri ta’ approssimazzjoni — Prodotti tal-ikel u għalf modifikati ġenetikament — Trattament ta’ riskju serju għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent — Evalwazzjoni u ġestjoni mill-Kummissjoni u mill-Kunsill taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Unjoni — Adozzjoni u implementazzjoni mill-Istati Membri ta’ miżuri ta’ emerġenza fl-assenza ta’ deċiżjoni fuq livell tal-Unjoni

(it-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 267 TFUE u Artikolu 288 TFUE; Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 178/2002, Artikolu 54, u Nru 1829/2003)

Summary

1. Organiżmi ġenetikament modifikati bħall-qamħirrun MON 810, li ġew awtorizzati b’mod partikolari bħala żerriegħa għall-finijiet ta’ kultivazzjoni, b’applikazzjoni tad-Direttiva 90/220, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament, u li, fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1829/2003, dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament, ġew innotifikati bħala prodotti eżistenti, imbagħad kienu s-suġġett ta’ talba għal tiġdid ta’ awtorizzazzjoni li kienet qed tiġi eżaminata ma jistgħux ikunu s-suġġett, min-naħa ta’ Stat Membru, ta’ miżuri ta’ sospensjoni jew ta’ projbizzjoni provviżorja mill-użu jew mit-tqegħid fis-suq b’applikazzjoni tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE, fejn min-naħa l-oħra, tali miżuri jistgħu jiġu adottati b’konformità mal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003.

(ara l-punt 63 u d-dispożittiv 1)

2. L-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003, dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament, jawtorizza lil Stat Membru sabiex jadotta miżuri ta’ emerġenza biss fiċ-ċirkustanzi proċedurali msemmija fl-Artikolu 54 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel, li fir-rigward tagħhom hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika l-osservanza.

(ara l-punt 74 u d-dispożittiv 2)

3. Bil-għan tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza, l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003, dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament, jimponi lill-Istati Membri jistabbilixxu, minbarra l-emerġenza, l-eżistenza ta’ sitwazzjoni li tista’ tippreżenta riskju importanti li jipperikola b’mod manifest is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent. Dan ir-riskju għandu jiġi kkonstatat abbażi ta’ elementi ġodda li huma bbażati fuq data xjentifika affidabbli.

Fil-fatt, miżuri ta’ protezzjoni adottati skont l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2009 ma jistgħux ikunu validament motivati minn approċċ purament ipotetiku ta’ riskju, ibbażat fuq sempliċi suppożizzjonijiet li jkunu għadhom ma ġewx ivverifikati xjentifikament. Bil-kontra, minkejja n-natura provviżorja ta’ tali miżuri u anki jekk dawn huma ta’ natura preventiva, dawn jistgħu jiġu adottati biss jekk ikunu bbażati fuq evalwazzjoni tar-riskji kemm jista’ jkun kompleta fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, li juru li dawn il-miżuri huma neċessarji.

(ara l-punti 76, 77, 81 u d-dispożittiv 3)

4. Fid-dawl tal-istruttura tas-sistema prevista mir-Regolament Nru 1829/2003, dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament, u tal-għan tiegħu li jevita differenzi artifiċjali fit-trattament ta’ riskju serju, l-evalwazzjoni u l-ġestjoni ta’ riskju serju u evidenti għas-saħħa tal-bniedem jaqa’, bħala l-aħħar possibbiltà, taħt il-ġurisdizzjoni unika tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Unjoni.

Minn dan jirriżulta li, fl-istadju tal-adozzjoni u tal-implementazzjoni mill-Istati Membri tal-miżuri ta’ emerġenza msemmija fl-Artikolu 34 ta’ dan ir-regolament, sakemm ma tkun ġiet adottata ebda deċiżjoni f’dan ir-rigward fuq il-livell tal-Unjoni, il-qrati nazzjonali mitluba jivverifikaw il-legalità ta’ tali miżuri nazzjonali għandhom ġurisdizzjoni sabiex jevalwaw il-legalità ta’ dawn il-miżuri fir-rigward tal-kundizzjonijiet bażiċi previsti fl-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 u tal-kundizzjonijiet proċedurali misluta mill-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 178/2002, li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel, fejn l-uniformità tad-dritt tal-Unjoni tista’ tiġi żgurata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, peress li, meta qorti nazzjonali jkollha xi dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hija tista’ jew għandha, b’mod konformi mat-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 267 TFUE, tressaq domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

Min-naħa l-oħra, meta, f’każ partikolari, il-Kummissjoni tmur quddiem il-Kumitat permanenti dwar il-katina tal-ikel u s-saħħa tal-annimali u tkun ġiet adottata deċiżjoni fuq il-livell tal-Unjoni, l-evalwazzjonijiet fattwali u legali relatati ma’ dawn il-każijiet, li jinsabu f’tali deċiżjoni, jorbtu lill-organi kollha tal-Istat Membru destinatarju ta’ tali deċiżjoni, skont l-Artikolu 288 TFUE, u dan jinkludi l-qrati tiegħu li għandhom jevalwaw il-legalità tal-miżuri adottati fuq livell nazzjonali.

(ara l-punti 78-80)

Top