Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0083

Sommarju tas-sentenza

Keywords
Summary

Keywords

1. Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ għajnuna statali mas-suq komuni mingħajr il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali — Rikors mill-partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Artikolu 88(2) KE u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikoli 1(h), 4(3) u 6(1))

2. Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ għajnuna statali mas-suq komuni mingħajr il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali — Rikors mill-partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE — Identifikazzjoni tas-suġġett tar-rikors — Rikors intiż li jissalvagwardja d-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati — Motivi li jistgħu jiġu invokati

(Artikolu 88(2)KE u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(c); Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikoli 1(h), 4(3) u 6(1))

3. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Proċedura amministrattiva — Partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE — Impriża li tuża l-istess materja prima bħal dik użata mill-impriża benefiċjarja tal-għajnuna

(Artikolu 88(2) KE u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 1(h))

Summary

1. Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet ibbażata fuq l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999 tiddependi fuq il-kwistjoni ta’ jekk jeżistux dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni. Meta dubji bħal dawn jagħtu lok għall-ftuħ ta’ proċedura formali ta’ investigazzjoni li għaliha jistgħu jipparteċipaw il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 1(h) tal-imsemmi regolament, għandu jitqies li kull parti interessata fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni hija direttament u individwalment ikkonċernata minn tali deċiżjoni. Fil-fatt, il-benefiċjarji tal-garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 88(2) KE u fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, jistgħu biss jiksbu l-osservanza tagħhom jekk huma għandhom il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet quddiem il-qorti tal-Unjoni.

Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-kwalità partikolari ta’ parti interessata fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999, marbuta mas-suġġett speċifiku tar-rikors, hija biżżejjed sabiex tindividwalizza, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, ir-rikorrent li jikkontesta deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet.

(ara l-punti 47, 48)

2. Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, rikorrent li jikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tiftaħx il-proċedura formali ta’ investigazzjoni għandu jiddefinixxi s-suġġett tal-azzjoni tiegħu fir-rikors tiegħu, b’konformità mal-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Dan ir-rekwiżit ikun sodisfatt suffiċjentement fid-dritt meta r-rikorrent jidentifika d-deċiżjoni li tagħha huwa jitlob l-annullament. Ftit jimporta li r-rikors jindika li huwa intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – frażi li tidher fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999 – jew ta’ deċiżjoni li ma tinfetaħx il-proċedura formali ta’ investigazzjoni, meta b’deċiżjoni waħda l-Kummissjoni tiddeċiedi fuq iż-żewġ aspetti tal-kwistjoni.

Fil-fatt, meta rikorrent jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, essenzjalment huwa jikkontesta l-fatt li d-deċiżjoni meħuda mill-Kummisjoni fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni ttieħdet mingħajr ma din l-istituzzjoni tiftaħ il-proċedura formali ta’ investigazzjoni, u b’hekk tikser id-drittijiet proċedurali tiegħu. Sabiex it-talba għal annullament tiegħu tintlaqa’, ir-rikorrent jista’ jinvoka kwalunkwe motiv ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li kellha l-Kummissjoni, matul il-fażi ta’ eżami preliminari tal-miżura notifikata, kellha tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. L-użu ta’ tali argumenti ma jistax, madankollu, ikollu l-konsegwenza li jibdel is-suġġett tar-rikors u lanqas li jibdel il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tiegħu. Min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ dubji dwar din il-kompatibbiltà hija preċiżament il-prova li għandha tiġi prodotta sabiex jintwera li l-Kummissjoni kienet marbuta tiftaħ il-proċedura formali ta’ investigazzjoni stipulata fl-Artikolu 88(2) KE kif ukoll fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

(ara l-punti 51, 52, 59)

3. Skont l-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999, parti interessata għandha tinftiehem b’mod partikolari kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, jiġifieri partikolarment impriżi kompetituri tal-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna. Fi kliem ieħor, hija tirreferi għal grupp indeterminat ta’ destinatarji. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma teskludix li impriża li ma hijiex kompetitriċi diretta tal-benefiċjarju tal-għajnuna, iżda li fil-proċess tal-produzzjoni tagħha għandha bżonn l-istess materja prima bħalma għandu bżonn huwa, tikkwalifika bħala parti interessata, jekk kemm-il darba hija ssostni li l-interessi tagħha jistgħu jiġu affettwati mill-għoti tal-għajnuna. Biex tagħmel dan, l-impriża trid turi, suffiċjentement fid-dritt, li l-għajnuna jista’ jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħha.

(ara l-punti 63-65)

Top