Изберете експерименталните функции, които искате да изпробвате

Този документ е извадка от уебсайта EUR-Lex.

Документ 62008CJ0337

Sommarju tas-sentenza

Kawża C-337/08

X Holding BV

vs

Staatssecretaris van Financiën

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden)

“Artikoli 43 KE u 48 KE — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq il-kumpanniji — Unità fiskali komposta minn kumpannija parent residenti u minn sussidjarja jew sussidjarji residenti — Intaxxar tal-profitti fil-livell tal-kumpannija parent — Esklużjoni tas-sussidjarji mhux residenti”

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fid-19 ta’ Novembru 2009   I ‐ 1218

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-25 ta’ Frar 2010   I ‐ 1237

Sommarju tas-sentenza

Moviment liberu tal-persuni – Libertà ta’ stabbiliment – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq il-kumpanniji

(Artikoli 43 KE u 48 KE)

L-Artikoli 43 KE u 48 KE ma jipprekludux il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tagħti lil kumpannija parent il-possibbiltà li tistabbilixxi entità fiskali waħda mas-sussidjarja residenti tagħha, iżda li tipprekludi l-istabbiliment ta’ tali entità fiskali waħda fil-każ ta’ sussidjarja mhux residenti meta l-profitti ta’ din tal-aħħar ma jkunux suġġetti għal-liġi fiskali ta’ dan l-Istat Membru.

Il-fatt li kumpannija parent li għandha sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor tiġi eskluża minn dan il-vantaġġ ċertament jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tagħha, peress li dan jista’ jirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju, min-naħa tal-kumpannija parent tal-libertà ta’ stabbiliment tagħha, billi jiddiswadiha milli tistabbilixxi sussidjarji fi Stati Membri oħra. F’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni ta’ kumpannija parent residenti li tixtieq tifforma entità fiskali waħda ma’ sussidjarja residenti u dik ta’ kumpannija parent residenti li tixtieq tifforma entità fiskali waħda ma’ sussidjarja mhux residenti huma, fid-dawl tal-għan ta’ tali sistema fiskali, oġġettivament paragunabbli peress li t-tnejn li huma jfittxu li jibbenefikaw mill-vantaġġi ta’ din is-sistema li tippermetti, b’mod partikolari, li l-profitti u t-telf tal-kumpanniji integrati fl-entità fiskali waħda jiġu kkonsolidati fil-livell tal-kumpannija parent u li t-tranżazzjonijiet imwettqa fi ħdan il-grupp jibqgħu ta’ natura fiskalment newtrali.

Madankollu, sistema fiskali bħal din hija ġġustifikata fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi mħares it-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni fost l-Istati Membri. Fil-fatt, peress li l-kumpannija parent tista’ liberalment tiddeċiedi li tifforma entità fiskali mas-sussidjarja tagħha u daqstant liberament tiddeċiedi li xxolji din l-entità minn sena għall-oħra, il-possibbiltà li ma’ din l-entità fiskali tiġi inkluża sussidjarja mhux residenti tkun tfisser li l-kumpannija parent titħalla libera li tagħżel is-sistema fiskali applikabbli għat-telf ta’ din is-sussidjarja u l-post ta’ fejn dan it-telf għandu jittieħed inkunsiderazzjoni. Peress li l-kompożizzjoni tal-entità fiskali tista’ tinbidel b’dan il-mod, il-fatt li tiġi ammessa l-possibbiltà li sussidjarja mhux residenti tiġi inkluża fiha jkollu l-konsegwenza li l-kumpannija parent titħalla tagħżel liberament l-Istat Membru fejn hija tinvoka t-telf ta’ din is-sussidjarja.

Fir-rigward tan-natura proporzjonali tal-imsemmija sistema fiskali, il-fatt li Stat Membru jiddeċiedi li jaċċetta t-tpaċija temporanja tat-telf ta’ stabbiliment permanenti barrani fl-Istat tal-uffiċċju rreġistrat tal-impriża ma jfissirx li huwa għandu jestendi din il-possibbiltà fil-konfront tas-sussidjarji mhux residenti ta’ kumpannija parent residenti. L-istabbilimenti permanenti stabbiliti fi Stat Membru ieħor u s-sussidjarji mhux residenti effettivament mhumiex f’sitwazzjoni paragunabbli f’dak li jirrigwarda t-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni kif jirriżulta minn ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, filwaqt li s-sussidjarja, li hija persuna ġuridika awtonoma, hija kompletament suġġetta għat-taxxa f’dak l-Istat, li huwa parti għal ftehim bħal dan, fejn din għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha, filwaqt li stabbiliment permanenti stabbilit fi Stat Membru ieħor jibqa’, bħala prinċipju u parzjalment, suġġett għall-ġurisdizzjoni fiskali tal-Istat Membru ta’ oriġini. Għaldaqstant, il-libertà mogħtija mit-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 43 KE lill-operaturi ekonomiċi li jagħżlu l-iktar forma legali approprjata għall-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom fi Stat Membru ieħor ma għandhiex tkun limitata b’dispożizzjonijiet fiskali diskriminatorji. Madankollu, l-Istat Membru ta’ oriġini jibqa’ liberu li jiddetermina l-kundizzjonijiet u l-livell ta’ taxxa tad-diversi forom ta’ stabbilimenti tal-kumpanniji nazzjonali li joperaw f’pajjiż barrani, bil-kundizzjoni li jagħtihom trattament li ma jkunx diskriminatorju meta mqabbel ma’ dak mogħti lil stabbilimenti nazzjonali paragunabbli. Peress li l-istabbilimenti permanenti stabbiliti fi Stat Membru ieħor u s-sussidjarji mhux residenti ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli f’dak li jirrigwarda t-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni, konsegwentement, l-Istat Membru ta’ oriġini mhuwiex marbut li fil-konfront tal-kumpanniji sussidjarji mhux residenti japplika l-istess sistema fiskali li huwa japplika fil-konfront tal-istabbilimenti permanenti barranin. Għaldaqstant, is-sistema fiskali inkwistjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala proporzjonata mal-għanijiet imfittxija minnha.

(ara l-punti 19, 24, 31-33, 37-40, 42, 43 u d-dispożittiv)

Нагоре