Scegli le funzioni sperimentali da provare

Questo documento è un estratto del sito web EUR-Lex.

Documento 62009CJ0338

Sommarju tas-sentenza

Keywords
Summary

Keywords

1. Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Restrizzjonijiet

(Artikolu 49 TFUE)

2. Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Restrizzjonijiet

(Artikolu 49 TFUE)

Summary

1. L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li, għall-finijiet tal-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-operat ta’ rotta urbana ta’ trasport pubbliku ta’ persuni permezz tal-karozza tal-linja li jopera regolarment waqfiet predeterminati skont orarju stabbilit bil-quddiem, teħieġ li l-operaturi ekonomiċi li jippreżentaw l-applikazzjoni, stabbiliti fi Stati Membri oħra, ikollhom sede jew stabbiliment ieħor fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru qabel ma tingħatalhom l-awtorizzazzjoni ta’ operat ta’ din ir-rotta.

Fil-fatt, operatur ekonomiku normalment prudenti ma jkunx dispost li jagħmel investimenti, possibbilment sinjifikattivi, fl-inċertezza kompleta fir-rigward tal-kisba ta’ tali awtorizzazzjoni. Minbarra dan, ir-restrizzjoni li joħloq tali rekwiżit ma tidher bl-ebda mod iġġustifikata fir-rigward tal-għanijiet allegati fir-rigward tal-ħtieġa li tiġi żgurata l-ugwaljanza tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fl-operat ta’ rotot tax-xarabank u li jiġi ggarantit ir-rispett tad-dritt soċjali u tad-dritt tax-xogħol fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat.

L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi rekwiżit ta’ stabbiliment, meta dan huwa meħtieġ wara l-għoti tal-awtorizzazzjoni għal operat iċċitata iktar ’il fuq u qabel ma l-applikant jibda l-operat ta’ din ir-rotta ta’ trasport pubbliku kkonċernata.

(ara l-punti 37, 38, 41 u d-dispożittiv 1)

2. L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi r-rifjut tal-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-finijiet tal-operat ta’ rotta turistika bil-karozza tal-linja, minħabba t-tnaqqis tal-profitti ta’ impriża kompetitriċi li għandha awtorizzazzjoni għall-operat ta’ rotta totalment jew parzjalment identika għal dik mitluba, u dan fuq il-bażi tal-affermazzjonijiet biss ta’ din l-impriża kompetitriċi.

Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni nazzjonali tikkostitwixxi, bħala prinċipju, restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE, peress li hija intiża sabiex tillimita l-persuni li jipprovdu servizzi, minkejja n-nuqqas allegat ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza tal-professjonisti kkonċernati.

Tali leġiżlazzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata bl-għan li jiġu żgurati l-profitti ta’ rotta ta’ karozza tal-linja kompetitriċi, inkwantu tali għan, bħala raġuni ta’ natura purament ekonomika ma jistax jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ta’ natura li tiġġustifika restrizzjoni għal libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat. Minbarra dan, għal eżami ta’ proporzjonalità, sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva bil-quddiem ma tistax tiġġustifika aġir diskrezzjonali min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, b’tali mod li ċċaħħad lid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni, partikolarment dawk li jirrigwardaw libertà fundamentali, bħal dik tal-libertà ta’ stabbiliment, mill-effettività tagħhom. Barra minn hekk, sabiex sistema ta’ awtorizzazzjoni bil-quddiem tkun iġġustifikata anki jekk tidderoga minn tali libertà fundamentali, hija għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, li ma jkunux diskriminatorji u li jkunu magħrufa minn qabel, li jiżguraw li din is-sistema tkun xierqa sabiex tillimita biżżejjed l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali. Għalhekk, għalkemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi interpretata fis-sens li l-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ssir mill-amministrazzjoni nazzjonali kompetenti abbażi tal-uniċi affermazzjonijiet ta’ min għandu awtorizzazzjoni dwar il-profitti tal-operat tiegħu, u dan minkejja li din l-impriża hija kompetitriċi potenzjali diretta tal-impriża li titlob l-għoti ta’ awtorizzazzjoni ġdida, tali kriterju ta’ evalwazzjoni jmur kontra r-regoli tal-Unjoni, peress li jista’ jwassal għal nuqqas ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità fl-ipproċessar tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni kkonċernata.

(ara l-punti 45, 46, 51, 53-55 u d-dispożittiv 2)

In alto