This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62010CO0076
Sommarju tad-digriet
Sommarju tad-digriet
1. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Klawżoli inġusti fil-kuntratti mal-konsumaturi — Direttiva 93/13 — Rikors għall-eżekuzzjoni forzata ta’ sentenza mogħtija b’arbitraġġ li tkun res judicata, mogħtija fil-kontumaċja
(Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikolu 6(1))
2. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Klawżoli inġusti fil-kuntratti mal-konsumaturi — Direttiva 93/13 — Klawżola inġusta — Kriterji ġenerali ta’ evalwazzjoni
(Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikoli 3 u 4)
3. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward tal-kreditu lill-konsumatur — Direttiva 87/102 — Kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur — Nuqqas ta’ indikazzjoni fil-kuntratt tar-rata perċentwali annwali ta’ ħlas
(Direttivi tal-Kunsill 87/102, kif emendata bid-Direttiva 98/7, Artikolu 4 u 93/13, Artikoli 3 u 4)
1. Id‑Direttiva 93/13/KEE, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, timponi fuq qorti nazzjonali, li quddiemha tressaq rikors intiż għall-eżekuzzjoni forzata ta’ sentenza mogħtija b’arbitraġġ li tkun res judicata u fejn il-konsumatur ikun kontumaċi, l-obbligu li tevalwa, anki ex officio , in-natura inġusta tal‑penali stabbilita f’kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn il-fornitur tal‑kreditu u konsumatur, fejn l-imsemmija penali tkun ġiet applikata fl-imsemmija sentenza, meta din il-qorti jkollha l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni legali u fattwali meħtieġa għal dan il-għan u li, skont ir‑regoli tal-proċedura nazzjonali, l-imsemmija qorti tista’ tipproċedi b’din l-evalwazzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri simili bbażati fuq id-dritt nazzjonali.
Fid-dawl tan-natura u tal-importanza tal-interess pubbliku li fuqhom hija bbażata l-protezzjoni li d-Direttiva 93/13 tagħti lill-konsumatur, l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva għandu jitqies bħala regola ekwivalenti għar-regoli nazzjonali li jokkupaw, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, il-grad ta’ regoli ta’ ordni pubbliku.
(ara l-punti 50, 54, u d-dispożittiv 1)
2. Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk klawżola kuntrattwali partikolari għandhiex natura inġusta jew le, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, jindika li r-risposta għandha tingħata fid-dawl tan-natura tal-beni u tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt u b’riferiment, fil-mument li l-kuntratt jiġi konkluż, għaċ-ċirkustanzi kollha li kienu preżenti meta l-imsemmi kuntratt ġie konkluż. F’dan il‑kuntest, għandhom jiġu evalwati wkoll il-konsegwenzi li l-imsemmija klawżola jista’ jkollha fil-kuntest tad-dritt li japplika għall-kuntratt, fatt li jimplika eżami tal-ordinament ġuridiku nazzjonali.
Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenza tad‑dritt tal-Unjoni Ewropea mogħti lilha bl-Artikolu 267 TFUE, tinterpreta l‑kriterji ġenerali użati mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea sabiex tiddefinixxi l‑kunċett ta’ klawżola inġusta. Min-naħa l-oħra, hija ma tistax tiddeċiedi dwar l‑applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji ġenerali għal klawżola partikolari li għandha tiġi eżaminata skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża inkwistjoni.
Għaldaqstant, hija l-qorti nazzjonali kkonċernata li għandha tiddetermina jekk klawżola f’kuntratt ta’ kreditu li tistabbilixxi penali li hija sproporzjonalment għolja u li trid titħallas mill-konsumatur, għandhiex, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha preżenti meta ġie konkluż dan il-kuntratt, titqies bħala inġusta fis-sens tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 93/13. Fl-affermattiv, hija l-imsemmija qorti li għandha tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw skont id-dritt nazzjonali sabiex tiżgura li dan il-konsumatur ma jiġix marbut mill-imsemmija klawżola. Barra minn hekk, din il-qorti għandha, skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, tevalwa jekk il-kuntratt jistax jibqa’ jgħodd mingħajr din il-klawżola inġusta eventwali.
(ara l-punti 59, 60, 61, 63, u d-dispożittiv 2)
3. In-nuqqas ta’ informazzjoni dwar ir-rata perċentwali annwali ta’ ħlas (RPAĦ) f’kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur, liema informazzjoni hija importanti ħafna fil‑kuntest tad-Direttiva 87/102/KEE, għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-kreditu lill‑konsumatur, kif emendata bid-Direttiva 98/7/KE, jista’ jikkostitwixxi element deċisiv fil-kuntest tal-analiżi mill-qorti nazzjonali sabiex tistħarreġ jekk klawżola f’kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur dwar l-ispiża tiegħu li fih ma hemmx l-imsemmija informazzjoni hijiex abbozzata b’mod ċar u li tinftiehem fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur. Jekk dan ma huwiex il-każ, din il-qorti għandha l‑possibbiltà li tevalwa, anki ex officio , jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha preżenti meta dan il-kuntratt ġie konkluż, in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar ir-RPAĦ fil-klawżola ta’ dan il‑kuntratt dwar l-ispiża ta’ dan il-kreditu jistax jagħti lil din il-klawżola natura inġusta fis-sens tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 93/13.
Madankollu, minkejja l-possibbiltà li l-imsemmi kuntratt jiġi evalwat skont id-Direttiva 93/13, id-Direttiva 87/102 għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-qorti nazzjonali tapplika ex officio d-dispożizzjonijiet li jittrasponu fid-dritt nazzjonali l-Artikolu 4 ta’ din l-aħħar direttiva u li jistabbilixxu li l-konsegwenza tan-nuqqas ta’ informazzjoni dwar ir-RPAĦ f’kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur hija li l-kreditu mogħti jitqies bħala eżenti mill-interessi u mill-ispejjeż.
(ara l-punt 77, d-dispożittiv 3)