Escolha as funcionalidades experimentais que pretende experimentar

Este documento é um excerto do sítio EUR-Lex

Documento 62007CJ0316

Sommarju tas-sentenza

Keywords
Summary

Keywords

1. Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Logħob tal-ażżard

(Artikoli 43 KE u 49 KE)

2. Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Logħob tal-ażżard

(Artikoli 43 KE u 49 KE)

Summary

1. L-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

a) sabiex ikunu jistgħu jiġġustifikaw monopolju pubbliku dwar l-imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi u l-lotteriji, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, permezz ta’ għan ta’ prevenzjoni tal-inkoraġġiment għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob u ta’ ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob, l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati ma għandhomx neċessarjament ikunu f’pożizzjoni li jippreżentaw studju li jistabbilixxi l-proporzjonalità tal-miżura msemmija li jkun sar qabel l-adozzjoni tagħha;

b) il-fatt, għal Stat Membru, li jiffavorixxi tali monopolju meta mqabbel ma’ sistema li tawtorizza l-attività ta’ operaturi privati li jkunu awtorizzati li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni ta’ natura mhux esklussiva jista’ jissodisfa l-ħtieġa ta’ proporzjonalità, sakemm, fir-rigward tal-għan relattiv għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, l-istituzzjoni tal-monopolju msemmi tkun akkumpanjata mill-implementazzjoni ta’ sistema leġiżlattiva li tiżgura li d-detentur tiegħu ser ikun effettivament kapaċi li jsegwi, b’mod koerenti u sistematiku, tali għan permezz ta’ offerta kwantitattivament imkejla u kwalitattivament ippreparata skont l-għan imsemmi u suġġetta għal kontroll strett min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi;

ċ) il-fatt li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jkunu kkonfrontati minn ċerti diffikultajiet għall-finijiet li jiżguraw l-osservanza ta’ tali monopolju fir-rigward ta’ organizzaturi ta’ logħob u ta’ mħatri stabbiliti f’pajjiż barrani, li jikkonkludu, permezz tal-internet u bi ksur tal-monopolju msemmi, imħatri ma’ persuni li jinsabu fit-territorju tal-imsemmija awtoritajiet, ma huwiex ta’ natura, bħala tali, li jolqot l-eventwali konformità ta’ tali monopolju mal-imsemmija dispożizzjonijiet tat-Trattat;

d) f’sitwazzjoni fejn qorti nazzjonali tikkonstata, fl-istess ħin:

– li l-miżuri ta’ riklamar meħuda min-naħa tad-detentur ta’ tali monopolju u relatati ma’ tipi oħra ta’ logħob tal-ażżard ukoll proposti minnu ma jibqgħux limitati għal dak li huwa neċessarju sabiex il-konsumaturi jiġu diretti lejn l-offerta provenjenti minn dan id-detentur billi dawn jiġu żvijati minn ambjenti tal-logħob oħra mhux awtorizzati, iżda jkunu intiżi sabiex jinkoraġġixxu t-tendenza naturali għal-logħob tal-konsumaturi u biex jistimulaw il-parteċipazzjoni attiva tagħhom fih għal finijiet ta’ massimizzazzjoni tad-dħul derivanti minn tali attivitajiet,

– li tipi oħra ta’ logħob tal-ażżard jistgħu jkunu operati minn operaturi privati li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni, u

– li fir-rigward ta’ logħob tal-ażżard ieħor li ma jidħolx fil-kamp tal-imsemmi monopolju u li barra minn hekk ikollu potenzjal ta’ riskju ta’ vizzju superjuri għal-logħob suġġett għal dan il-monopolju, l-awtoritajiet kompetenti jsegwu jew jittolleraw politika ta’ espansjoni tal-offerta tali li tiżviluppa u li tistimula l-attivitajiet tal-logħob, b’mod partikolari bil-għan li jiġi massimizzat id-dħul derivanti minnu,

l-imsemmija qorti nazzjonali tista’ b’mod leġittimu tasal sabiex tikkunsidra li tali monopolju ma huwiex adattat sabiex jiżgura t-twettiq tal-għan ta’ prevenzjoni tal-inkoraġġiment għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob u ta’ ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob li fid-dawl tiegħu dan ġie stabbilit sabiex jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-okkażjonijiet tal-logħob u sabiex jillimita l-attivitajiet f’dan is-settur b’mod koerenti u sistematiku.

(ara l-punt 107, u d-dispożittiv 1)

2. L-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, il-fatt li operatur ikollu, fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit, awtorizzazzjoni li tippermettilu li joffri logħob tal-ażżard ma jipprekludix li Stat Membru ieħor jissuġġetta, fl-osservanza tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-possibbiltà, għal tali operatur, li joffri tali servizzi lil konsumaturi li jinsabu fit-territorju tiegħu, għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet tiegħu stess.

Fil-fatt, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-Istati Membri sabiex jistabbilixxu, skont l-iskala tal-valuri tagħhom stess, il-livell ta’ protezzjoni li jridu jiżguraw u r-rekwiżiti li tinvolvi l-protezzjoni msemmija, l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tas-sistema ta’ protezzjoni stabbilita minn Stat Membru ma tistax b’mod partikolari tiġi influwenzata mill-fatt li Stat Membru ieħor ikun għażel sistema ta’ protezzjoni differenti. Fid-dawl ta’ din il-marġni ta’ diskrezzjoni u tan-nuqqas ta’ kull armonizzazzjoni Komunitarja dwar is-suġġett, ma jistax jeżisti obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet maħruġa mid-diversi Stati Membri fid-dawl tal-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari jsegwi li kull Stat Membru jibqa’ fid-dritt li jissuġġetta l-possibbiltà għal kull operatur li jixtieq joffri logħob tal-ażżard lil konsumaturi li jinsabu fit-territorju tiegħu għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni li tinħareġ mill-awtoritajiet kompetenti tiegħu, mingħajr ma l-fatt li operatur partikolari jkun diġà jkollu awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru ieħor ma jkun ta’ ostakolu.

(ara l-punti 111-113, 116, u d-dispożittiv 2)

Início