Vyberte pokusně zaváděné prvky, které byste chtěli vyzkoušet

Tento dokument je výňatkem z internetových stránek EUR-Lex

Dokument 62008CJ0470

Sommarju tas-sentenza

Kawża C-470/08

Kornelis van Dijk

vs

Gemeente Kampen

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof te Arnhem)

“Politika agrikola komuni — Sistema integrata ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll ta’ ċerti skemi ta’ għajnuna — Regolament (KE) Nru 1782/2003 — Skema ta’ pagament uniku — Trasferiment tad-drittijiet għall-pagament — Għeluq tal-kuntratt tal-kera — Obbligi tal-kerrej u ta’ sid il-kera”

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-21 ta’ Jannar 2010   I ‐ 606

Sommarju tas-sentenza

Agrikoltura – Politika agrikola komuni – Sistema integrata ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll dwar ċerti skemi ta’ għajnuna – Skema ta’ pagament uniku

(Regolament tal-Kunsill Nru 1782/2003, it-tieni inċiż tal-Artikolu 1, Artikoli 2(a) u (ċ), 33(1)(a), 36(1), 43(1) u 46; Regolament tal-Kummissjoni Nru 795/2004)

Ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti Nru 1782/2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u Nru 795/2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ ħlas waħdieni li hemm provvediment dwaru fir-Regolament Nru 1782/2003, ma tipprovdi li l-kerrej għandu l-obbligu, malli tagħlaq il-kera, li jitrasferixxi lis-sid il-kera l-artijiet li huma s-suġġett tal-kera flimkien mad-drittijiet għall-pagament ikkostitwiti għal dawn l-artijiet jew relatati magħhom.

Min-naħa l-oħra, jirriżulta kemm mill-għanijiet kif ukoll mill-istruttura tar-Regolament Nru 1782/2003 li, fin-nuqqas ta’ stipulazzjoni kuntrarja, id-drittijiet għall-pagament jibqgħu miżmuma mill-kerrej fl-għeluq tal-kera.

Fill-fatt, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1782/2003, l-iskema ta’ pagament uniku tikkostitwixxi appoġġ għad-dħul tal-bdiewa li l-għan tagħha huwa li jiġi żgurat livell ta’ għajxien ġust għall-komunità agrikola. Skont l-Artikolu 43(1) tal-imsemmi regolament, id-drittijiet għall-pagament mogħtija lill-bidwi skont l-iskema ta’ pagament uniku jiddependu min-numru ta’ ettari li huwa kellu matul il-perijodu ta’ referenza kif ukoll mill-pagamenti li kienu ngħatawlu skont dawn l-iskemi ta’ appoġġ msemmija fl-anness ta’ dan ir-regolament. F’dan il-kuntest l-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 jipprovdi li l-għajnuna taħt l-iskema ta’ pagament uniku għandha titħallas fir-rigward ta’ drittijiet għall-pagament akkumpanjati b’numru ugwali ta’ ettari eliġibbli għall-għajnuna. Min-naħa l-oħra, ma jirriżulta bl-ebda mod minn dan l-artikolu li d-drittijiet għall-pagament huma marbuta ma’ biċċiet ta’ art partikolari, b’mod partikolari ma’ dawk li kellu l-bidwi matul il-perijodu ta’ referenza.

L-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 1782/2003, li jistabbilixxi l-possibbiltà li jiġu ttrasferiti d-drittijiet għall-pagament skont l-għan imsemmi fil-premessa 30 ta’ dan ir-regolament, jipprovdi, b’mod partikolari, fil-paragrafu 2 tiegħu, li f’każ ta’ kera jew ta’ kull tranżazzjoni li tixxiebah, it-trasferiment tad-drittijiet għall-pagament huwa awtorizzat biss bil-kundizzjoni li jkun hemm ukoll it-trasferiment ta’ numru ekwivalenti ta’ ettari eliġibbli għall-għajnuna. Din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex ikunu evitati, skont l-għan li jinsab fil-premessa 30 ta’ dan ir-regolament, it-trasferimenti spekulattivi li jistgħu jwasslu għall-akkumulazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament mingħajr bażi agrikola li tikkorrispondi magħhom. Barra minn hekk, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 33(1)(a) tar-Regolament Nru 1782/2003 u tal-Artikolu 2(1)(a) u (ċ) ta’ dan ir-regolament, l-iskema ta’ pagament uniku hija intiża għall-bdiewa, jiġifieri għall-persuni li jeżerċitaw attività agrikola li tikkonsisti fil-produzzjoni, fit-trobbija jew fit-tkabbir ta’ prodotti agrikoli jew iż-żamma tal-artijiet f’kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba. Issa, il-kerrej tal-artijiet ma huwiex neċessarjament bidwi fis-sens tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 1782/2003. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk il-leġiżlatur Komunitarju kien xtaq li d-drittijiet għall-pagament f’kull każ jiġu ttrasferiti lejn sid il-kera fl-għeluq tal-kera, huwa kien jipprovdi dispożizzjoni f’dan is-sens.

Konsegwentement, id-dritt Komunitarju ma jobbligax lill-kerrej, fl-għeluq tal-kera, li jittrasferixxi lis-sid il-kera l-artijiet bi qbiela inkwistjoni flimkien mad-drittijiet għall-pagament ikkostitwiti għal dawn l-artijiet jew relatati magħhom, u lanqas li jħallsu kumpens.

(ara l-punti 25-28, 30, 32, 34-38, 43 u d-dispożittiv)

Nahoru