Dit document is overgenomen van EUR-Lex
Document 62008CJ0345
Sommarju tas-sentenza
Sommarju tas-sentenza
Kawża C-345/08
Krzysztof Peśla
vs
Justizministerium Mecklenburg-Vorpommern
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Schwerin)
“Moviment liberu tal-ħaddiema — Artikolu 39 KE — Rifjut tal-aċċess għal stage legali preparatorju għall-professjonijiet legali regolati — Kandidat li jkun kiseb id-diploma tiegħu fil-liġi fi Stat Membru ieħor — Kriterji ta’ eżami tal-ekwivalenza tal-konoxxenza miksuba”
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-10 ta’ Diċembru 2009 I ‐ 11680
Sommarju tas-sentenza
Moviment liberu tal-persuni – Ħaddiema – Aċċess għal stage preparatorju għall-professjonijiet legali regolati
(Artikolu 39 KE)
Moviment liberu tal-persuni – Ħaddiema – Aċċess għal stage preparatorju għall-professjonijiet legali regolati
(Artikolu 39 KE)
L-Artikolu 39 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konoxxenza li għandha tittieħed bħala element ta’ referenza sabiex issir evalwazzjoni tal-ekwivalenza ta’ taħriġ wara talba ta’ ammissjoni diretta, mingħajr ma jgħaddi mill-eżamijiet previsti għal dan il-għan, għal stage preparatorju għall-professjonijiet legali, hija dik iddikjarata mill-kwalifika mitluba fl-Istat Membru fejn il-kandidat jitlob li jaċċedi għal tali stage.
Fil-fatt, fil-kuntest tal-eżami komparattiv tal-kwalifika ddikjarata mid-diplomi, ċertifikati u titoli oħra tal-kandidat kif ukoll mill-esperjenza professjonali rilevanti tiegħu u, min-naħa l-oħra, tal-kwalifika professjonali mitluba mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, Stat Membru jista’ jieħu inkunsiderazzjoni differenzi oġġettivi differenti relatati kemm mal-kuntest legali tal-professjoni inkwistjoni fl-Istat Membru ta’ provenjenza kif ukoll mal-kamp ta’ attività tiegħu. Fil-każ tal-professjoni ta’ avukat, Stat Membru għalhekk għandu d-dritt li jagħmel eżami komparattiv tad-diplomi billi jieħu inkunsiderazzjoni differenzi rrilevati bejn is-sistemi legali nazzjonali kkonċernati.
Għalhekk, il-fatt biss li l-istudji legali relatati mal-liġi tal-ewwel Stat Membru jistgħu jkunu kkunsidrati bħala paragunabbli, fid-dawl kemm tal-livell tat-taħriġ li wieħed jirċievi kif ukoll tal-ħin u l-isforzi applikati għal dan il-għan, mal-istudji li huma intiżi li jagħtu l-konoxxenza ddikjarata mill-kwalifika mitluba fi Stat Membru ieħor, ma jistax minnu nnifsu jwassal, fil-kuntest tal-eżami komparattiv, għal obbligu li tiġi pprivileġġata mhux il-konoxxenza mitluba mid-dispożizzjonjiet nazzjonali tal-Istat Membru li fih il-kandidat jitlob li jibbenefika mit-taħriġ professjonali meħtieġ sabiex jaċċedi għall-professjonijiet legali iżda dik, relatata essenzjalment mal-liġi tal-ewwel Stat Membru, iddikjarata mill-kwalifiki miksuba f’dan l-aħħar Stat.
(ara l-punti 37, 44, 46, 48 u d-dispożittiv 1)
L-Artikolu 39 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jeżaminaw it-talba ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor sabiex jikseb l-aċċess għal perijodu ta’ taħriġ prattiku fid-dawl tal-eżerċizzju ulterjuri ta’ professjoni legali regolata, bħal stage preparatorju għall-professjonijiet legali fil-Ġermanja, dan l-artikolu minnu nnifsu ma jimponix li dawn l-awtoritajiet jeħtieġu biss mill-kandidat, fil-kuntest tal-eżami tal-ekwivalenza meħtieġ mid-dritt Komunitarju, livell ta’ konoxxenza legali inqas minn dak iddikjarat mill-kwalifika mitluba f’dan l-Istat Membru għall-aċċess għal tali perijodu ta’ taħriġ prattiku. Madankollu għandu jiġi ppreċiżat li, minn naħa, dan l-artikolu lanqas ma jipprekludi tali flessibbiltà tal-kwalifika meħtieġa u li, min-naħa l-oħra, fil-prattika, il-possibbiltà ta’ rikonoxximent parzjali tal-konoxxenza ċċertifikata mill-kwalifiki li l-persuna kkonċernata tkun iġġustifikat ma tibqax sempliċement fittizzja, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.
(ara l-punt 65 u d-dispożittiv 2)