This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62007CJ0052
Sommarju tas-sentenza
Sommarju tas-sentenza
Kawża C-52/07
Kanal 5 Ltd u TV 4 AB
vs
Föreningen Svenska Tonsättares Internationella Musikbyrå (STIM) upa
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Marknadsdomstolen)
“Drittijiet tal-awtur — Soċjetà għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur li għandha monopolju de facto — Ġbir ta’ royalties għax-xandir televiżiv ta’ xogħlijiet mużikali — Metodu ta’ kalkolu ta’ dawn ir-royalties — Pożizzjoni dominanti — Abbuż ”
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali V. Trstenjak, ippreżentati fil-11 ta’ Settembru 2008 I ‐ 9278
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-11 ta’ Diċembru 2008 I ‐ 9311
Sommarju tas-sentenza
Kompetizzjoni – Pożizzjoni dominanti – Soċjetà għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur li għandha monopolju de facto – Ġbir ta’ royalties li jikkorrispondu għal parti mid-dħul tax-xandara tat-televiżjoni privati li tkun globalment proporzjonali għall-kwantità ta’ xogħlijiet imxandra fuq it-televiżjoni fin-nuqqas ta’ metodi oħra li jippermettu li jiġu mkejla b’mod iktar preċiż kemm l-użu kif ukoll l-udjenza tagħhom
(Artikolu 82 KE)
Kompetizzjoni – Pożizzjoni dominanti – Soċjetà għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur li għandha monopolju de facto – Ġbir ta’ royalties ikkalkolati b’mod differenti skont jekk ix-xandar tat-televiżjoni jkunx xandar privat jew xandar ta’ servizz pubbliku
(Artikolu 82 KE)
L-Artikolu 82 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur li jkollha pożizzjoni dominanti f’parti sostanzjali tas-suq komuni ma tkunx qed tisfrutta b’mod abbużiv din il-pożizzjoni meta, bħala remunerazzjoni dovuta għax-xandir televiżiv ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur, tapplika, fil-konfront ta’ xandara tat-televiżjoni privati, skala ta’ royalties li tipprovdi li l-ammont ta’ dawn ir-royalties għandu jkun jikkorrispondi għal parti mid-dħul ta’ dawn ix-xandara, sakemm din il-parti tkun globalment proporzjonali għall-kwantità ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur li effettivament ġew, jew li setgħu jiġu, imxandra fuq it-televiżjoni u sakemm ma jkunx jeżisti metodu ieħor li jippermetti li jiġu identifikati u kkwantifikati b’mod iktar preċiż kemm l-użu ta’ dawn ix-xogħlijiet kif ukoll l-udjenza, mingħajr, madankollu, ma jkun jinvolvi żieda sproporzjonata fl-ispejjeż relatati mal-amministrazzjoni tal-kuntratti u mas-sorveljanza tal-użu tax-xogħlijiet imsemmija.
(ara l-punt 41 u d-dispożittiv 1)
L-Artikolu 82 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, billi tikkalkula r-royalties miġbura bħala remunerazzjoni dovuta għax-xandir televiżiv ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur b’mod differenti skont jekk ix-xandar tat-televiżjoni jkunx xandar privat jew xandar ta’ servizz pubbliku, soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur tista’ tuża b’mod abbużiv il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-sens tal-imsemmi artikolu meta hija tapplika fil-konfront ta’ dawn ix-xandara kundizzjonijiet mhux ugwali għal servizzi ekwivalenti u meta minħabba f’hekk tqegħedhom fi żvantaġġ kompetittiv, dejjem sakemm din il-prattika ma tkunx oġġettivament iġġustifikata.
F’dak li jirrigwarda l-eżami tal-eventwali eżistenza ta’ prattika bħal din, għandu b’mod partikolari jittieħed inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-fatt li, bil-kontra tax-xandara tat-televiżjoni privati, ix-xandara ta’ servizz pubbliku la jistgħu jagħmlu dħul minn kuntratti pubbliċitarji u lanqas minn kuntratti ta’ abbonament u kif ukoll il-fatt li r-royalties dovuti mix-xandara ta’ servizz pubbliku jistgħu jinġabru mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwantità ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur effettivament imxandra fuq it-televiżjoni. Barra minn dan, għandu jiġi vverifikat ukoll jekk ix-xandara tat-televiżjoni privati humiex kompetituri tax-xandara ta’ servizz pubbliku fl-istess suq.
F’dak li jirrigwarda l-eżami tal-eventwali eżistenza ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva, tali ġustifikazzjoni tista’ tirriżulta b’mod partikolari mill-inkarigu u mill-metodu ta’ finanzjament tax-xandara ta’ servizz pubbliku.
(ara l-punti 44-48 u d-dispożittiv 2)