Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0120

Sommarju tas-sentenza

Kawżi magħquda C-120/06 P u C-121/06 P

Fabbrica italiana accumulatori motocarri Montecchio SpA (FIAMM) et

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

u

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Appell — Rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) — Konstatazzjoni tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim dwar l-inkompatibbiltà tas-sistema Komunitarja tal-importazzjoni tal-banana mar-regoli tad-WTO — Miżuri ta’ ritaljazzjoni imposti mill-Istati Uniti fil-forma ta’ taxxa doganali supplimentari mħallsa fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti provenjenti minn diversi Stati Membri — Miżuri ta’ ritaljazzjoni awtorizzati mid-WTO — Nuqqas ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità — Tul tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza — Terminu raġonevoli — Talba għal kumpens xieraq”

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Poiares Maduro, ippreżentati fl-20 ta’ Frar 2008   I - 6518

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-9 ta’ Settembru 2008   I - 6549

Sommarju tas-sentenza

  1. Appell – Aggravji – Motivazzjoni insuffiċjenti jew kontradittorja – Ammissibbiltà

    (Artikolu 225 KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

  2. Ftehim internazzjonali – Ftehim tal-Komunità

  3. Ftehim internazzjonali – Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

  4. Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Responsabbiltà li tirriżulta minn att illegali

    (It-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE)

  5. Dritt Komunitarju – Prinċipji – Drittijiet fundamentali – Dritt ta’ proprjetà – Eżerċizzju liberu ta’ attivitajiet professjonali – Portata

  6. Appell – Aggravji – Motivi ta’ sentenza vvizzjati bi ksur tad-dritt Komunitarju – Dispożittiv ibbażat fuq motivi oħra ta’ dritt – Ċaħda

  7. Proċedura – Tul tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza – Terminu raġonevoli – Kriterji ta’ evalwazzjoni

  1.  Il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza hijiex kontradittorja jew insuffiċjenti tikkostitwixxi kwistjoni ta’ dritt li tista’, bħala tali, tiġi invokata fil-kuntest ta’ appell.

    F’dan ir-rigward, l-obbligu tal-Qorti tal-Prim’Istanza li timmotiva s-sentenzi tagħha ma jistax jiġi interpretat bħala li jimplika li din hija marbuta li twieġeb fid-dettall għal kull argument invokat minn rikorrent, b’mod partikolari jekk dan l-argument ma jkunx ta’ natura suffiċjentment ċara u preċiża.

    Bl-istess mod, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jimponix fuq il-Qorti tal-Prim’Istanza li tipprovdi osservazzjonijiet li jsegwu, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha mogħtija mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tista’ b’hekk tkun impliċita bil-kundizzjoni li tippermetti lill-partijiet interessati li jkunu jafu r-raġunijiet għalfejn il-Qorti tal-Prim’Istanza ma laqgħatx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha elementi biżżejjed sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha.

    (ara l-punti 90, 91, 96)

  2.  L-effetti fil-Komunità tad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim konkluż minnha ma’ Stati terzi ma jistgħux jiġu ddeterminati billi tiġi injorata l-oriġini internazzjonali tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni. Skont il-prinċipji tad-dritt internazzjonali, l-istituzzjonijiet Komunitarji li huma kompetenti sabiex jinnegozjaw u jikkonkludu tali ftehim huma liberi li jiftehmu mal-Istati terzi kkonċernati dwar l-effetti li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim għandu jkollhom fis-sistema legali interna tal-partijiet kontraenti. Fin-nuqqas li din il-kwistjoni tiġi espressament irregolata fl-imsemmi ftehim, huma l-qrati kompetenti, u b’mod partikolari l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha skont it-Trattat KE, li għandhom jiddeċiedu dwarha bl-istess mod bħal ma jiddeċiedu dwar kull kwistjoni oħra ta’ interpretazzjoni relatata mal-applikazzjoni tal-ftehim inkwistjoni fil-Komunità, b’mod partikolari billi jibbażaw ruħhom fuq l-ispirtu, l-iskema ġenerali jew it-termini ta’ dan il-ftehim.

    Huwa b’dan il-mod li, b’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistabbilixxi jekk id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali jagħtux lill-individwi suġġetti għad-dritt Komunitarju d-dritt li jinvokawhom fil-qorti sabiex jikkontestaw il-validità ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tevalwa l-validità ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja fid-dawl ta’ trattat internazzjonali fil-każ biss li n-natura u l-istruttura tagħha ma jipprekludux tali eżami u meta, barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tagħha jkunu jidhru, mill-aspett tal-kontenut tagħhom, li huma inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi.

    (ara l-punti 108-110)

  3.  Deċiżjoni tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim (DSB) tad-WTO, li m’għandha l-ebda skop ieħor ħlief li tiddeċiedi dwar il-konformità tal-aġir ta’ Stat Membru tad-WTO mal-obbligi miftehma f’dan il-kuntest minn dan l-Istat, essenzjalment ma tistax tkun fundamentalment distinta mir-regoli materjali li jistabbilixxu tali obbligi u li fir-rigward tagħhom topera tali stħarriġ, għall-inqas meta jkollu jiġi stabbilit jekk ksur tal-imsemmija regoli jew deċiżjoni jistax jew le jiġi invokat quddiem il-qorti Komunitarja għall-finijiet tal-istħarriġ tal-legalità tal-aġir tal-istituzzjonijiet Komunitarji.

    Bl-istess mod bħar-regoli materjali li jifformaw il-Ftehim WTO, rakkomandazzjoni jew deċiżjoni tad-DSB li tikkonstata n-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija regoli mhijiex, irrispettivament mill-portata legali preċiża marbuta ma’ tali rakkomandazzjoni jew deċiżjoni, ta’ natura li tagħti d-dritt lill-individwi li jinvokawha quddiem il-qorti Komunitarja għall-finijiet li jsir stħarriġ tal-legalità tal-aġir tal-istituzzjonijiet Komunitarji, kemm jekk dan l-istħarriġ isir fil-kuntest ta’ kawża għal annullament jew għall-finijiet li tingħata deċiżjoni dwar rikors għad-danni.

    Fil-fatt, minn naħa, in-natura tal-Ftehim WTO u r-reċiproċità u l-flessibbiltà li jikkaratterizzawh, jibqgħu preżenti meta tiġi adottata tali deċiżjoni jew rakkomandazzjoni u ladarba jiskadi t-terminu raġonevoli mogħti għall-implementazzjoni tagħhom. B’mod partikolari, l-istituzzjonijiet Komunitarji jżommu setgħa diskrezzjonali u ta’ negozjati fil-konfront tal-imsieħba kummerċjali tagħhom bil-għan li jiġu adottati miżuri intiżi sabiex jimplementaw dawn id-deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet, u tali setgħa għandha tinżamm.

    Min-naħa l-oħra, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 3(2) tal-Ftehim dwar Regoli u Proċeduri li jirregolaw Konklużjonijiet ta’ Tilwim, li jikkostitwixxi l-Anness 2 tal-Ftehim li jistabbilixxi d-WTO, ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB ma jistgħux iżidu jew inaqqsu d-drittijiet u l-obbligi stabbiliti fil-ftehim ikkonċernati. B’mod partikolari jsegwi li deċiżjoni tad-DSB li tikkonstata l-ksur ta’ tali obbligu ma jistax ikollha l-konsegwenza li tobbliga lil parti fil-Ftehim WTO li tagħti lill-individwi dritt li m’għandhomx bis-saħħa ta’ dawn il-ftehim, fin-nuqqas ta’ tali deċiżjoni.

    (ara l-punti 120, 128-131)

  4.  Meta ġiet stabbilita l-eżistenza ta’ sistema ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità minħabba l-eżerċizzju legali tal-attivitajiet tagħha li jaqgħu taħt l-isfera leġiżlattiva, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi. Fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, ma teżistix is-sistema ta’ responsabbiltà li tippermetti r-responsabbiltà tal-Komunità minħabba aġir li jifforma parti mill-isfera ta’ kompetenza leġiżlattiva tagħha f’sitwazzjoni fejn l-eventwali non-konformità ta’ tali aġir mal-Ftehim WTO ma tistax tiġi invokata quddiem il-qorti Komunitarja.

    F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti jekk l-imsemmi aġir għandux jiġi evalwat bħala att pożittiv, jiġifieri, pereżempju, l-adozzjoni ta’ regolamenti wara li tittieħed id-deċiżjoni tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim (DSB) tad-WTO, jew bħala ommissjoni, jiġifieri l-fatt li ma ġewx adottati atti li huma xierqa sabiex tiġi żgurata eżekuzzjoni korretta ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, l-astensjoni tal-istituzzjonijiet Komunitarji tista’ wkoll taqa’ taħt il-funzjoni leġiżlattiva tal-Komunità, b’mod partikolari fil-kuntest tal-kawża għar-responsabbiltà.

    Madankollu, il-leġiżlatur Komunitarju għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jevalwa jekk, fl-okkażjoni tal-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv partikolari, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti effetti li joħolqu dannu li jirriżultaw minn din l-adozzjoni jiġġustifikax li jiġu previsti ċerti forom ta’ kumpens.

    Bl-istess mod, att leġiżlattiv Komunitarju li l-implementazzjoni tiegħu twassal għal restrizzjonijiet tad-drittijiet fundamentali bħad-dritt tal-proprjetà u tal-eżerċizzju liberu ta’ attività professjonali, jista’ jwassal għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità meta joħloq preġudizzju sproporzjonat u intollerabbli għas-sustanza stess ta’ dawn id-drittijiet, jekk ikun il-każ preċiżament minħabba li dan l-att ma jkunx ipprovda għal kumpens xieraq ta’ natura li jevita jew jirremedja dan il-preġudizzju.

    (ara l-punti 176, 178, 179, 181, 184)

  5.  Operatur ekonomiku ma jistax jinvoka dritt ta’ proprjetà fuq parti mis-suq li huwa kellu f’mument partikolari, peress li tali parti mis-suq tikkostitwixxi biss pożizzjoni ekonomika momentanja esposta għall-possibbiltà ta’ bidla ta’ ċirkustanzi. Bl-istess mod, il-garanziji mogħtija mid-dritt ta’ proprjetà jew mill-prinċipju ġenerali li jiggarantixxi l-eżerċizzju liberu ta’ professjoni ma jistgħux jiġu estiżi għall-protezzjoni ta’ sempliċi interessi jew ta’ opportunitajiet ta’ natura kummerċjali, li n-natura aleatorja tagħhom tifforma parti sħiħa mis-sustanza stess tal-attività ekonomika.

    Huwa għalhekk li operatur li l-attività tiegħu tinvolvi b’mod partikolari l-esportazzjoni lejn is-swieq ta’ Stati terzi għandu b’mod partikolari jkun jaf li l-pożizzjoni kummerċjali li jkollu fi żmien partikolari tista’ tintlaqat u tinbidel minn diversi ċirkustanzi, li fosthom hemm l-eventwalità, wara kollox espressament prevista u rregolata mill-Artikolu 22 tal-Ftehim dwar Regoli u Proċeduri li jirregolaw Konklużjonijiet ta’ Tilwim (DSU), li jikkostitwixxi l-Anness 2 tal-Ftehim li jistabbilixxi d-WTO, li tali Stat terz jadotta miżuri ta’ sospensjoni ta’ konċessjonijiet b’reazzjoni għall-attitudni adottata mill-imsieħba kummerċjali tiegħu fil-kuntest tad-WTO u jagħżel liberament, minn din il-perspettiva, u hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 22(3)(a) u (f) tad-DSU, il-merkanziji li fuqhom għandu jimponi l-miżuri msemmija.

    (ara l-punti 185, 186)

  6.  Jekk mill-motivi ta’ sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza jirriżulta ksur tad-dritt Komunitarju, iżda d-dispożittiv tagħha jidher fondat fir-rigward ta’ motivi oħra tad-dritt, l-appell għandu jiġi miċħud.

    (ara l-punt 187)

  7.  Fin-nuqqas ta’ kull indizju li t-tul tal-proċeduri kellu impatt fuq is-soluzzjoni tat-tilwima, l-aggravju bbażat fuq l-allegazzjoni li l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza qabżet il-ħtiġijiet marbuta mar-rispett tat-terminu raġonevoli ma jistax bħala regola ġenerali jwassal għall-annullament tas-sentenza mogħtija minnha.

    Barra minn hekk, in-natura raġonevoli tat-tul tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tigi evalwata skont iċ-ċirkustanzi proprji ta’ kull kawża, u b’mod partikolari, skont l-importanza tal-kawża għall-parti interessata, skont il-kumplessità tal-kawża kif ukoll skont l-aġir tar-rikorrent u dak tal-awtoritajiet kompetenti.

    (ara l-punti 203, 212)

Top