Επιλέξτε τις πειραματικές λειτουργίες που θέλετε να δοκιμάσετε

Το έγγραφο αυτό έχει ληφθεί από τον ιστότοπο EUR-Lex

Έγγραφο 62006CJ0212

Sommarju tas-sentenza

Kawża C-212/06

Il-Gvern tal-Komunità Franċiża

u

Il-Gvern tal-Vallonja

vs

Il-Gvern Fjamming

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’arbitrage, li saret il-Cour constitutionnelle (il-Belġju))

“Skema ta’ assigurazzjoni għall-kura stabbilita minn entità federali ta’ Stat Membru — Esklużjoni tal-persuni residenti f’parti mit-territorju nazzjonali differenti mill-parti li taqa’ taħt il-kompetenza ta’ din l-entità — Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE — Regolament (KEE) Nru 1408/71”

Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fit-28 ta’ Ġunju 2007   I - 1687

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) ta’ l-1 ta’ April 2008   I - 1730

Sommarju tas-sentenza

  1. Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Leġiżlazzjoni Komunitarja – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, Artikolu 4)

  2. Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Sitwazzjonijiet purament interni

    (Artikoli 17 KE, 18 KE u 234 KE)

  3. Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Kompetenza ta’ l-entitajiet federali ta’ Stat Membru li jorganizzaw is-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom – Limiti

    (Artikoli 39 KE u 43 KE)

  4. Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Kompetenza ta’ l-entitajiet federali ta’ Stat Membru li jorganizzaw is-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom – Limiti

    (Artikoli 39 KE u 43 KE)

  1.  Benefiċċji mħallsa taħt skema ta’ assigurazzjoni għall-kura, li tagħti dritt, b’mod oġġettiv u abbażi ta’ sitwazzjoni legalment iddefinita, għall-ħlas lura minn fond ta’ assigurazzjoni għall-kura ta’ l-ispejjeż sostnuti għal servizzi ta’ għajnuna u għal servizzi mhux mediċi minn kull persuna b’awtonomija mnaqqsa minħabba diżabbiltà fit-tul u serja, jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 1408/71.

    Fil-fatt, benefiċċji intiżi sabiex itejbu l-istat ta’ saħħa u l-ħajja tal-persuni dipendenti, essenzjalment għandhom bħala għan li jikkompletaw il-benefiċċji ta’ l-assigurazzjoni kontra l-mard u għandhom, għalhekk, jitqiesu bħala “benefiċċji tal-mard” skond l-Artikolu 4(1)(a) tar-regolament imsemmi.

    Barra min hekk, tali skema ta’ assigurazzjoni għall-kura rregolata minn dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw għal parti biss mit-territorju ta’ Stat Membru ma tistax tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, peress li hija ffinanzjata, għall-inqas parzjalment, minn kontribuzzjonijiet imħallsa mill-persuni assigurati, u mhijiex imsemmija fl-Anness II, Taqsima III ta’ dan ir-regolament.

    (ara l-punti 19-23, u d-dispożittiv 1)

  2.  Id-dritt Komunitarju ma jistax jiġi applikat għal sitwazzjonijiet purament interni. Fid-dawl ta’ dan, ma jistax jiġi invokat il-prinċipju taċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni stabbilit fl-Artikolu 17 KE, li b’mod partikolari jinkludi, skond l-Artikolu 18 KE, id-dritt ta’ kull ċittadin ta’ l-Unjoni li jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri. Fil-fatt, iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni m’għandhiex bħala għan li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-Trattat għal sitwazzjonijiet interni li m’għandhom ebda rabta mad-dritt Komunitarju. Madankollu, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju tista’ eventwalment tkun utli għall-qorti nazzjonali, inkluż fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet ikkunsidrati bħala purament interni, b’mod partikolari fil-każ fejn id-dritt ta’ l-Istat Membru kkonċernat jimponi li kull ċittadin nazzjonali għandu jibbenefika mill-istess drittijiet bħal dawk li ċittadin ta’ Stat Membru ieħor jieħu mid-dritt Komunitarju f’sitwazzjoni kkunsidrata minn din il-qorti bħala paragunabbli.

    (ara l-punti 38-40)

  3.  L-Artikoli 39 KE u 43 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ entità federali ta’ Stat Membru, bħal dik li tirregola l-assigurazzjoni għall-kura, li tillimita l-affiljazzjoni ma’ skema ta’ sigurtà soċjali u l-vantaġġ tal-benefiċċji previsti minnha għall-persuni li jew huma residenti fit-territorju li jaqa’ taħt il-kompetenza ta’ din l-entità, jew li jeżerċitaw attività professjonali fuq dan l-istess territorju filwaqt li jkunu residenti fi Stat Membru ieħor, safejn tali limitazzjoni tolqot lil ċittadini ta’ Stati Membri oħra jew lil ċittadini nazzjonali li għamlu użu mid-dritt ta’ moviment liberu tagħhom ġewwa l-Komunità Ewropea.

    Fil-fatt, l-imsemmija artikoli tat-Trattat jipprekludu kull miżura nazzjonali li, anki jekk applikabbli mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, tista’ tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini Komunitarji, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat. Issa, sabiex miżura tirrestrinġi l-moviment liberu, mhuwiex neċessarju li tkun ibbażata fuq in-nazzjonalità tal-perusuni kkonċernati u lanqas li jkollha bħala effett li tiffavorixxi lill-ħaddiema nazzjonali kollha jew li tiżfavorixxi biss lil ċittadini ta’ l-Istati Membri oħra bl-esklużjoni tal-ħaddiema nazzjonali. Huwa biżżejjed li l-miżura vantaġġuża tkun ta’ benefiċċju għal ċerti kategoriji ta’ persuni li jeżerċitaw attività professjonali fl-Istat Membru in kwistjoni.

    Barra minn hekk, l-Artikoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapitali jikkostitwixxu dispożizzjonijiet fundamentali għall-Komunità u kull ostakolu, anki ta’ importanza minuri, għal din il-liberta huwa pprojbit.

    (ara l-punti 45, 50, 52, 60, u d-dispożittiv 2)

  4.  L-Artikoli 39 KE u 43 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ entità federali ta’ Stat Membru li tillimita l-affiljazzjoni ma’ skema ta’ sigurtà soċjali u l-vantaġġ tal-benefiċċji previsti minnha biss għall-persuni li jirrisjedu fit-territorju ta’ din l-entità, safejn tali limitazzjoni tolqot lil ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jeżerċitaw attività professjonali fit-territorju ta’ din l-entità, jew lil ċittadini nazzjonali li jkunu għamlu użu mid-dritt ta’ moviment liberu tagħhom ġewwa l-Komunità Ewropea.

    (ara l-punt 63, u d-dispożittiv 3)

Επάνω