Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0589

GMAC UK

Court reports – general

Kawża C‑589/12

Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs

vs

GMAC UK plc

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — VAT — Sitt Direttiva 77/388/KEE — L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11Ċ(1) — Effett dirett — Tnaqqis tal-valur taxxabbli — Twettiq ta’ żewġ tranżazzjonijiet li jirrigwardaw l-istess oġġetti — Kunsinni ta’ oġġetti — Karozzi, mibjugħa bil-hire-purchase, li ttieħed il-pussess tagħhom lura, u li nbiegħu mill-ġdid bl-irkant — Abbuż ta’ dritt”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-3 ta’ Settembru 2014

Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Valur taxxabbli – Tnaqqis fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas totali jew parzjali – Rexissjoni ta’ kuntratt ta’ hire-purchase li jirrigwarda vettura bil-mutur li twassal għall-bejgħ mill-ġdid tagħha – Stat Membru li jipprojbixxi lil persuna taxxabbli milli tinvoka l-effett dirett tad-direttiva fir-rigward ta’ tali tnaqqis – Inammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11Ċ(1))

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11Ċ(1) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ rexissjoni ta’ kuntratt ta’ hire‑purchase li jirrigwarda vettura bil-mutur li twassal għall-bejgħ mill-ġdid tagħha, Stat Membru ma jistax jipprojbixxi lil persuna taxxabbli milli tinvoka l-effett dirett ta’ din id-dispożizzjoni fir-rigward ta’ tranżazzjoni, minħabba li din il-persuna taxxabbli tista’ tinvoka dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali fir-rigward ta’ tranżazzjoni oħra li tirrigwarda l-istess oġġetti u minħabba li l-applikazzjoni kumulattiva ta’ dawn id-dispożizzjonijiet twassal għal riżultat fiskali globali li la d-dritt nazzjonali u lanqas l-imsemmija direttiva, applikati b’mod separat għal dawn it-tranżazzjonijiet, ma jipproduċu jew ma huma intiżi li jipproduċu.

Fil-fatt, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11Ċ(1) tas-Sitt Direttiva għandu effett dirett tant li l-kwistjoni ta’ jekk persuna taxxabbli tistax tinvoka, wara li tkun ipprovdiet oġġett fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ hire-purchase, id-dritt li tikseb tnaqqis tal-valur taxxabbli li din id-dispożizzjoni tagħtiha tiddependi miċ-ċirkustanza li l-klijenti tagħha ma jeżegwixxux it-totalità, jew parti, mill-obbligu tagħhom ta’ ħlas fil-kuntest ta’ dak il-kuntratt.

Għalhekk, fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas totali jew parzjali, l-ammont tal-valur taxxabbli tal-kuntratt ta’ hire-purchase ta’ vettura għandu jiġi aġġustat skont il-korrispettiv realment riċevut mill-persuna taxxabbli fil-kuntest ta’ dak l-istess kuntratt. Il-korrispettiv miġbur minn dik il-persuna taxxabbli, imħallas minn terz fil-kuntest ta’ tranżazzjoni oħra, f’dan il-każ il-bejgħ bl-irkant tal-vettura rrestitwita mill-kerrej, jibqa’ bla effett fuq il-konklużjoni li tgħid li l-imsemmija persuna taxxabbli tista’ tinvoka l-effett dirett tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11Ċ(1) tas-Sitt Direttiva fil-kuntest tal-kuntratt ta’ hire-purchase.

(ara l-punti 36, 42, 49 u d-dispożittiv)

Top