Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0575

Air Baltic Corporation

Kawża C‑575/12

Air Baltic Corporation AS

vs

Valsts robežsardze

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administratīvā apgabaltiesa)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Regolament (KE) Nru 810/2009 — Artikoli 24(1) u 34 — Viża uniformi — Annullament jew revoka ta’ viża uniformi — Validità ta’ viża uniformi mwaħħla fuq dokument tal-ivvjaġġar annullat — Regolament (KE) Nru 562/2006 — Artikoli 5(1) u 13(1) — Verifiki fuq il-fruntieri — Kundizzjonijiet għad-dħul — Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi viża valida mwaħħla fuq dokument tal-ivvjaġġar validu”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-4 ta’ Settembru 2014

  1. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-viżi – Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi – Regolament Nru 810/2009 – Kundizzjonijiet għad-dħul għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz – Viża uniformi valida mwaħħla fuq dokument tal-ivvjaġġar annullat – Awtoritajiet ta’ pajjiż terz mhux kompetenti biex jannullaw tali viża

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 810/2009, Artikoli 24(1), 32(1) u 34(1) u (2))

  2. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Testi plurilingwi – Diverġenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi – Teħid inkunsiderazzjoni tal-istruttura u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni

  3. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Kodiċi Komunitarju dwar il-qsim tal-fruntieri – Kundizzjonijiet għad-dħul għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz – Rekwiżit ta’ viża valida mwaħħla fuq dokument tal-ivvjaġġar validu – Assenza

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 562/2006, Artikoli 5(1) u 13(1))

  4. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Kodiċi Komunitarju dwar il-qsim tal-fruntieri – Kundizzjonijiet għad-dħul għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dħul tal-imsemmija ċittadini għall-preżentazzjoni ta’ viża valida mwaħħla fuq dokument tal-ivvjaġġar validu – Inammissibbiltà

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 562/2006, Artikoli 5(1) u 13(1))

  1.  L-Artikoli 24(1) u 34 tar-Regolament (KE) Nru 810/2009, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi), għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-annullament, minn awtorità ta’ pajjiż terz, ta’ dokument tal-ivvjaġġar ma jwassalx, ipso jure, għall-invalidità ta’ viża uniformi mwaħħla fuq dan id-dokument.

    Fil-fatt, viża uniformi tibqa’ valida, mill-inqas, sal-iskadenza tal-perijodu ta’ validità stabbilit, mal-ħruġ ta’ din il-viża, mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ ħruġ, ħlief jekk tiġi annullata jew irrevokata, qabel l-iskadenza ta’ dan il-perijodu, skont l-Artikolu 34 tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

    Madankollu, mill-paragrafi 1 u 2 tal-imsemmi artikolu jirriżulta li l-annullament jew ir-revoka ta’ viża uniformi teħtieġ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni speċifika għal dan l-għan mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ ħruġ jew minn Stat Membru ieħor. Awtorità ta’ pajjiż terz, għaldaqstant, ma hijiex kompetenti sabiex tannulla viża uniformi.

    Barra minn hekk, l-unika raġuni għall-annullament ta’ viża li tirrigwarda direttament id-dokument tal-ivvjaġġar hija kkostitwita, skont l-Artikolu 32(1)(a)(i) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, mis-sitwazzjoni fejn id-dokument tal-ivvjaġġar ippreżentat, mal-ħruġ tal-viża, kien falz jew iffalsifikat. Għaldaqstant l-annullament tad-dokument tal-ivvjaġġar li fuqu hija mwaħħla l-viża wara l-ħruġ ta’ din tal-aħħar ma huwiex parti mir-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw l-annullament ta’ din minn awtorità kompetenti.

    (ara l-punti 32, 33, 35, 36 u d-dispożittiv 1)

  2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 43)

  3.  L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 562/2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen), kif emendat bir-Regolament Nru 265/2010, moqri flimkien mal-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jissuġġettax id-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz fit-territorju tal-Istati Membri għall-kundizzjoni li, mal-verifika fuq il-fruntieri, il-viża valida ppreżentata tkun neċessarjament imwaħħla fuq dokument tal-ivvjaġġar validu.

    (ara l-punt 56 u d-dispożittiv 2)

  4.  L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 562/2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen), kif emendat bir-Regolament Nru 265/2010, moqri flimkien mal-Artikolu 13(1), ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għall-kundizzjoni li, mal-verifika fuq il-fruntieri, il-viża valida ppreżentata għandha neċessarjament tkun imwaħħla fuq dokument tal-ivvjaġġar validu.

    Fil-fatt, Stat Membru ma għandux marġni ta’ diskrezzjoni li jippermettilu jirrifjuta d-dħul lil ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju tiegħu skont kundizzjoni li ma hijiex prevista mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

    (ara l-punti 69, 70 u d-dispożittiv 3)

Top