Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006TO0109

Sommarju tad-digriet

Kawża T-109/06

Vodafone España, SA u Vodafone Group plc

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Rikors għal annullament — Direttiva 2002/21/KE — Ittra ta’ kummenti tal-Kummissjoni — Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/21/KE — Att li ma jistax jiġi kkontestat — Nuqqas ta’ interess dirett — Inammissibbiltà”

Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla) tat-12 ta’ Diċembru 2007   II - 5155

Sommarju tad-digriet

  1. Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti

    (Artikolu 230 KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/21, Artikoli 7(2) sa (5), 8(3)(d), u 16(4))

  2. Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati

    (Artikolu 230 KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/21, Artikolu 7(3) u (4))

  3. Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Interess dirett – Kriterji

    (ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/21, Artikolu 7(3) u (5))

  1.  Indipendentement mill-forma li biha jiġu adottati, miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ tali natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent billi jibdlu, b’mod kunsiderevoli, il-pożizzjoni legali tiegħu, huma atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ azzjoni għal annullament fis-sens ta’ l-Artikolu 230 KE.

    Dan mhuwiex il-każ ta’ ittra ta’ kummenti relattiva għal abbozz ta’ miżura nazzjonali mibgħuta mill-Kummissjoni lil awtorità nazzjonali regolatorja (ANR), skond l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi.

    Fil-fatt, l-ewwel nett, minn naħa, għalkemm id-Direttiva 2002/21 tagħti lill-Kummissjoni rwol importanti fil-kuntest tal-proċeduri intiżi biex jiżguraw applikazzjoni armonizzata tal-qafas regolatorju fil-Komunità kollha, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, skond l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 8(3)(d) ta’ l-imsemmija Direttiva, l-ANR għandhom jiżguraw l-applikazzjoni koerenti tal-qafas regolatorju billi jikkooperaw bejniethom u mal-Kummissjoni b’mod trasparenti. Għaldaqstant, l-ANR ukoll għandhom responsabbiltà kbira biex jiżguraw l-applikazzjoni koerenti tal-qafas regolatorju fil-Komunità, abbażi ta’ kooperazzjoni mal-Kummissjoni u ma’ l-ANR l-oħra. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 2002/21 ma jipprovdix għall-predominanza tal-kummenti tal-Kummissjoni fuq dawk magħmula mill-ANR l-oħra. Għalhekk, f’sitwazzjoni fejn il-kummenti ta’ ANR u tal-Kummissjoni jkunu kontradittorji, l-ANR li għamlet in-notifika ma tiksirx l-imsemmi Artikolu 7(5) tad-Direttiva 2002/21 jekk, wara eżami bir-reqqa tal-kummenti differenti, issegwi l-approċċ propost mill-ANR l-oħra u mhux dak propost mill-Kummissjoni.

    It-tieni nett, il-fatt li l-Kummissjoni tista’, fiċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/21, tiftaħ it-tieni fażi tal-proċedura li, min-naħa tagħha tista’ twassal għal deċiżjoni ta’ veto, ma jimplikax li hija l-ittra ta’ kummenti tal-Kummissjoni magħmula skond l-Artikolu 7(3) ta’ l-imsemmija direttiva, li tagħti lill-ANR ikkonċernata d-dritt li tadotta l-miżura nazzjonali proposta. Fil-fatt, l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2002/21 tawtorizza direttament lill-ANR ikkonċernata tadotta l-miżura in kwistjoni peress li hija tipprovdi li ANR li tistabbilixxi li suq mhuwiex effettivament kompetittiv għandha tidentifika impriżi b’saħħa sinjifikattiva f’dak is-suq u “timponi fuq dawk l-impriżi l-obbligazzjonijiet speċifiċi idonei”.

    It-tielet nett, fid-dawl tar-rwol konsultattiv mogħti lill-Kummissjoni u lill-ANR l-oħra fil-kuntest tal-proċedura taħt l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21, ittra ta’ kummenti tal-Kummissjoni skond l-imsemmija dispożizzjoni hija att Komunitarju preparatorju magħmul fil-kuntest ta’ proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ miżura nazzjonali meħuda mill-ANR ikkonċernata, u atti bħal dawn ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ azzjoni awtonoma għal annullament .

    (ara l-punti 69, 92, 93, 95-97)

  2.  Anki jekk l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ veto, previst fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/21, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, jipproduċi effetti legali vinkolanti, peress li l-awtorità nazzjonali regolatorja (ANR) ikkonċernata ma tkunx tista’ tadotta l-miżura proposta, in-nuqqas ta’ użu tad-dritt ta’ veto jista’ jiġi kkunsidrat bħala nuqqas ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni li ma jipproduċi ebda effetti legali vinkolanti. Minn dan jirriżulta li jekk il-Kummissjoni tillimita ruħha għall-ifformular ta’ kummenti skond l-Artikolu 7(3) ta’ l-imsemmija Direttiva u ma teżerċitax id-dritt ta’ veto tagħha taħt l-Artikolu 7(4), l-intervent tal-Kummissjoni ma jkollu ebda effetti legali vinkolanti. Jekk l-ANR tiddeċiedi li tadotta l-miżura nazzjonali, l-effetti legali vinkolanti li jirriżultaw minn din il-miżura huma attribwibbli lill-ANR in kwistjoni u mhux lill-kummenti tal-Kummissjoni jew lin-nuqqas tal-ftuħ tal-proċedura taħt l-Artikolu 7(4).

    (ara l-punti 105, 106)

  3.  Biex l-att Komunitarju kkontestat ikun jirrigwarda direttament lil persuna fiżika jew ġuridika, fis-sens tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, huwa għandu jipproduċi effetti diretti fuq il-pożizzjoni legali tal-persuna kkonċernata u l-implementazzjoni tiegħu għandha tkun purament awtomatika u għandha tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, mingħajr ebda applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta l-possibbiltà li d-destinatarji ma jeżegwixxux dan l-att hija purament teoretika, peress li m’hemmx dubju dwar ir-rieda tagħhom li jaġixxu b’mod konformi miegħu.

    Madankollu, dan mhuwiex il-każ ta’ ittra ta’ kummenti relattiva għal abbozz ta’ miżura nazzjonali mibgħuta mill-Kummissjoni lil awtorità nazzjonali regolatorja (ANR), skond l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, meta jiġi kkunsidrat ir-rwol ċentrali eżerċitat mill-ANR biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ l-imsemmija Direttiva. Il-proċedura taħt l-imsemmija dispożizzjoni hija proċedura ta’ konsultazzjoni u ta’ kooperazzjoni bejn l-ANR u l-Kummissjoni li fil-kuntest tagħha, skond din id-dispożizzjoni, mhux biss il-Kummissjoni iżda wkoll l-ANR l-oħra jistgħu jagħmlu kummenti dwar l-abbozz ta’ miżura notifkat. Għalkemm, skond l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 2002/21, ANR għandha “tagħti l-akbar kont tal-[kunsiderazzjoni lill-]kummenti ta’ [l-ANR l-]oħra u [ta]l-Kummissjoni”, hija għandha ċerta diskrezzjoni biex tiddetermina l-kontenut tal-miżura finali, b’tali mod li l-att Komunitarju bbażat fuq l-imsemmi Artikolu 7(3) ma jistax jiġi kkunsidrat li jipproduċi effetti diretti fuq il-pożizzjoni legali ta’ l-impriżi kkonċernati.

    (ara l-punti 158-160)

Top