Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0377

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-12 ta’ Mejju 2022.
Servizio Elettrico Nazionale SpA et vs Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato et.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Pożizzjoni dominanti – Sfruttament abbużiv – Artikolu 102 TFUE – Effett ta’ prattika fuq il-benesseri tal-konsumaturi u fuq l-istruttura tas-suq – Prattika ta’ esklużizjoni abbużiva – Kapaċità ta’ prattika li tipproduċi effett ta’ esklużjoni – Użu ta’ mezzi li ma humiex dawk li jaqgħu taħt il-kompetizzjoni fuq il-mertu – Impossibbiltà għal kompetitur ipotetiku daqstant effikaċi li jirreplika l-prattika – Eżistenza ta’ intenzjoni antikompetittiva – Ftuħ għall-kompetizzjoni tas-suq tal-bejgħ tal-elettriku – Trasferiment ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva fi ħdan grupp ta’ kumpanniji sabiex f’suq tinżamm pożizzjoni dominanti li ntirtet minn monopolju legali – Imputabbiltà tal-aġir tas-sussidjarja lill-kumpannija omm.
Kawża C-377/20.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:379

Kawża C‑377/20

Servizio Elettrico Nazionale SpA et

vs

Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato et

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat‑12 ta’ Mejju 2022

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Pożizzjoni dominanti – Sfruttament abbużiv – Artikolu 102 TFUE – Effett ta’ prattika fuq il-benesseri tal-konsumaturi u fuq l-istruttura tas-suq – Prattika ta’ esklużizjoni abbużiva – Kapaċità ta’ prattika li tipproduċi effett ta’ esklużjoni – Użu ta’ mezzi li ma humiex dawk li jaqgħu taħt il-kompetizzjoni fuq il-mertu – Impossibbiltà għal kompetitur ipotetiku daqstant effikaċi li jirreplika l-prattika – Eżistenza ta’ intenzjoni antikompetittiva – Ftuħ għall-kompetizzjoni tas-suq tal-bejgħ tal-elettriku – Trasferiment ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva fi ħdan grupp ta’ kumpanniji sabiex f’suq tinżamm pożizzjoni dominanti li ntirtet minn monopolju legali – Imputabbiltà tal-aġir tas-sussidjarja lill-kumpannija omm”

  1. Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Projbizzjoni – Skop – Sanzjoni ta’ prattiki li jistgħu jikkawżaw, anki indirettament, dannu lill-konsumaturi billi jippreġudikaw sistema ta’ kompetizzjoni effettiva – Neċessità li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dannu dirett ikkawżat lill-konsumaturi – Assenza – Ġustifikazzjoni ta’ prattiki permezz ta’ effetti pożittivi għall-konsumaturi – Kundizzjonijiet

    (Artikoli 3(1)(b) TFUE u 102 TFUE; Protokoll Nru 27 anness mat-Trattati UE u FUE)

    (ara l-punti 44 sa 47, u d-dispożittiv 1)

  2. Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Applikazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni – Deċiżjoni li tikkonstata ksur u li timponi multa – Deċiżjoni bbażata fuq provi suffiċjenti sabiex turi l-eżistenza tal-ksur ikkontestat – Obbligi ta’ prova tal-impriża f’pożizzjoni dominanti li tikkontesta r-realtà tal-ksur – Portata

    (Artikolu 102 TFUE)

    (ara l-punti 46 sa 48, 84 sa 86, 103, u d-dispożittivi 1 u 4)

  3. Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Applikazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni li tikkonstata ksur u li timponi multa – Obbligu għall-awtorità tal-kompetizzjoni li tisma’ lill-impriża kkonċernata – Neċessità li l-elementi rilevanti tal-każ inkwistjoni jiġu eżaminati b’reqqa u b’imparzjalità

    (Artikolu 102 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni, Artikolu 41(1) u (2)(a))

    (ara l-punt 52)

  4. Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Kunċett – Kapaċità jirrestrinġu l-kompetizzjoni u l-effetti ta’ esklużjoni – Natura suffiċjenti tal-effett potenzjali – Oneru tal-prova kuntrarja li jaqa’ fuq l-impriża f’pożizzjoni dominanti – Prova tal-assenza ta’ effetti ta’ esklużjoni konkreti – Element li ma huwiex suffiċjenti waħdu

    (Artikolu 102 TFUE)

    (ara l-punti 53, 55, 56, 58, u d-dispożittiv 2)

  5. Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Kunċett – Kunċett oġġettiv li jikkonċerna l-aġir ta’ natura li jinfluwenza l-istruttura tas-suq u li għandu bħala effett li jostakola ż-żamma jew l-iżvilupp tal-kompetizzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-eżistenza ta’ intenzjoni antikompetittiva – Assenza ta’ neċessità – Valur ta’ fattwali

    (Artikolu 102 TFUE)

    (ara l-punti 60 sa 64, u d-dispożittiv 3)

  6. Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Kunċett – Kunċett oġġettiv li jikkonċerna l-aġir ta’ natura li jinfluwenza l-istruttura tas-suq u li għandu bħala effett li jostakola ż-żamma jew l-iżvilupp tal-kompetizzjoni – Obbligi tal-impriża dominanti – Kompetizzjoni abbażi tal-merti – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Konformità tal-aġir inkwistjoni ma’ regoli ġuridiċi oħra – Assenza ta’ rilevanza – Użu ta’ riżorsi jew ta’ mezzi speċifiċi għaż-żamma ta’ tali pożizzjoni dominanti

    (Artikolu 102 TFUE)

    (ara l-punti 67 sa 69, 73 sa 78)

  7. Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Pożizzjoni dominanti li tirriżulta minn monopolju legali li għandu jintemm fil-kuntest tal-ftuħ għall-kompetizzjoni tas-suq ikkonċernat – Trasferiment ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva fi ħdan grupp ta’ kumpanniji sabiex tinżamm din il-pożizzjoni dominanti – Kapaċità jirrestrinġu l-kompetizzjoni u l-effetti ta’ esklużjoni – Analiżi tal-kompetitur daqstant effikaċi – Aġir li jikkonsisti fl-użu ta’ mezzi speċifiċi għaż-żamma ta’ pożizzjoni dominanti li ma jistax neċessarjament jiġi adottat minn tali kompetitur – Natura inġusta – Ġustifikazzjoni oġġettiva

    (Artikolu 102 TFUE)

    (ara l-punti 71, 78 sa 86, 91, 92, 103, u d-dispożittiv 4)

  8. Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Applikazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni – Deċiżjoni li tikkonstata ksur u li timponi multa – Imputazzjoni tal-prattiki ta’ sussidjarja lill-kumpannija omm tagħha – Deċiżjoni bbażata esklużivament fuq il-preżunzjoni konfutabbli tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti – Ammissibbiltà – Portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni

    (Artikolu 102 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni, Artikoli 41(1) u (2)(ċ), u 51(1))

    (ara l-punti 105 sa 112, 115 sa 120, 123, u d-dispożittiv 5)

Sunt

Il-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika l-kriterji sabiex pożizzjoni dominanti tiġi kklassifikata bħala abbużiva f’termini ta’ prattiki ta’ esklużjoni, abbażi tal-effetti antikompetittivi tal-aġir ta’ operatur preeżistenti fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku

Il-kawża sseħħ fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni progressiva tas-suq tal-bejgħ tal-enerġija elettrika fl-Italja.

Għalkemm, mill‑1 ta’ Lulju 2007, l-utenti kollha tan-network tal-elettriku Taljan, inklużi d-djar u l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, jistgħu jagħżlu l-fornitur tagħhom, fl-ewwel lok, saret distinzjoni bejn il-klijenti eliġibbli li jagħżlu fornitur fis-suq liberu u l-klijenti tas-suq protett, magħmula minn individwi u impriżi żgħar li komplew jirrilevaw minn sistema rregolata, jiġifieri s-servizio di maggior tutela (is-servizz ta’ protezzjoni aħjar), li jinkludi, b’mod partikolari, protezzjonijiet speċjali fil-qasam tal-prezzijiet. Kien biss fit-tieni lok li dawn tal-aħħar tħallew jipparteċipaw fis-suq liberu.

Bl-għan ta’ din il-liberalizzazzjoni tas-suq, ENEL, impriża integrata vertikalment li għandha monopolju fil-produzzjoni tal-enerġija elettrika fl-Italja u li hija attiva fid-distribuzzjoni tagħha, kienet ġiet suġġetta għal proċedura ta’ dissoċjazzjoni tal-attivitajiet ta’ distribuzzjoni u ta’ bejgħ, kif ukoll tat-trade marks (unbundling). Fi tmiem din il-proċedura, id-diversi stadji tal-proċess ta’ distribuzzjoni ġew allokati lil sussidjarji distinti. B’hekk, E-Distribuzione ngħatat is-servizz ta’ distribuzzjoni, Enel Energia ġiet inkarigata bil-forniment tal-elettriku fis-suq liberu u Servizio Elettrico Nazionale (iktar ’il quddiem “SEN”) ingħatat it-tmexxija tas-servizz ta’ protezzjoni aħjar.

Wara investigazzjoni mill-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (AGCM), fil-kapaċità tagħha ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, din tal-aħħar adottat, fl‑20 ta’ Diċembru 2018, deċiżjoni li biha kkonstatat li SEN u Enel Energia, taħt il-koordinazzjoni tal-kumpannija omm tagħhom ENEL, kienu ħatja, minn Jannar 2012 sa Mejju 2017, ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, bi ksur tal-Artikolu 102 TFUE, u konsegwentement imponiet fuqhom in solidum multa ta’ iktar minn EUR 93 miljun. L-aġir ikkritikat ikkonsista fl-implimentazzjoni ta’ strateġija ta’ esklużjoni sabiex tiġi ttrasferita l-klijentela ta’ SEN, li kienet il-ġestjonarja tas-suq protett, lejn Enel Energia, li topera fis-suq liberu, bl-għan li jitnaqqas ir-riskju ta’ tluq massiv tal-klijenti ta’ SEN lejn fornituri terzi ġodda meta s-suq ikkonċernat jinfetaħ sussegwentement għall-kompetizzjoni. Għal dan l-għan, skont id-deċiżjoni tal-AGCM, il-klijenti tas-suq protett kienu b’mod partikolari mistiedna minn SEN sabiex jagħtu l-kunsens tagħhom li jirċievu offerti kummerċjali relatati mas-suq liberu permezz ta’ modalitajiet li jiddiskriminaw kontra l-offerti tal-kompetituri tal-grupp ENEL.

L-ammont tal-multa tnaqqas għal madwar EUR 27.5 miljun fl-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fl-ewwel istanza fil-kuntest tal-appelli ppreżentati minn ENEL u miż-żewġ sussidjarji tagħha kontra d-deċiżjoni tal-AGCM. Adita b’appell minn dawn l-istess kumpanniji, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) għamel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE fil-qasam ta’ prattiki ta’ esklużjoni.

Bis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara l-kundizzjonijiet li fihom l-aġir ta’ impriża jista’ jitqies, abbażi tal-effetti antikompetittivi tiegħu, bħala li jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti, meta tali aġir ikun ibbażat fuq l-użu ta’ riżorsi jew ta’ mezzi speċifiċi għaż-żamma ta’ tali pożizzjoni fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni ta’ suq. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddelimita l-kriterji ta’ evalwazzjoni rilevanti kif ukoll il-portata tal-oneru tal-prova li jaqa’ fuq l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni kkonċernata li tkun adottat deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 102 TFUE.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

B’risposta għad-domandi dwar l-interess protett mill-Artikolu 102 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara, fl-ewwel lok, l-elementi speċifiċi għall-karatterizzazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti. Għal dan l-għan, hija tosserva, minn naħa, li l-benesseri tal-konsumaturi, kemm intermedju kif ukoll finali, għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu l-għan aħħari li jiġġustifika l-intervent tad-dritt tal-kompetizzjoni sabiex jiġi ssanzjonat l-abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu. Għaldaqstant, awtorità tal-kompetizzjoni tissodisfa l-oneru tal-prova impost fuqha jekk turi li prattika ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti tista’ tippreġudika, billi tuża riżorsi jew mezzi oħra li ma humiex dawk li jirregolaw kompetizzjoni normali, struttura ta’ kompetizzjoni effettiva mingħajr ma jkun neċessarju għaliha li turi li l-imsemmija prattika għandha, barra minn hekk, il-kapaċità li tikkawża dannu dirett lill-konsumaturi. L-impriża dominanti kkonċernata tista’ madankollu tevita l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 102 TFUE billi turi li l-effett ta’ esklużjoni li jista’ jirriżulta mill-prattika inkwistjoni jista’ jiġi bbilanċjat, jew anki maqbuż, permezz ta’ effetti pożittivi għall-konsumaturi.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li n-natura abbużiva ta’ aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti tista’ tiġi aċċettata biss bil-kundizzjoni li hija tkun uriet il-kapaċità tagħha li tirrestrinġi l-kompetizzjoni, f’dan il-każ, li tipproduċi l-effetti ta’ esklużjoni allegati. Għall-kuntrarju, din il-klassifikazzjoni ma teħtieġx li jintwera li ntlaħaq ir-riżultat mistenni ta’ tali aġir intiż sabiex jeskludi lill-kompetituri tagħha mis-suq ikkonċernat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-prova prodotta minn impriża f’pożizzjoni dominanti tal-assenza ta’ effetti konkreti ta’ esklużjoni ma tistax titqies li hija suffiċjenti, waħedha, sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE. Għall-kuntrarju, din il-prova tista’ tikkostitwixxi indizju tal-inkapaċità tal-aġir inkwistjoni li jipproduċi l-effetti ta’ esklużjoni allegati, sakemm dan ikun ikkorroborat minn provi oħra intiżi sabiex din l-inkapaċità tiġi stabbilita.

Fit-tieni lok, fir-rigward tad-dubji li għandha l-qorti tar-rinviju dwar it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ intenzjoni possibbli tal-impriża inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-eżistenza ta’ prattika ta’ esklużjoni abbużiv minn kumpannija f’pożizzjoni dominanti għandha tiġi evalwata abbażi tal-kapaċità ta’ din il-prattika li tipproduċi effetti antikompetittivi. Minn dan isegwi li awtorità tal-kompetizzjoni ma hijiex obbligata tistabbilixxi l-intenzjoni tal-impriża inkwistjoni li teskludi lill-kompetituri tagħha b’mezzi jew billi tuża riżorsi oħra li ma humiex dawk li jirregolaw il-kompetizzjoni fuq il-mertu. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li l-prova ta’ tali intenzjoni tikkostitwixxi ċirkustanza fattwali li tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti.

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi l-elementi ta’ interpretazzjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE sabiex issir distinzjoni, fost il-prattiki implimentati minn impriża f’pożizzjoni dominanti li huma bbażati fuq l-użu legali, barra mid-dritt tal-kompetizzjoni, ta’ riżorsi jew ta’ mezzi speċifiċi għaż-żamma ta’ tali pożizzjoni, bejn dawk li jistgħu jevitaw il-projbizzjoni stabbilita f’dan l-artikolu, sakemm jaqgħu taħt kompetizzjoni normali, u dawk li, għall-kuntrarju, jitqiesu bħala “abbużivi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar, qabel kollox, li n-natura abbużiva ta’ dawn il-prattiki tippreżumi li dawn kellhom il-kapaċità li jipproduċu l-effetti ta’ esklużjoni deskritti fid-deċiżjoni kkontestata. Ċertament, impriżi f’pożizzjoni dominanti, irrispettivament mill-kawżi ta’ tali pożizzjoni, jistgħu jiddefendu ruħhom kontra l-kompetituri tagħhom, iżda madankollu huma għandhom jagħmlu dan biss billi jużaw mezzi li jaqgħu taħt kompetizzjoni “normali”, jiġifieri bbażata fuq il-mertu. Madankollu, prattika li ma tistax tiġi adottata minn kompetitur ipotetiku daqstant effikaċi fis-suq inkwistjoni, peress li din tkun ibbażata fuq l-użu ta’ riżorsi jew ta’ mezzi speċifiċi għaż-żamma ta’ pożizzjoni dominanti, ma tistax titqies li taqa’ taħt kompetizzjoni bbażata fuq il-mertu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta impriża titlef il-monopolju legali li hija kellha qabel fis-suq, hija għandha tastjeni, matul il-fażi kollha ta’ liberalizzazzjoni ta’ dan is-suq, milli tirrikorri għall-mezzi li hija kellha abbażi tal-monopolju preċedenti tagħha u li, f’dan ir-rigward, ma humiex disponibbli għall-kompetituri tagħha, sabiex iżżomm, ħlief bil-merti tagħha stess, pożizzjoni dominanti fis-suq inkwistjoni illiberalizzat mill-ġdid.

Madankollu, tali prattika tista’ madankollu tevita l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 102 TFUE jekk l-impriża f’pożizzjoni dominanti kkonċernata tistabbilixxi li din jew kienet oġġettivament iġġustifikata minn ċirkustanzi esterni għall-impriża u proporzjonata għal din il-ġustifikazzjoni, jew ibbilanċjata, jew anki maqbuża, permezz ta’ vantaġġi f’termini ta’ effikaċja li minnhom jibbenefikaw ukoll il-konsumaturi.

Fir-raba’ u fl-aħħar lok, mistiedna mill-qorti tar-rinviju li tispeċifika l-kundizzjonijiet għall-imputabbiltà ta’ responsabbiltà għall-aġir ta’ sussidjarja lill-kumpannija omm tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li, meta pożizzjoni dominanti tiġi użata b’mod abbużiv minn sussidjarja waħda jew iktar li tappartjeni lil unità ekonomika, l-eżistenza ta’ din l-unità hija suffiċjenti sabiex jitqies li l-kumpannija omm hija wkoll responsabbli għal dan l-abbuż. L-eżistenza ta’ tali unità għandha tiġi preżunta jekk, meta seħħew il-fatti, mill-inqas kważi l-kapital kollu ta’ dawn is-sussidjarji kien miżmum, direttament jew indirettament, mill-kumpannija omm. F’tali ċirkustanzi, l-awtorità tal-kompetizzjoni ma hijiex obbligata tipproduċi kwalunkwe prova addizzjonali, sakemm il-kumpannija omm tistabbilixxi li, minkejja ż-żamma ta’ tali perċentwali tal-kapital azzjonarju, hija ma kellhiex is-setgħa li tiddefinixxi l-aġir tas-sussidjarji tagħha, peress li dawn jaġixxu b’mod awtonomu.

Top