Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0167

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-21 ta’ Diċembru 2023.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tad-Danimarka.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq – Regolament (KE) Nru 1072/2009 – Artikoli 8 u 9 – Regolament (KE) Nru 561/2006 – Perijodu ta’ mistrieħ – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tintroduċi tul massimu ta’ parkeġġ ta’ 25 siegħa fiż-żoni ta’ mistrieħ pubbliċi tul in-network tal-awtostradi ta’ Stat Membru – Ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport bit-triq – Oneru tal-prova.
Kawża C-167/22.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:1020

Kawża C‑167/22

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju tad-Danimarka

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal‑21 ta’ Diċembru 2023

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq – Regolament (KE) Nru 1072/2009 – Artikoli 8 u 9 – Regolament (KE) Nru 561/2006 – Perijodu ta’ mistrieħ – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tintroduċi tul massimu ta’ parkeġġ ta’ 25 siegħa fiż-żoni ta’ mistrieħ pubbliċi tul in-network tal-awtostradi ta’ Stat Membru – Ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport bit-triq – Oneru tal-prova”

  1. Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Kamp ta’ applikazzjoni – Servizzi fil-qasam tat-trasport fis-sens tal-Artikolu 58(1) TFUE – Att tal-Unjoni li għamel applikabbli għal settur tat-trasport il-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilit fl-Artikolu 56 TFUE – Portata

    (Artikoli 56 u 58(1); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1072/2009, premessi 2 u 4, Artikolu 1(1) u (4), u punt 6 tal-Artikolu 2

    (ara l-punti 39 sa 42)

  2. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Prova tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Oneru li jaqa’ fuq il-Kummissjoni – Produzzjoni ta’ provi li juru n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Preżunzjonijiet – Inammissibbiltà – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi tul massimu ta’ parkeġġ ta’ 25 siegħa fiż-żoni ta’ mistrieħ pubbliċi tul in-network tal-awtostradi tal-Istat Membru kkonċernat – Osservanza tal-perijodi ta’ mistrieħ previsti fir-Regolament Nru 561/2006 – Rikors intiż li jiġi kkonstatat ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport bit-triq li jaqgħu taħt ir-Regolament Nru 1072/2009 – Rikors ibbażat fuq preżunzjonijiet – Assenza ta’ prova – Ċaħda tar-rikors

    (Artikolu 258 TFUE; Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 561/2006, Artikoli 2(1)(a), 4, 6 u 8, u Nru 1072/2009, Artikoli 8 u 9)

    (ara l-punti 43 sa 57)

Sunt

Ir-Regolament Nru 1072/2009, li jintroduċi regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija ( 1 ), għandu l-għan li jistabbilixxi politika komuni tat-trasport li tinvolvi l-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet kollha fir-rigward tal-fornitur ta’ servizzi ta’ trasport dovuti għan-nazzjonalità tiegħu jew għall-fatt li jkun stabbilit fi Stat Membru differenti minn dak fejn ikollhom jiġu pprovduti s-servizzi.

Fl‑1 ta’ Lulju 2018, ir-Renju tad-Danimarka stabbilixxa regola li tillimita għal 25 siegħa t-tul massimu ta’ parkeġġ fiż-żoni ta’ mistrieħ pubbliċi tul in-network tal-awtostradi tiegħu (iktar ‘il quddiem ir-“regola tal‑25 siegħa”) ( 2 ).

Wara li bagħtet lir-Renju tad-Danimarka talba għal informazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea fetħet proċedura għal ksur, abbażi tal-Artikolu 258 TFUE, minħabba nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li tiġi żgurata l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport kif iggarantita mir-Regolament Nru 1072/2009. Hija sostniet, essenzjalment, li, għalkemm ma kinitx qiegħda tintroduċi direttament diskriminazzjoni, ir-regola tal‑25 siegħa kienet tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport peress li ma kinitx taffettwa bl-istess mod lit-trasportaturi bit-triq stabbiliti fid-Danimarka u lit-trasportaturi bit-triq mhux residenti. Ir-Renju tad-Danimarka kkontesta kull ksur f’dan ir-rigward u pprovda l-informazzjoni addizzjonali mitluba mill-Kummissjoni. Peress li qieset li din ir-risposta ma kinitx konvinċenti, hija bagħtet lil dan l-Istat Membru opinjoni motivata, li għaliha huwa wieġeb billi żamm il-pożizzjoni tiegħu dwar il-konformità tar-regola tal‑25 siegħa mad-dritt tal-Unjoni. Peress li baqgħet mhux konvinta mill-argumenti mressqa mill-Gvern Daniż, il-Kummissjoni ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, sabiex jiġi kkonstatat li, meta stabbilixxa r-regola tal‑25 siegħa, ir-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport previsti fl-Artikoli 1, 8 u 9 tar-Regolament Nru 1072/2009. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, din ir-regola kienet taffettwa iktar lit-trasportaturi mhux residenti u l-ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li kien jirriżulta minnha ma kien iġġustifikat minn ebda waħda mir-raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku invokati minn dan l-Istat Membru.

Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet ir-rikors tal-Kummissjoni. Hija fakkret, fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita tagħha, li, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l-oneru tal-prova fir-rigward tal-istabbiliment tal-eżistenza ta’ tali nuqqas jaqa’ fuq il-Kummissjoni, mingħajr ma din tkun tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kinitx ipproduċiet, b’mod suffiċjenti fid-dritt, il-prova tal-allegazzjonijiet tagħha.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Wara li ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Renju tad-Danimarka, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-mertu tal-kawża u fakkret, l-ewwel nett, li s-servizzi li għandhom jiġu kklassifikati bħala “servizz fil-qasam tat-trasport” jaqgħu taħt l-Artikolu 58(1) TFUE, li huwa dispożizzjoni speċifika, b’tali mod li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE, dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi b’mod ġenerali ( 3 ). Dan ma jipprekludix li att tal-Unjoni adottat abbażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati dwar it-trasport ( 4 ) ikun jista’, sa fejn jiġi ddeterminat f’dan l-att, jagħmel applikabbli għal settur tat-trasport il-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi kif stabbilit fl-Artikolu 56 TFUE.

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li r-Regolament Nru 1072/2009 japplika għat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq f’isem terzi fir-rigward tal-vjaġġi mwettqa fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll għall-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ, jiġifieri t-trasport nazzjonali ta’ merkanzija bit-triq f’isem terzi mwettaq b’mod temporanju minn trasportatur mhux residenti ( 5 ). F’dan ir-rigward, l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1072/2009 jispeċifika, b’mod partikolari, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fl-Artikolu 9(1) ta’ dan l-istess regolament għandhom jiġu applikati bl-istess mod għat-trasportaturi mhux residenti u għal dawk stabbiliti fl-Istat Membru ospitanti, sabiex tiġi evitata kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità jew il-post ta’ stabbiliment.

Sussegwentement, fir-rigward tal-argument tar-Renju tad-Danimarka dwar il-fatt li l-kompetenza sabiex jiġu stabbiliti regoli fil-qasam tat-tul tal-parkeġġ fiż-żoni ta’ mistrieħ pubbliċi tappartjeni lill-Istati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, u għalhekk, f’dan il-każ, tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1072/2009. F’dan il-kuntest, huma għandhom, barra minn hekk, jieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli dwar il-perijodi ta’ sewqan, il-pawżi u l-perijodi ta’ mistrieħ li għandhom jiġu osservati, skont ir-Regolament Nru 561/2006 ( 6 ), mix-xufiera li jwettqu t-trasport ta’ merkanzija b’vetturi li l-massa massima awtorizzata tagħhom taqbeż it‑3.5 tunnellati ( 7 ) (iktar ‘il quddiem il-“vetturi kkonċernati”). L-osservanza ta’ dawn il-perijodi ta’ mistrieħ tista’ tiddependi, inter alia, mid-disponibbiltà ta’ żoni ta’ mistrieħ fuq l-awtostradi. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, min-natura tagħha stess, regola bħal dik tal‑25 siegħa għandha l-konsegwenza li tagħmel dawn iż-żoni ta’ mistrieħ indisponibbli għall-finijiet tal-osservanza tad-diversi perijodi ta’ mistrieħ previsti fir-Regolament Nru 561/2006 ( 8 ). Minn dan isegwi li, a priori, tali regola jista’ jkollha effett konkret fuq l-eżerċizzju, mit-trasportaturi mhux residenti, tad-drittijiet ta’ trasport, b’mod partikolari, tad-drittijiet ta’ operazzjonijiet ta’ kabotaġġ, u tista’ taffettwa iktar lil dawn tal-aħħar milli lit-trasportaturi stabbiliti fid-Danimarka.

Madankollu, f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, huwa l-oneru tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u li tipproduċi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji għall-verifika minn din tal-aħħar tal-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma l-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni. F’dan il-każ, ir-Renju tad-Danimarka pproduċa, fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża u fir-risposta tiegħu, data dwar in-numru ta’ postijiet ta’ parkeġġ disponibbli għall-vetturi kkonċernati, b’mod partikolari dwar dawk il-postijiet ipprovduti mis-settur privat, u għamel preċiżazzjonijiet dwar din id-data waqt is-seduta. Issa, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni sempliċement invokat assenza ta’ kapaċità ta’ parkeġġ alternattiva suffiċjenti mqassma fuq in-network Daniż tal-awtostradi u, barra minn hekk, fir-replika tagħha, sempliċement osservat li d-data prodotta bħala difiża mir-Renju tad-Danimarka ma kinitx tbiddel il-konklużjonijiet tagħha fuq dan il-livell.

Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni ma pproduċiet ebda data oġġettiva li tistabbilixxi l-insuffiċjenza tal-kapaċitajiet alternattivi ta’ parkeġġ għall-finijiet tal-osservanza tal-perijodi ta’ mistrieħ li jaqbżu l‑25 siegħa. Issa, mingħajr tali data oġġettiva, ma setax jiġi stabbilit, ħlief abbażi ta’ preżunzjonijiet, li r-regola tal‑25 siegħa kienet effettivament ta’ natura li tostakola l-attivitajiet ta’ trasport ta’ kabotaġġ imwettqa minn fornituri mhux residenti għad-detriment ta’ dawn tal-aħħar meta mqabbla ma’ dawk stabbiliti fid-Danimarka. Għalhekk, is-sempliċi eżistenza ta’ problemi ta’ kapaċità fiż-żoni ta’ mistrieħ pubbliċi tan-network tal-awtostradi Daniżi u l-identifikazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat tal-isfidi li għandhom jiġu affrontati f’termini ta’ kapaċità ta’ parkeġġ, li kienet waħda mir-raġunijiet prinċipali għall-introduzzjoni tar-regola tal‑25 siegħa, ma kinux jippermettu li jiġi konkluż li din ir-regola kienet tikser ir-Regolament Nru 1072/2009. L-istess kellu japplika għall-fatt li l-kapaċitajiet ta’ parkeġġ ipprovduti mis-settur privat kienu inqas minn dawk taż-żoni ta’ mistrieħ pubbliċi, peress li, f’dan il-limitu ta’ 25 siegħa, il-parkeġġ ta’ dawn il-vetturi baqa’ permess f’tali żoni.

Fl-aħħar nett, f’dan il-każ, il-Kummissjoni lanqas ma stabbilixxiet oġġettivament li l-lokalizzazzjoni tal-postijiet alternattivi pprovduti mis-settur privat u t-tqassim tagħhom fit-territorju kif ukoll in-natura bi ħlas ta’ wħud minn dawn il-postijiet kienu ta’ natura li jostakolaw l-attivitajiet ta’ trasport għad-detriment tal-fornituri mhux residenti, iżda, f’dan ir-rigward, sempliċement ibbażat ruħha fuq preżunzjonijiet.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Kummissjoni ma pproduċietx, b’mod suffiċjenti fid-dritt, il-prova tal-affermazzjonijiet tagħha li r-regola tal‑25 siegħa tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport li jaqgħu taħt ir-Regolament Nru 1072/2009. Għaldaqstant, hija ċaħdet ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni.


( 1 ) Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija (ĠU 2009, L 300, p. 72, rettifika fil-ĠU 2018, L 241, p. 14).

( 2 ) Din ir-regola ġiet implimentata mill-awtorità tat-toroq skont l-Artikolu 92(1) tal-færdselsloven (il-Kodiċi tat-Triq Daniż).

( 3 ) Sentenzi tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi (C‑434/15, EU:C:2017:981, punt 44) u tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑628/18, EU:C:2020:1000, punt 145).

( 4 ) Jiġifieri, it-Titolu VI tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, li jinkludi l-Artikoli 90 sa 100 TFUE.

( 5 ) Skont l-Artikolu 1(1) u (4) tar-Regolament Nru 1072/2009, moqri flimkien mal-punt 6 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament.

( 6 ) Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU 2006, L 102, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 195, p. 83).

( 7 ) Dawn ir-regoli huma espressament imsemmija fil-premessa 13 u fl-Artikolu 9(1)(d) tar-Regolament Nru 1072/2009.

( 8 ) Perijodi regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa (ta’ mill-inqas 45 siegħa) u perijodi mnaqqsa ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa (ta’ inqas minn 45 siegħa, li jistgħu jitnaqqsu, b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(6) tar-Regolament Nru 561/2006, għal minimu ta’ 24 siegħa konsekuttivi), bl-eċċezzjoni biss tal-perijodi mnaqqsa ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa li jvarjaw minn 24 sa 25 siegħa.

Top