This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CJ0688
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-7 ta’ Frar 2023.
Confédération paysanne et vs Premier ministre u Ministre de l'Agriculture et de l'Alimentation.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Rilaxx intenzjonat ta’ organiżmi ġenetikament modifikati – Direttiva 2001/18/KE – Artikolu 3(1) – Il-punt 1 tal-Anness I B – Kamp ta’ applikazzjoni – Eżenzjonijiet – Tekniki/metodi ta’ modifika ġenetika użati tradizzjonalment u li s-sikurezza tagħhom ilha pprovata għal żmien twil – Mutaġenesi każwali in vitro.
Kawża C-688/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-7 ta’ Frar 2023.
Confédération paysanne et vs Premier ministre u Ministre de l'Agriculture et de l'Alimentation.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Rilaxx intenzjonat ta’ organiżmi ġenetikament modifikati – Direttiva 2001/18/KE – Artikolu 3(1) – Il-punt 1 tal-Anness I B – Kamp ta’ applikazzjoni – Eżenzjonijiet – Tekniki/metodi ta’ modifika ġenetika użati tradizzjonalment u li s-sikurezza tagħhom ilha pprovata għal żmien twil – Mutaġenesi każwali in vitro.
Kawża C-688/21.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:75
Kawża C‑688/21
Confédération paysanne et
vs
Premier ministre
u
Ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d’État (Franza))
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-7 ta’ Frar 2023
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Rilaxx intenzjonat ta’ organiżmi ġenetikament modifikati – Direttiva 2001/18/KE – Artikolu 3(1) – Il-punt 1 tal-Anness I B – Kamp ta’ applikazzjoni – Eżenzjonijiet – Tekniki/metodi ta’ modifika ġenetika użati tradizzjonalment u li s-sikurezza tagħhom ilha pprovata għal żmien twil – Mutaġenesi każwali in vitro”
Domandi preliminari – Proċedura mħaffa għal deċiżjoni preliminari – Kundizzjonijiet – Ċirkustanzi li jiġġustifikaw trattament imħaffef – Assenza
(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 23a; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 105(1))
(ara l-punti 26 sa 28)
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Rilaxx intenzjonat ta’ organiżmi ġenetikament modifikati – Direttiva 2001/18 – Kamp ta’ applikazzjoni – Organiżmi miksuba permezz ta’ tekniki/metodi ta’ mutaġenesi użati tradizzjonalment għal diversi applikazzjonijiet u meqjusa sikuri għal żmien twil – Esklużjoni – Interpretazzjoni stretta – Organiżmi miksuba permezz ta’ teknika/metodu ta’ mutaġenesi bbażata fuq l-istess modalitajiet ta’ modifika tal-materjal ġenetiku bħal teknika użata tradizzjonalment u meqjusa sikura għal żmien twil, filwaqt li tippreżenta karatteristiċi distinti – Inklużjoni – Kundizzjonijiet
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/18, premessa 17, Artikolu 3(1) u l-punt 1 tal-Anness I B)
(ara l-punti 47 sa 49, 51 sa 56, 64 u d-dispożittiv)
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Rilaxx intenzjonat ta’ organiżmi ġenetikament modifikati – Direttiva 2001/18 – Kamp ta’ applikazzjoni – Eżenzjoni – Organiżmi miksuba bl-applikazzjoni in vitro ta’ teknika/metodu ta’ mutaġenesi użata tradizzjonalment għal diversi applikazzjonijiet in vivo u meqjusa sikura għal żmien twil – Effetti inerenti għall-kultivazzjonijiet in vitro – Assenza ta’ effett fir-rigward tal-esklużjoni tal-eżenzjoni ta’ dawn l-organiżmi
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/18, premessa 17, Artikolu 3(1) u l-punt 1 tal‑Anness I B)
(ara l-punti 58 sa 60, 63, 64 u d-dispożittiv)
Sunt
Fl-2015, il-Confédération paysanne, sindakat agrikolu Franċiż, u tmien assoċjazzjonijiet li kellhom bħala għan il-protezzjoni tal-ambjent u t-tixrid ta’ informazzjoni dwar il-perikoli li jippreżentaw l-organiżmi ġenetikament modifikati (GMO) adixxew lill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) b’rikors dwar l-esklużjoni ta’ ċerti tekniki jew metodi ta’ mutaġenesi ( 1 ) mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Franċiża intiża li tittrasponi d-Direttiva 2001/18 ( 2 ), dwar ir-rilaxx intenzjonat ta’ GMO fl-ambjent. F’dan il-kuntest, il‑Kunsill tal-Istat kien ressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari, li tat lok għas-sentenza Confédération paysanne et (C‑528/16), mogħtija fl-2018 ( 3 ).
Din il-kawża kienet estensjoni ta’ din is-sentenza, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li kienu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/18 biss l-organiżmi miksuba permezz ta’ tekniki/metodi ta’ mutaġenesi li kienu ntużaw tradizzjonalment għal diversi applikazzjonijiet u li s-sikurezza tagħhom kienet ilha pprovata għal żmien twil. Il-Kunsill tal-Istat qies li mill-imsemmija sentenza kien jirriżulta li għandhom ikunu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/18 l-organiżmi miksuba permezz ta’ tekniki/metodi li dehru jew li ġew prinċipalment żviluppati wara d-data tal-adozzjoni ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari permezz ta’ tekniki ta’ “mutaġenesi każwali in vitro” ( 4 ). B’hekk, il-Kunsill tal-Istat ta ordni u, sabiex jiżgura l-eżekuzzjoni tiegħu, il-Gvern Franċiż ipprepara, inter alia, abbozz ta’ digriet dwar l-emenda tal-lista ta’ tekniki tal-ksib ta’ GMO li kienu tradizzjonalment intużaw mingħajr ebda żvantaġġ ipprovat għas-saħħa pubblika jew għall-ambjent. Dan l-abbozz ta’ digriet kien jipprevedi li l-mutaġenesi każwali, bl-eċċezzjoni tal-mutaġenesi każwali in vitro, kellha titqies li taqa’ taħt tali użu.
Wara l-komunikazzjoni tal-imsemmi abbozz ta’ digriet ( 5 ), il-Kummissjoni Ewropea tat opinjoni ddettaljata, li fiha hija indikat li ma kienx iġġustifikat, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u fid-dawl tal-progress xjentifiku, li ssir distinzjoni bejn il-mutaġenesi każwali in vivo u l-mutaġenesi każwali in vitro. Peress li l-abbozz ta’ digriet ma ġiex adottat mill-awtoritajiet Franċiżi, il-Confédération paysanne u l-kollettiv ta’ assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent adixxew mill-ġdid il-Kunsill tal-Istat sabiex jiksbu l-eżekuzzjoni tal-ordni mogħtija.
Il-qorti amministrattiva għolja qieset li kellha bżonn preċiżazzjonijiet dwar il-portata tas-sentenza Confédération paysanne et, sabiex jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-użi tal-mutaġenesi każwali in vitro, kienx hemm lok li jitqies li din it-teknika/metodu kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/18. Għalhekk hija adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari.
Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-Awla Manja bħala l-kulleġġ ġudikanti, ippreċiżat il-kundizzjonijiet li fihom l-organiżmi miksuba bl-applikazzjoni ta’ teknika/metodu ta’ mutaġenesi li kienet ibbażata fuq l-istess modalitajiet ta’ modifika, permezz tal-aġent mutaġeniku, tal-materjal ġenetiku bħal teknika/metodu ta’ mutaġenesi użata tradizzjonalment għal diversi applikazzjonijiet u li s-sikurezza tagħha kienet ilha pprovata għal żmien twil, iżda li kienet distinta minn din it-tieni teknika/metodu ta’ mutaġenesi permezz ta’ karatteristiċi oħra, ikunu, bħala prinċipju, esklużi mill-eżenzjoni prevista mid-Direttiva 2001/1818 ( 6 ).
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Qabelxejn, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-limitazzjoni tal-portata tal-eżenzjoni prevista mid-Direttiva 2001/18 fir-rigward tal-applikabbiltà ta’ din tal-aħħar għat-tekniki/metodi ta’ mutaġenesi, b’riferiment għall-kriterju doppju tal-użu tradizzjonali għal diversi applikazzjonijiet, minn naħa, u tas-sikurezza li tkun ilha pprovata għal żmien twil, min-naħa l-oħra ( 7 ), kienet marbuta mill-qrib mal-għan stess tal-imsemmija direttiva ( 8 ), jiġifieri l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, konformement mal-prinċipju ta’ prekawzjoni. L-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju doppju kienet tippermetti għalhekk li jiġi żgurat li, minħabba l-anzjanità kif ukoll il-varjetà ta’ użi ta’ teknika/metodu ta’ mutaġenesi u tal-informazzjoni disponibbli dwar is-sikurezza tagħha, l-organiżmi miksuba permezz ta’ din it-teknika/metodu jkunu jistgħu jiġu rrilaxxati fl-ambjent jew imqiegħda fis-suq fi ħdan l-Unjoni Ewropea, mingħajr ma jkun jidher indispensabbli, sabiex tiġi evitata l-okkorrenza ta’ effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, li dawn l-organiżmi jiġu suġġetti għall-proċeduri ta’ evalwazzjoni tar-riskji ( 9 ).
F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li estensjoni ġenerali tal-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/18 għall-organiżmi miksuba bl-applikazzjoni ta’ teknika/metodu ta’ mutaġenesi li hija bbażata fuq l-istess modalitajiet ta’ modifika, permezz tal-aġent mutaġeniku, tal-materjal ġenetiku tal-organiżmu kkonċernat bħal teknika/metodu ta’ mutaġenesi użata tradizzjonalment għal diversi applikazzjonijiet u li s-sikurezza tagħha tkun ilha pprovata għal żmien twil, iżda li tgħaqqad dawn il-modalitajiet ma’ karatteristiċi oħra, distinti minn dawk ta’ din it-tieni teknika/metodu ta’ mutaġenesi, ma tosservax l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni.
Fil-fatt, ir-rilaxx fl-ambjent jew it-tqegħid fis-suq, mingħajr proċedura ta’ evalwazzjoni tar-riskji, ta’ organiżmi miksuba permezz ta’ tali teknika/metodu ta’ mutaġenesi seta’, f’ċerti każijiet, jimplika effetti negattivi, possibbilment irreversibbli u li jaffettwaw diversi Stati Membri, fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, anki meta dawn il-karatteristiċi ma kellhomx il-modalitajiet ta’ modifika, permezz tal-aġent mutaġeniku, tal-materjal ġenetiku tal-organiżmu kkonċernat.
Madankollu, li dak li jkun iqis li l-organiżmi miksuba bl-applikazzjoni ta’ teknika/metodu ta’ mutaġenesi li tradizzjonalment tkun intużat għal diversi applikazzjonijiet u li s-sikurezza tagħha kienet ipprovata jaqgħu neċessarjament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/18 meta din it-teknika/metodu tkun ġiet suġġetta għal xi kwalunkwe modifika ifisser li tkun ta’ natura li tneħħi b’mod estensiv l-effett utli tal-eżenzjoni prevista minn din id-direttiva. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tista’ tirrendi eċċessivament diffiċli kull forma ta’ adattament tat-tekniki/metodi ta’ mutaġenesi, filwaqt ukoll li din l-interpretazzjoni ma tkunx meħtieġa sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem imfittex mill-imsemmija direttiva, konformement mal-prinċipju ta’ prekawzjoni.
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-fatt li teknika/metodu ta’ mutaġenesi tinkludi karatteristika jew diversi karatteristiċi distinti minn dawk ta’ teknika/metodu ta’ mutaġenesi użata tradizzjonalment għal diversi applikazzjonijiet u li s-sikurezza tagħha tkun ilha pprovata għal żmien twil ma jiġġustifikax l-esklużjoni tal-eżenzjoni prevista mid-Direttiva ħlief jekk jiġi stabbilit li dawn il-karatteristiċi jkunu jistgħu jwasslu għal modifiki tal-materjal ġenetiku tal-organiżmu kkonċernat differenti, min-natura tagħhom jew mir-ritmu li fih dawn iseħħu, minn dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ din it-tieni teknika/metodu ta’ mutaġenesi.
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ffokat, fl-aħħar parti tal-analiżi tagħha, fuq id-distinzjoni bejn it-tekniki ta’ mutaġenesi in vivo u in vitro, li kienet fiċ-ċentru tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Hija rrilevat f’dan ir-rigward, wara analiżi tas-sistema prevista fid-Direttiva 2001/18 dwar it-tekniki/metodi li jinvolvu l-kultivazzjonijiet in vitro, li l-kunsiderazzjoni li, minħabba l-effetti inerenti għall-kultivazzjonijiet in vitro, organiżmu miksub permezz tal-applikazzjoni in vitro ta’ teknika/metodu ta’ mutaġenesi inizjalment użata in vivo huwa eskluż mill-eżenzjoni prevista mid-Direttiva 2001/18 tmur kontra l-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma qiesx li dawn l-effetti inerenti kienu rilevanti sabiex jiġi ddefinit il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li d-Direttiva 2001/18 kienet tipprevedi l-esklużjoni ta’ diversi tekniki ta’ modifika ġenetika li jimplikaw l-użu ta’ kultivazzjonijiet in vitro mis-sistema ta’ sorveljanza tal-GMO prevista minn din id-direttiva.
( 1 ) Teknika li tippermetti li jiġu pprovokati artifiċjalment, bl-għajnuna ta’ fatturi kimiċi jew fiżiċi, mutazzjonijiet b’ritmu ferm iktar mgħaġġel (minn 1000 għal 10000 darba) minn dak tal-mutazzjonijiet spontanji.
( 2 ) Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 77).
( 3 ) Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Confédération paysanne et (C‑528/16, EU:C:2018:583).
( 4 ) Il-mutaġenesi każwali tindika proċess li matulu, wara li jiġu pprovokati artifiċjalment, bl-għajnuna ta’ fatturi kimiċi jew fiżiċi, mutazzjonijiet b’ritmu ħafna iktar mgħaġġel minn dak tal-mutazzjonijiet spontanji, il-mutazzjonijiet jirriżultaw fl-organiżmi b’mod każwali. Il-mutaġenesi każwali in vitro hija teknika li tissuġġetta ċ-ċelloli ta’ pjanti kkultivati in vitro għal aġenti mutaġeniċi kimiċi jew fiżiċi, kuntrarjament għall‑mutaġenesi każwali in vivo, li kienet ipprattikata fuq il-pjanti sħaħ jew fuq partijiet tal-pjanti.
( 5 ) Skont id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU 2015, L 241, p. 1).
( 6 ) Eżenzjoni prevista mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/18, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Anness I B tagħha. Skont din id-dispożizzjoni, din id-direttiva ma tapplikax għall-organiżmi miksuba permezz tat-tekniki ta’ modifika ġenetika elenkati fl-Anness I B tagħha, fosthom il-mutaġenesi.
( 7 ) Dan il-kriterju doppju ġie applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Confédération paysanne et (C‑528/16).
( 8 ) Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/18, din hija intiża sabiex, konformement mal-prinċipju ta’ prekawzjoni, tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, minn naħa, meta jkun hemm rilaxx intenzjonat ta’ GMO fl-ambjent għal kull skop għajr it-tqegħid tagħhom fis-suq fi ħdan l-Unjoni u, min-naħa l-oħra, meta jitqiegħdu fis-suq fi ħdan l-Unjoni GMO bħala prodotti jew elementi ta’ prodotti.
( 9 ) Previsti rispettivament fil-Parti B u fil-Parti Ċ tad-Direttiva 2001/18.