Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0255

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Jannar 2021.
Secretary of State for the Home Department vs O A.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2004/83/KE – Livelli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja – Kwalità ta’ refuġjat – Artikolu 2(ċ) – Waqfien tal-istatus ta’ refuġjat – Artikolu 11 – Bidla fiċ-ċirkustanzi – Artikolu 11(1)(e) – Possibbiltà li tintalab il-protezzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Artikolu 7(2) – Sostenn finanzjarju u soċjali – Assenza ta’ rilevanza.
Kawża C-255/19.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:36

Kawża C‑255/19

Secretary of State for the Home Department

vs

OA

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber))

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal‑20 ta’ Jannar 2021

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2004/83/KE – Livelli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja – Kwalità ta’ refuġjat – Artikolu 2(ċ) – Waqfien tal-istatus ta’ refuġjat – Artikolu 11 – Bidla fiċ-ċirkustanzi – Artikolu 11(1)(e) – Possibbiltà li tintalab il-protezzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Artikolu 7(2) – Sostenn finanzjarju u soċjali – Assenza ta’ rilevanza”

  1. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2004/83 – Waqfien tal-istatus ta’ refuġjat – Kundizzjonijiet – Protezzjoni mill-atti ta’ persekuzzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Kriterji identiċi għal dawk applikati waqt ir-rikonoxximent tal-istatus

    (Direttiva tal-Kunsill 2004/83, Artikolu 2(ċ), Artikolu 7(1) u (2) u Artikolu 11(1)(e))

    (ara l-punti 35 sa 39 u d-dispożittiv 1)

  2. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2004/83 – Waqfien tal-istatus ta’ refuġjat – Kundizzjonijiet – Protezzjoni mill-atti ta’ persekuzzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Sostenn soċjali u finanzjarju pprovdut minn atturi privati, bħall-familja jew klann – Protezzjoni ta’ sigurtà possibbli żgurata mill-familja jew mill-klann – Esklużjoni – Konsegwenzi – Assenza ta’ rilevanza tal-imsemmi sostenn u tal-imsemmija protezzjoni sabiex tiġi evalwata l-effettività jew id-disponibbiltà ta’ din il-protezzjoni

    (Direttiva tal-Kunsill 2004/83, Artikolu 7(1)(a) u (2), u Artikolu 11(1)(e))

    (ara l-punti 44, 46 sa 49, 52, 53, 63 u d-dispożittiv 2)

  3. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2004/83 – Waqfien tal-istatus ta’ refuġjat – Kundizzjonijiet – Assenza ta’ biża’ ta’ persekuzzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-protezzjoni mill-atti ta’ persekuzzjoni – Protezzjoni li għandha tosserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-imsemmija direttiva

    (Direttiva tal-Kunsill 2004/83, Artikolu 2(ċ), Artikolu 7(2) u Artikolu 11(1)(e))

    (ara l-punti 56, 59 sa 63 u d-dispożittiv 2)

Sunt

OA huwa ċittadin Somalu li huwa membru ta’ klann f’minoranza (ir-Reer Hamar). Matul is-snin 1990, huwa u martu kienu batew persekuzzjoni mwettqa mill-milizja tal-klann ta’ maġġoranza (il-Hawiye). Minħabba dawn il-persekuzzjonijiet, huma ħarbu mis-Somalja fl-2001 u l-konjuġi ta’ OA kisbet l-istatus ta’ refuġjat fir-Renju Unit. Fl-2003, OA ngħaqad magħha u kiseb ukoll dan l-istatus, bħala persuna dipendenti fuq il-konjuġi tiegħu.

Madankollu, f’Settembru 2016, is-Secretary of State for the Home Department (is-Segretarju tal-Istat tad-Dipartiment tal-Intern) irrevoka l-istatus ta’ refuġjat ta’ OA, minħabba li l-klanns ta’ minoranza ma għadhomx suġġetti għal persekuzzjonijiet u li l-Istat jiżgura protezzjoni effettiva. F’dan ir-rigward, skont id-Direttiva 2004/83 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘Kwalifika’”) ( 1 ), l-istatus ta’ refuġjat jintemm meta ċ-ċirkustanzi li bihom il-persuna kkonċernata tkun ġiet irrikonoxxuta bħala refuġjat ikunu waqfu milli jeżistu u hija ma tistax iktar tkompli “tirrifjuta milli tgawdi mill-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonalità tagħha” ( 2 ). OA ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni, li issa għandu jiġi eżaminat mill-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) (il-Qorti Superjuri (Awla tal-Immigrazzjoni u l-Ażil), ir-Renju Unit). Huwa jsostni li huwa dejjem jibża’ li jiġi ppersegwitat u li l-awtoritajiet Somali ma humiex f’pożizzjoni li jipproteġuh. Barra minn hekk, isostni li l-eżistenza ta’ “protezzjoni” suffiċjenti fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu ma tistax tiġi dedotta mis-sostenn soċjali u finanzjarju mogħti mill-familja tiegħu jew minn membri oħra tal-klann tiegħu, li jikkostitwixxu atturi privati u mhux statali.

F’dan il-kuntest, il-qorti nazzjonali adita ddeċidiet li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiddetermina, essenzjalment, jekk sostenn soċjali u finanzjarju eventwali żgurat minn atturi privati, bħall-familja jew il-klann, jistax jippermetti li jiġi konkluż li teżisti “protezzjoni” fis-sens tad-Direttiva ‘Kwalifika’ u jekk tali sostenn huwiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-effettività jew tad-disponibbiltà tal-protezzjoni żgurata mill-Istat jew sabiex tiġi ddeterminata l-persistenza ta’ biża’ fondata ta’ persekuzzjoni. Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi jekk il-kriterji li jirregolaw l-eżami ta’ din il-protezzjoni, imwettaq waqt l-analiżi tal-waqfien tal-istatus ta’ refuġjat, humiex l-istess bħal dawk applikati għall-għoti ta’ dan l-istatus.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-“protezzjoni” imsemmija fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva ‘Kwalifika’ li jirrigwardaw il-waqfien tal-istatus ta’ refuġjat għandhom jissodisfaw l-istess rekwiżiti bħal dawk li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-għoti ta’ dan l-istatus ( 3 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza s-simetrija bejn l-għoti u l-waqfien tal-istatus ta’ refuġjat. Fil-fatt, id-Direttiva ‘Kwalifika’ tipprevedi t-telf tal-kwalità ta’ refuġjat meta l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan l-istatus ma jkunux għadhom issodisfatti. Għalhekk, ċirkustanzi li juru l-inkapaċità jew, bil-kuntrarju, il-kapaċità tal-pajjiż ta’ oriġini li jiżgura protezzjoni minn atti ta’ persekuzzjoni jikkostitwixxu element deċiżiv tal-evalwazzjoni li twassal għall-għoti jew, skont il-każ, b’mod simetriku, għall-waqfien tal-istatus ta’ refuġjat. Tali waqfien jinvolvi għaldaqstant li l-bidla fiċ-ċirkustanzi rrimedja għall-kawżi li waslu għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni li sostenn soċjali u finanzjarju eventwali mogħti minn atturi privati, bħall-familja jew il-klann ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni li jirriżultaw mid-Direttiva ‘Kwalifika’. Konsegwentement, dan is-sostenn la huwa rilevanti sabiex tiġi evalwata l-effettività jew id-disponibbiltà tal-protezzjoni żgurata mill-Istat ( 4 ), u lanqas sabiex jiġi ddeterminat jekk għadx hemm, għaċ-ċittadin ikkonċernat, biża’ fondata ta’ persekuzzjoni ( 5 ).

Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, qabel kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li protezzjoni minn atti ta’ persekuzzjoni ġeneralment titqies bħala mogħtija meta l-Istat, jew partiti jew organizzazzjonijiet li jikkontrollaw l-Istat jew parti sostanzjali tat-territorju tiegħu, jieħdu miżuri raġonevoli sabiex jipprevjenu dawn l-atti, b’mod partikolari meta jkollhom sistema ġudizzjarja effettiva li tippermetti l-identifikazzjoni, prosekuzzjoni u sanzjoni ta’ tali atti, u meta l-applikant ikollu aċċess għal din il-protezzjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li sabiex jitqiesu li huma atti ta’ persekuzzjoni, il-fatti rilevanti għandhom ikunu serji biżżejjed fin-natura jew repetizzjoni tagħhom sabiex jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem, jew għandhom ikunu akkumulazzjoni ta’ diversi miżuri li hija serja biżżejjed sabiex taffettwa individwu b’mod simili għal ksur serju tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem. Issa, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, sempliċi sostenn soċjali u finanzjarju tal-familja jew ta’ klann ma huwiex, bħala tali, ta’ natura li jipprevjeni jew jissanzjona atti ta’ persekuzzjoni u għalhekk ma jistax jitqies li jiżgura l-protezzjoni meħtieġa kontra dawn l-atti. Dan japplika b’mod partikolari meta tali sostenn soċjali u finanzjarju ma għandux l-għan li jiżgura l-protezzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat kontra tali atti, iżda l-installazzjoni tiegħu mill-ġdid fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata, sussegwentement, li tali sostenn soċjali u finanzjarju ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-effettività jew tad-disponibbiltà tal-protezzjoni żgurata mill-Istat. Hija tinnota, f’dan ir-rigward, li diffikultajiet ekonomiċi ma jaqgħux, bħala prinċipju, taħt il-kunċett ta’ “persekuzzjoni” ( 6 ), b’tali mod li sostenn soċjali intiż sabiex jirrimedja tali diffikultajiet ma għandux ikollu effett fuq l-evalwazzjoni tas-suffiċjenza tal-protezzjoni statali kontra atti ta’ persekuzzjoni Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja żżid li, anki jekk il-klanns jipprovdu wkoll — lil hinn minn tali sostenn soċjali u finanzjarju — protezzjoni ta’ sigurtà, din il-protezzjoni ma tistax, fi kwalunkwe każ, tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi vverifikat jekk il-protezzjoni tal-Istat tissodisfax ir-rekwiżiti tad-Direttiva ‘Kwalifika’.

Fl-aħħar nett, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-biża’ ta’ persekuzzjoni ma tistax tiġi eskluża, indipendentement mir-rekwiżiti ta’ protezzjoni li jirriżultaw mid-Direttiva ‘Kwalifika’, minħabba sostenn soċjali u finanzjarju żgurat mill-familja jew mill-klann tagħha. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-kundizzjonijiet dwar il-kwalità ta’ refuġjat u li jirrigwardaw, minn naħa, il-biża’ ta’ persekuzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni minn atti ta’ persekuzzjoni, huma intrinsikament marbuta. Għaldaqstant, sabiex jiġi ddeterminat jekk din il-biża’ hijiex fondata, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-eżistenza jew l-assenza ta’ protezzjoni minn tali atti. Madankollu, din il-protezzjoni tippermetti li jiġi konkluż li ma hemmx tali biża’ biss jekk tissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw, mid-Direttiva ‘Kwalifika’ ( 7 ). Fil-fatt, peress li l-kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-biża’ ta’ persekuzzjoni u l-protezzjoni minn atti ta’ persekuzzjoni huma intrinsikament marbuta, ma jistgħux jiġu eżaminati skont kriterju ta’ protezzjoni distint, iżda għandhom jiġu evalwati fid-dawl tar-rekwiżiti previsti f’din id-direttiva Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, interpretazzjoni li abbażi tagħha l-protezzjoni eżistenti f’dan il-pajjiż terz tista’ teskludi biża’ fondata ta’ persekuzzjoni anki jekk ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti tista’ tippreġudika r-rekwiżiti minimi stabbiliti mill-imsemmija direttiva.


( 1 ) Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat [istatus] ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96). Din id-direttiva tħassret b’effett mill-21 ta’ Diċembru 2013, permezz tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).

( 2 ) Ara l-Artikolu 11(1) (e) tad-Direttiva ‘Kwalifika’.

( 3 ) Ara, rispettivament, l-Artikolu 11(1)(e) u l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva ‘Kwalifika’. Għar-rekwiżiti inkwistjoni, ara l-Artikolu 7(1) u (2) ta’ din id-direttiva.

( 4 ) Ara l-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva ‘Kwalifika’.

( 5 ) Ara l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva ‘Kwalifika’, moqri flimkien mal-Artikolu 2(ċ) tagħha.

( 6 ) Ara l-Artikolu 9 tad-Direttiva ‘Kwalifika’.

( 7 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva ‘Kwalifika’.

Top