Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TO0281

Digriet tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tas-6 ta’ Mejju 2019.
ABLV Bank AS vs Il-Bank Ċentrali Ewropew.
Rikors għal annullament – Unjoni Ekonomika u Bankarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment (SRM) – Proċedura ta’ riżoluzzjoni applikabbli f’każ ta’ entità li qiegħda tfalli jew li x’aktarx ser tfalli – Kumpannija omm u sussidjarja – Dikjarazzjoni mill-BĊE ta’ sitwazzjoni ta’ falliment li qed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ – Regolament (UE) Nru 806/2014 – Atti preparatorji – Atti li ma jistgħux jiġu kkontestati – Inammissibbiltà.
Kawża T-281/18.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2019:296

Kawża T-281/18

ABLV Bank AS

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew

Digriet tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tas-6 ta’ Mejju 2019

“Rikors għal annullament – Unjoni Ekonomika u Bankarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment (SRM) – Proċedura ta’ riżoluzzjoni applikabbli f’każ ta’ entità li qiegħda tfalli jew li x’aktarx ser tfalli – Kumpannija omm u sussidjarja – Dikjarazzjoni mill-BĊE ta’ sitwazzjoni ta’ falliment li qed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ – Regolament (UE) Nru 806/2014 – Atti preparatorji – Atti li ma jistgħux jiġu kkontestati – Inammissibbiltà”

Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Atti preparatorji – Esklużjoni – Evalwazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew li tiddikjara istituzzjoni ta’ kreditu f’sitwazzjoni li qiegħda tfalli jew li x’aktarx ser tfalli – Inammissibbiltà

(Artikolu 297 TFUE; Regolament Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Artikolu 18(1)(a))

(ara l-punti 29 sa 32, 34, 36, 49)

Sunt

Fil-kawża li wasslet għad-digriet tas-6 ta’ Mejju 2019, ABLV Bank vs BĊE (T‑281/18), il-Qorti Ġenerali kienet adita b’rikors għal annullament kontra deċiżjonijiet tal-BĊE li jiddikjaraw li r-rikorrenti u s-sussidjarja tagħha, ABLV Bank Luxembourg SA, kienu f’sitwazzjoni ta’ falliment li qed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 ( 1 ). Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-BĊE qajjem żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà. Fil-kuntest tal-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-BĊE sostna, essenzjalment, li evalwazzjoni tal-falliment li qed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ tikkostitwixxi miżura preparatorja mingħajr effett obbligatorju u li l-imsemmi regolament ma kienx jipprevedi l-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors għal annullament kontra evalwazzjoni tal-falliment li qed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ. Barra minn hekk, huwa qies li l-Artikolu 86(2) tal-imsemmi regolament kien jistabbilixxi espressament li d-deċiżjonijiet tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (il-Bord) setgħu jkunu s-suġġett ta’ tali rikors. Fil-kuntest tat-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-BĊE sostna li r-rikorrenti ma hijiex direttament ikkonċernata mill-evalwazzjonijiet tal-falliment li kien qed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ, peress li, minn naħa, tali evalwazzjonijiet ma pproduċewx direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħha u, min-naħa l-oħra, huma ħallew diskrezzjoni wiesgħa lill-awtoritajiet responsabbli għall-implimentazzjoni tagħhom.

Fir-rigward tal-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Qorti Ġenerali tfakkar, qabelxejn, il-ġurisprudenza stabbilita tagħha li abbażi tagħha jistgħu jiġu kkontestati biss, minn persuna fiżika jew ġuridika, l-atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni ġuridika tiegħu. Barra minn hekk, fil-każ ta’ atti li t-tfassil tagħhom isir f’diversi fażijiet ta’ proċedura interna, jikkostitwixxu, bħala prinċipju, atti li jistgħu jiġu kkontestati biss il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni fi tmiem il-proċedura, bl-esklużjoni ta’ miżuri intermedji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali u li l-illegalità tagħhom tista’ titqajjem b’mod effettiv fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra tagħha. Min-naħa l-oħra, att intermedju ma jistax jiġi kkontestat jekk jiġi stabbilit li l-illegalità marbuta ma’ dan l-att tista’ tiġi invokata insostenn ta’ rikors kontra d-deċiżjoni finali li għaliha jikkostitwixxi att ta’ tfassil. F’tali ċirkustanzi, id-deċiżjoni li ttemm il-proċedura tiżgura protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti.

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li l-atti kkontestati jinkludu evalwazzjoni ta’ falliment li qed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ maħruġa mill-BĊE u li dan ma għandu ebda setgħa deċiżjonali fil-qafas previst għall-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni. Fil-fatt, skont il-premessa 26 tar-Regolament Nru 806/2014, għalkemm il-BĊE u l-Bord għandhom ikunu f’pożizzjoni li jevalwaw jekk istituzzjoni ta’ kreditu hijiex qed tfalli jew x’aktarx ser tfalli, huwa biss il-Bord li għandu jevalwa l-kundizzjonijiet meħtieġa għal riżoluzzjoni u jadotta skema ta’ riżoluzzjoni jekk iqis li l-kundizzjonijiet kollha jkunu ssodisfatti. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tqis li mill-Artikolu 18(1) tal-imsemmi regolament jirriżulta b’mod espliċitu li huwa l-Bord li għandu jqis jekk it-tliet kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni humiex issodisfatti. Ċertament, il-BĊE għandu l-kompetenza li jikkomunika evalwazzjoni dwar l-ewwel kundizzjoni, jiġifieri l-falliment li qed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, imma din hija biss sempliċi evalwazzjoni, li bl-ebda mod ma torbot lill-Bord.

Finalment, skont il-Qorti Ġenerali, l-atti kkontestati għandhom jiġu kkunsidrati bħala miżuri preparatorji fil-proċedura intiża sabiex tippermetti lill-Bord jieħu deċiżjoni dwar ir-riżoluzzjoni tal-banek inkwistjoni u għaldaqstant ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament. Huma ma jbiddlux is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti. Fil-fatt, dawn jipprovdu evalwazzjoni tal-fatti mill-BĊE dwar il-kwistjoni ta’ jekk ir-rikorrenti u s-sussidjarja tagħha kinux qed ifallu jew x’aktarx ser ifallu, li bl-ebda mod ma hija obbligatorja, iżda tikkostitwixxi l-bażi għall-adozzjoni, mill-Bord, ta’ skemi ta’ riżoluzzjoni jew ta’ deċiżjonijiet li jistabbilixxu li riżoluzzjoni ma tkunx fl-interess pubbliku. Għalhekk, l-atti kkontestati ma humiex atti li jistgħu jiġu kkontestati fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu bħala inammissibbli, mingħajr ma huwa neċessarju li tesprimi ruħha dwar it-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-BĊE.


( 1 ) Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1)

Top