Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0343

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-20 ta’ Settembru 2018.
Fremoluc NV vs Agentschap voor Grond- en Woonbeleid voor Vlaams-Brabant (Vlabinvest ABP) et.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertajiet fundamentali – Artikoli 21, 45, 49 u 63 TFUE – Direttiva 2004/38/KE – Artikoli 22 u 24 – Dritt ta’ prelazzjoni ta’ aġenzija pubblika fuq artijiet li jinsabu fl-ambitu territorjali tagħha bil-għan li tinbena akkomodazzjoni soċjali – Akkomodazzjoni mogħtija bi prijorità lil persuni privati li jippreżentaw ‘rabta soċjali, ekonomika jew soċjokulturali sostanzjali’ mal-parti tat-territorju li tikkorrispondi mal-imsemmi ambitu – Sitwazzjoni li l-elementi kollha tagħha huma limitati ġewwa Stat Membru – Inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.
Kawża C-343/17.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

Kawża C‑343/17

Fremoluc NV

vs

Agentschap voor Grond- en Woonbeleid voor Vlaams-Brabant (Vlabinvest ABP) et

(talba għal deċiżjoni preliminari,
imressqa min-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertajiet fundamentali – Artikoli 21, 45, 49 u 63 TFUE – Direttiva 2004/38/KE – Artikoli 22 u 24 – Dritt ta’ prelazzjoni ta’ aġenzija pubblika fuq artijiet li jinsabu fl-ambitu territorjali tagħha bil-għan li tinbena akkomodazzjoni soċjali – Akkomodazzjoni mogħtija bi prijorità lil persuni privati li jippreżentaw ‘rabta soċjali, ekonomika jew soċjokulturali sostanzjali’ mal-parti tat-territorju li tikkorrispondi mal-imsemmi ambitu – Sitwazzjoni li l-elementi kollha tagħha huma limitati ġewwa Stat Membru – Inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal‑20 ta’ Settembru 2018

Domandi preliminari – Ammissibbiltà – Neċessità li tingħata informazzjoni suffiċjenti lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kuntest fattwali u leġiżlattiv – Portata tal-obbligu fil-qasam tal-libertajiet fundamentali – Domanda magħmula fuq tilwima li qamet fi Stat Membru wieħed biss – Assenza ta’ indikazzjoni tal-element ta’ rabta li jagħmel l-interpretazzjoni mitluba neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima – Inammissibbiltà

(Artikolu 267 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 94)

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Mejju 2017, hija inammissibbli.

Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ moviment tal-persuni, il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital, kif ukoll ta’ atti adottati fl-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, f’sitwazzjoni li fiha, kif il-qorti tar-rinviju hija stess tirrileva, l-elementi kollha tal-kawża prinċipali huma limitati fi Stat Membru wieħed biss. Issa, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, kif ukoll l-atti adottati fl-implimentazzjoni tagħhom, ma japplikawx għal sitwazzjoni fejn l-elementi kollha huma limitati ġewwa Stat Membru wieħed biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2013, Libert et, C‑197/11 u C‑203/11, EU:C:2013:288, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fil-punti 50 sa 53 tas-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret l-erba’ ipoteżijiet li fihom, madankollu, jista’ jkun neċessarju, għas-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali, li tingħata interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati dwar il-libertajiet fundamentali minkejja li l-elementi kollha tal-imsemmija kawżi jkunu limitati ġewwa Stat Membru wieħed biss, li jwassal għad-dikjarazzjoni li dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma ammissibbli.

Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li, fil-kuntest ta’ sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-elementi kollha tagħha huma limitati ġewwa Stat Membru wieħed biss, huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tindika, konformement mar-rekwiżit tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif, minkejja n-natura purament interna tagħha, it-tilwima pendenti quddiemha għandha element ta’ konnessjoni mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-libertajiet fundamentali li jrendi l-interpretazzjoni preliminari mitluba neċessarja għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima (sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 55; tat‑8 ta’ Diċembru 2016, Eurosaneamientos et, C‑532/15 u C‑538/15, EU:C:2016:932, punt 47, kif ukoll id-digriet tal‑31 ta’ Mejju 2018, Bán, C‑24/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:376, punt 18).

Minn dawn ir-rekwiżiti jirriżulta li, sabiex jitqies li teżisti tali rabta ta’ konnessjoni, is-sempliċi affermazzjoni, mill-qorti tar-rinviju, li tgħid li ma jistax jiġi eskluż li ċittadini stabbiliti fi Stati Membri oħra kienu jew huma interessati li jagħmlu użu mid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-libertajiet fundamentali sabiex jeżerċitaw attivitajiet fit-territorju tal-Istat Membru li adotta l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni u, għaldaqstant, li din il-leġiżlazzjoni, applikabbli mingħajr distinzjoni bejn iċ-ċittadini nazzjonali u ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, tkun tista’ tipproduċi effetti li ma humiex limitati għal dan l-Istat Membru, ma hijiex biżżejjed.

Fil-fatt, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha turi l-elementi konkreti, jiġifieri indizji li ma humiex ipotetiċi iżda ċerti, bħalma huma l-ilmenti jew ir-rikorsi ppreżentati minn operaturi li jinsabu fi Stati Membri oħra jew li jinvolvu ċittadini ta’ dawn l-Istati, sabiex tiġi stabbilita, b’mod pożittiv, l-eżistenza tar-rabta ta’ konnessjoni meħtieġa. B’mod iktar partikolari, il-qorti tar-rinviju ma tistax tillimita ruħha li tipproduċi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja elementi li jistgħu jippermettu li ma tiġix eskluża l-eżistenza ta’ rabta bħal din jew li, ikkunsidrati b’mod astratt, jistgħu jikkostitwixxu indizji f’dan is-sens, iżda għandha, għall-kuntrarju, tipprovdi elementi oġġettivi u konkordanti li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika l-eżistenza tal-imsemmija rabta (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2016, Tecnoedi Costruzioni, C‑318/15, EU:C:2016:747, punti 2022, u tad‑19 ta’ April 2018, Oftalma Hospital, C‑65/17, EU:C:2018:263, punti 3940).

(ara l-punti 18, 20, 22, 28, 29, 33, u d-dispożittiv)

Top