Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TJ0837

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tas-7 ta’ Marzu 2019.
Ir-Renju tal-Isvezja vs Il-Kummissjoni Ewropea.
REACH – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-użu tas-sulfokromat taċ-ċomb isfar u s-sulfat tal-molibdat tal-kromat taċ-ċomb aħmar – Artikolu 60(4) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 – Eżami tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi – Żball ta’ liġi.
Kawża T-837/16.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2019:144

Kawża T‑837/16

Ir‑Renju tal-Isvezja

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il‑Ħames Awla) tas‑7 ta’ Marzu 2019

“REACH – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-użu tas-sulfokromat taċ-ċomb isfar u s-sulfat tal-molibdat tal-kromat taċ-ċomb aħmar – Artikolu 60(4) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 – Eżami tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi – Żball ta’ liġi”

  1. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi – Regolament REACH – Sustanzi ta’ tħassib serju ħafna – Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni – Obbligu ta’ eżami mill-Kummissjoni – Portata – Obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-opinjonijiet tal-kumitati tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) – Limiti – Obbligu ta’ motivazzjoni

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, premessi 81 u 102 u Artikolu 60(4))

    (ara l-punti 64‑69)

  2. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi – Regolament REACH – Sustanzi ta’ tħassib serju ħafna – Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni – Nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi għall-użu ta’ sustanza ta’ tħassib serju – Eżami mill-Kummissjoni – Oneru tal-prova – Preżenza ta’ elementi li jippermettu li jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma eżaminatx debitament in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, premessi 69 u 73 u Artikoli 60(4)(5)(8) u (9)(d) u 62(4)(e) u (f))

    (ara l-punti 72‑79, 81‑85, 102)

  3. Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Limitazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja – Żamma tal-effetti tal-att ikkontestat sas-sostituzzjoni ta’ dan tal-aħħar f’terminu raġonevoli – Ġustifikazzjoni bbażata fuq motivi ta’ ċertezza legali

    (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE)

    (ara l-punti 109‑112)

Sunt

Fis-sentenza L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni (T‑837/16), mogħtija fis‑7 ta’ Marzu 2019, il-Qorti Ġenerali annullat deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni kienet awtorizzat ċertu użu tas-sulfokromat taċ-ċomb isfar (C. I. Pigment Yellow 34) u tas-sulfat tal-molibdat tal-kromat taċ-ċomb aħmar (C. I. Pigment Red 104) skont ir-Regolament Nru 1907/2006 ( 1 ). L-applikazzjoni għal din l-awtorizzazzjoni kienet ġiet ippreżentata minn DDC Maastricht BV bil-għan b’mod partikolari tal-użu ta’ dawn iż-żewġ pigmenti f’żebgħa għall-uċuħ tal-metall u għas-sinjali tat-triq. Id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, li kienet tikkonstata fost oħrajn in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi għal dawn iż-żewġ pigmenti, ġiet ikkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali mir-Renju tal-Isvezja, sostnut mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika tal-Finlandja u mill-Parlament Ewropew.

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, fir-rigward tal-kromati taċ-ċomb inkwistjoni f’dan il-każ, kien paċifiku li ma kienx possibbli li jiġi ddeterminat livell tal-ebda effett derivat għall-proprjetajiet karċinoġeniċi jew għall-proprjetajiet tossiċi għar-riproduzzjoni u li, għaldaqstant, il-bażi legali li tista’ tippermetti l-awtorizzazzjoni ta’ dawn is-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna setgħet tkun biss l-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006. Id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq din id-dispożizzjoni.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali għamlet xi preċiżazzjonijiet fir-rigward tat-tqassim tal-kompiti li għandhom l-atturi involuti fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006. Għaldaqstant, hija l-Kummissjoni biss li għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni humiex issodisfatti. Fil-kuntest tal-analiżi soċjo-ekonomika u tal-analiżi tal-alternattivi adatti, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-opinjonijiet tal-kumitati tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) hekk kif imsemmija fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 1907/2006. Anki jekk ma hijiex marbuta minn opinjoni, fil-każ li tiddeċiedi li titbiegħed sostanzjalment minn opinjoni teknika jew ekonomika mogħtija f’din l-opinjoni, il-Kummissjoni għandha l-obbligu timmotiva speċifikament l-evalwazzjoni tagħha.

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali kkjarifikat qabel kollox il-kunċett ta’ “alternattivi”. Mill-Artikolu 64(4), mill-Artikolu 60(5) u mill-premessa 69 tar-Regolament Nru 1907/2006 jirriżulta li “alternattiva” tikkostitwixxi “sustanza” jew “teknoloġija alternattiva” li hija rilevanti għall-finijiet tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni prevista fir-Regolament Nru 1907/2006 biss sa fejn din tkun “adatta”. Fir-rigward ta’ dan it-terminu, dan huwa intiż li jillimita n-numru ta’ alternattivi rilevanti għall-alternattivi l-“aktar sikuri”, jiġifieri s-sustanzi jew it-teknoloġiji li l-użu tagħhom jinvolvi riskju iżgħar meta mqabbel mar-riskju li jwassal għalih l-użu tas-sustanza ta’ tħassib serju ħafna kkonċernata. Barra minn hekk, dan it-terminu jfisser li tali alternattiva ma għandhiex biss tkun alternattiva in abstracto jew imwettqa f’kundizzjonijiet ta’ laboratorju jew ukoll f’kundizzjonijiet li huma biss ta’ natura eċċezzjonali. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ proċedura soċjo-ekonomika, għandu jiġi ddeterminat wkoll jekk l-alternattivi, li jkunu ntwerew waqt il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, humiex teknikament u ekonomikament fattibbli “għall-applikant” għall-awtorizzazzjoni. Fl-aħħar nett, jekk jintwera li l-benefiċċji soċjo-ekonomiċi jegħlbu r-riskji li jirriżultaw mill-użu tas-sustanza inkwistjoni għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, awtorizzazzjoni tista’ tingħata jekk l-applikant jippreżenta pjan ta’ sostituzzjoni fis-sens tal-Artikolu 60(4)(ċ) ta’ dan ir-regolament.

Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-oneru tal-prova, il-Qorti Ġenerali qieset li, għalkemm huwa ċertament l-applikant għall-awtorizzazzjoni li għandu juri li l-ebda alternattiva ma hija disponibbli, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi jekk il-fatti kollha rilevanti u l-evalwazzjonijiet tekniċi u ekonomiċi kollha relatati jippermettux li jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni huma effettivament issodisfatti. Għaldaqstant, hija l-Kummissjoni, skont id-dmir tagħha ta’ diliġenza, li għandha teżamina iktar fil-fond il-kundizzjoni dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi. Jekk, fit-tmiem tal-eżami dwar il-kundizzjoni relatata man-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi, ikun għad hemm inċertezzi marbuta mal-valutazzjoni xjentifika, ikun hemm lok li jiġi konkluż li, bħala prinċipju, din il-kundizzjoni ma hijiex issodisfatta u li l-Kummissjoni ma tistax, għaldaqstant, tagħti awtorizzazzjoni, anki suġġetta għal kundizzjonijiet

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-informazzjoni pprovduta minn terzi waqt il-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet turi li, għall-inqas, fir-rigward ta’ ċertu użu, ma kienx iġġustifikat li jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi. Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżami, mill-Kummissjoni, tal-kundizzjoni marbuta man-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi, kif prevista fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, ma kienx ġie debitament iffinalizzat. Għaldaqstant, f’din l-istess data, l-awtorizzazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ kienet għada ma setgħetx tingħata.


( 1 ) Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006, L 396, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2009, L 36, p. 84, fil-ĠU 2008, L 141, p. 22 u fil-ĠU 2007, L 136, p. 3).

Top