EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0647

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-31 ta’ Mejju 2018.
Adil Hassan vs Préfet du Pas-de-Calais.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Proċeduri ta’ teħid ta’ inkarigu u ta’ teħid lura – Artikolu 26(1) – Adozzjoni u notifikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment qabel l-aċċettazzjoni tal-att għall-finijiet ta’ teħid lura mill-Istat Membru rikjest.
Kawża C-647/16.

Kawża C‑647/16

Adil Hassan

vs

Prefett ta’ Pas-de-Calais

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Qorti Amministrattiva ta’ Lille)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Proċeduri ta’ teħid ta’ inkarigu u ta’ teħid lura – Artikolu 26(1) – Adozzjoni u notifikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment qabel l-aċċettazzjoni tal-att għall-finijiet ta’ teħid lura mill-Istat Membru rikjest”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-31 ta’ Mejju 2018

Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Regolament Nru 604/2013 – Proċeduri ta’ teħid ta’ inkarigu u ta’ teħid lura – Adozzjoni u notifikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment qabel l-aċċettazzjoni tal-att għall-finijiet ta’ teħid ta’ inkarigu jew teħid lura mill-Istat Membru rikjest – Inammissibbiltà

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 604/2013, Artikolu 26(1))

L-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru, li jitlob lil Stat Membru ieħor li jqis bħala responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali b’applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti minn dan ir-regolament, att biex jittieħed inkarigu jew jittieħed lura persuna msemmija fl-Artikolu 18(1) ta’ dak ir-regolament tadotta deċiżjoni ta’ trasferiment u tinnotifika lil dik il-persuna qabel ma l-Istat Membru rikjest ikun ta l-kunsens tiegħu espliċitu jew impliċitu għal dan l-att.

F’dan ir-rigward, li kieku kellu jiġi aċċettat li deċiżjoni ta’ trasferiment tkun tista’ tiġi nnotifikata lill-persuna kkonċernata qabel ma l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba jkun wieġeb għal talba għat-teħid ta’ inkarigu jew jittieħed lura, dan jista’ jwassal li din il-persuna tkun obbligata, sabiex tikkontesta din id-deċiżjoni, tippreżenta appell f’terminu li skada fil-mument meta l-Istat Membru rikjest għandu jagħti r-risposta tiegħu, jew saħansitra, bħal fil-kawża prinċipali, qabel ma sseħħ l-imsemmija risposta, peress li, skont l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Dublin III, huma l-Istati Membri li għandhom jiffissaw it-terminu li fih il-persuna kkonċernata tista’ teżerċita d-dritt tagħha għal tali rimedju effettiv, l-uniku obbligu impost minn din id-dispożizzjoni peress li dan it-terminu għandu natura raġonevoli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-persuna kkonċernata hija, jekk ikun il-każ, limitata, b’mod preventiv, qabel ukoll ma l-Istat Membru rikjest ikun irrisponda għat-talba għall-finijiet ta’ teħid ta’ inkarigu jew ta’ teħid lura tal-persuna kkonċernata, li tippreżenta, abbażi tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III, appell mid-deċiżjoni ta’ trasferiment jew talba għal reviżjoni tagħha. Mill-bqija, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġġudikat li, fil-prinċipju, tali appell jew tali talba għal reviżjoni jistgħu jintervjenu biss f’sitwazzjoni fejn l-Istat Membru rikjest irrisponda b’mod favorevoli għal din it-talba (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab, C‑670/16, EU:C:2017:587, punt 60).

Barra minn hekk, fir-rigward taċ-ċirkustanza, rrilevata fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment hija sospiża sakemm tingħata risposta mill-Istat Membru rikjest, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Dublin III ma tipprovdi tali sospensjoni. B’hekk, il-fatt li jiġi ammess li n-notifika ta’ tali deċiżjoni, fis-sens tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament Dublin III, tista’ tintervjeni qabel ir-risposta tal-Istat Membru rikjest iwassal, f’sistemi legali li, bid-differenza ta’ dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jipprovdux għas-sospensjoni ta’ tali deċiżjoni qabel l-imsemmija risposta, jesponi lill-persuna kkonċernata għar-riskju ta’ trasferiment lejn dan l-Istat Membru qabel anki li dan ma jkunx ta l-kunsens tiegħu fil-prinċipju. Barra minn hekk, minħabba li r-Regolament Dublin III għandu bħala għan, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, li jiġi stabbilit metodu ċar u li jiffunzjona biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil, ma jistax jiġi aċċettat li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 26(1) ta’ dan ir-regolament, li bih il-leġiżlatur kellu l-għan li jsaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna kkonċernata, tista’ tvarja skont il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri involuti fil-proċedura biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli.

Skont l-istess loġika, fir-rigward tal-fatt li d-dritt Franċiż ma jippermettix it-tqegħid tal-persuna kkonċernata f’detenzjoni amministrattiva tagħha qabel in-notifika lilha tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, tali diffikultà li, kif tikkonferma l-qorti tar-rinviju, tirriżulta esklużivament mid-dritt nazzjonali ma tistax tikkontesta l-interpretazzjoni tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament Dublin III, kif mogħtija fil-punt 46 ta’ din is-sentenza. Mill-bqija, mill-Artikolu 28(2) u (3) ta’ dan ir-regolament li l-Istati Membri huma awtorizzati jqiegħdu l-persuni kkonċernati f’detenzjoni anki qabel ma l-att għall-fini ta’ teħid ta’ inkarigu jew ta’ teħid lura jkun ippreżentat lill-Istat Membru rikjest, meta l-kundizzjonijiet previsti minn dan l-artikolu jiġu ssodisfatti, in-notifika tad-deċiżjoni ta’ trasferiment li ma tkunx tikkostitwixxi b’hekk prerekwiżit neċessarju għal dan it-tqegħid (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor, C‑528/15, EU:C:2017:213, punt 25, kif ukoll tat-13 ta’ Settembru 2017, Khir Amayry, C‑60/16, EU:C:2017:675, punti 25 sa 27, 3031).

(Ara l-punti 59, 60, 64-67, 74, 75 u d-dispożittiv)

Top