EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016CJ0647
Judgment of the Court (Second Chamber) of 31 May 2018.#Adil Hassan v Préfet du Pas-de-Calais.#Request for a preliminary ruling from the Tribunal administratif de Lille.#Reference for a preliminary ruling — Regulation (EU) No 604/2013 — Determination of the Member State responsible for the examination of an application for international protection lodged in a Member State by a third-country national — Procedures for taking charge and taking back — Article 26(1) — Adoption and notification of the transfer decision before the acceptance of the take back request by the requested Member State.#Case C-647/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-31 ta’ Mejju 2018.
Adil Hassan vs Préfet du Pas-de-Calais.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal administratif de Lille.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Proċeduri ta’ teħid ta’ inkarigu u ta’ teħid lura – Artikolu 26(1) – Adozzjoni u notifikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment qabel l-aċċettazzjoni tal-att għall-finijiet ta’ teħid lura mill-Istat Membru rikjest.
Kawża C-647/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-31 ta’ Mejju 2018.
Adil Hassan vs Préfet du Pas-de-Calais.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal administratif de Lille.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Proċeduri ta’ teħid ta’ inkarigu u ta’ teħid lura – Artikolu 26(1) – Adozzjoni u notifikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment qabel l-aċċettazzjoni tal-att għall-finijiet ta’ teħid lura mill-Istat Membru rikjest.
Kawża C-647/16.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:368
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
31 ta’ Mejju 2018 ( *1 ) ( 1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Proċeduri ta’ teħid ta’ inkarigu u ta’ teħid lura – Artikolu 26(1) – Adozzjoni u notifikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment qabel l-aċċettazzjoni tal-att għall-finijiet ta’ teħid lura mill-Istat Membru rikjest”
Fil-Kawża C‑647/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Administratif de Lille (il-Qorti Amministrattiva ta’ Lille, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Diċembru 2016, fil-proċedura
Adil Hassan
vs
Prefett ta’ Pas-de-Calais,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, A. Rosas, C. Toader, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas kif ukoll minn E. de Moustier u E. Armoet, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande, bħala aġent, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Diċembru 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31), (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Adil Hassan, ċittadin Iraqi, u l-prefett ta’ Pas-de-Calais (Franza) dwar il-legalità tad-deċiżjoni li tordna t-trasferiment tiegħu lejn il-Ġermanja. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament (UE) Nru 603/2013
3 |
Skont il-premessa 4 tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU 2013, L 180, p. 1): “Ġħall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament [Dublin III] huwa neċessarju li tkun stabbilita l-identità tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali u ta’ persuni maqbuda b’konnessjoni mal-qsim kontra l-liġi tal-fruntieri esterni tal-Unjoni. Hija wkoll ix-xewqa, sabiex ir-Regolament [Dublin III], ikun applikat b’mod effettiv, u b’mod partikolari l-Artikolu 18(1)(b) u (d) tiegħu, li kull Stat Membru jitħalla jiċċekkja jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jinstabu joqogħdu b’mod illegali fit-territorju tiegħu jkunux applikaw għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor.” |
4 |
L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 603/2013 jipprovdi: “B’dan hija stabbilita sistema magħrufa bħala “Eurodac”, li l-għan tagħha għandu jkun li tgħin biex ikun determinat liema Stat Membru għandu jkun responsabbli konformement mar-Regolament [Dublin III] għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali depożitata fi Stat Membru minn ċittadini ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, u inkella sabiex tiffaċilita l-applikazzjoni tar-Regolament [Dublin III] taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.” |
5 |
L-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 603/2013 jistabbilixxi: “Kull Stat Membru għandu jieħu fil-pront il-marki tas-swaba’ tas-swaba’ kollha ta’ kull applikant għall-protezzjoni internazzjonali li jkollu tal-inqas 14-il sena u għandu, mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn 72 siegħa wara li tiġi ddepożitata l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali, kif iddefinit mill-Artikolu 20(2) tar-Regolament [Dublin III] […].” |
Ir-Regolament Dublin III
6 |
Il-premessi 4, 5, 9 u 19 tar-Regolament Dublin III jistabbilixxu:
[…]
[…]
|
7 |
L-Artikolu 3 tar-Regolament Dublin III, intitolat “L-aċċess għall-proċedura tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.” |
8 |
L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament jipprevedi: “1. Biex jiffaċilita l-proċess biex jiddetermina l-Istat Membru responsabbli, l-Istat Membru determinanti għandu jagħmel intervista personali mal-applikant. […] 2. L-intervista personali tista’ ma ssirx jekk: […]
3. L-intervista personali għandha ssir fi żmien xieraq u, f’kull każ, qabel tittieħed xi deċiżjoni biex applikant ikun trasferit lejn l-Istat Membru responsabbli skont l-Artikolu 26(1). […]” |
9 |
L-Artikolu 18 tal-istess regolament, intitolat “Obbligi tal-Istat Membru responsabbli”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istat Membru responsabbli taħt dan ir-Regolament għandu jkun obbligat:
|
10 |
Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Dublin III: “1. Fejn Stat Membru joħroġ dokument ta’ residenza lill-applikant, l-obbligi speċifikati fl-Artikolu 18(1) għandhom ikunu ttrasferiti lil dak l-Istat Membru. 2. L-obbligi speċifikati fl-Artikolu 18(1) għandhom jieqfu fejn l-Istat Membru responsabbli jista’ jistabbilixxi, fejn mitlub li jieħu ħsieb jew jieħu applikant jew persuna oħra lura kif imsemmi fl-Artikolu 18(1)(c) jew (d), li l-persuna kkonċernata tkun ħalliet it-territorju tal-Istati Membri għall-inqas għal tliet xhur, sakemm il-persuna kkonċernata ma tkunx fil-pussess ta’ dokument ta’ residenza validu maħruġ mill-Istat Membru responsabbli. […] 3. L-obbligi speċifikati fl-Artikolu 18 (1)(c) u (d), għandhom jieqfu fejn l-Istat Membru responsabbli jista’ jistabbilixxi, meta mitlub li jieħu lura applikant jew persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 18(1)(c) jew (d), li l-persuna kkonċernata ħalliet it-territorju tal-Istati Membri f’konformità ma’ deċiżjoni ta’ ritorn jew ordni ta’ tkeċċija li kien ħareġ wara l-irtirar jew ir-rifjut tal-applikazzjoni […]” |
11 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament: “Fejn Stat Membru li għandu kienet iddepożitata applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jikkunsidra li Stat Membru ieħor huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni, jista’, kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni kienet iddepożitata fit-tifsira tal-Artikolu 20(2), jitlob lill-Istat Membru l-ieħor biex jieħu inkarigu tal-applikant.” |
12 |
L-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament jipprevedi: “1. L-Istat Membru li tkun saritlu t-talba għandu jagħmel il-kontrolli meħtieġa, u għandu jagħti deċiżjoni fuq it-talba biex jittieħed inkarigu [tittieħed ir-responsabbiltà] ta’ applikant fi żmien xahrejn mill-irċevuta tat-talba. […] 7. Nuqqas ta’ azzjoni fi żmien il-perijodu ta’ xahrejn imsemmi fil-paragrafu 1 u l-perijodu ta’ xahar imsemmi fil-paragrafu 6 għandu jkollu effett ugwali ta’ aċċettazzjoni tat-talba, u jinvolvi l-obbligu li tittieħed inkarigu [tittieħed ir-responsabbiltà] tal-persuna, inklużi l-obbligu biex jipprovdi għal arranġamenti xierqa għal wasla.” |
13 |
Skont l-Artikolu 24 tal-istess regolament: “1. Meta Stat Membru li fuq it-territorju tiegħu persuna msemmija fl-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d), tkun preżenti mingħajr dokument ta’ residenza u li quddiemu ma tkunx ġiet iddepożitata applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali, iqis li Stat Membru ieħor huwa responsabbli skont l-Artikolu 20(5) u l-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d), huwa jista’ jitlob lil dak l-Istat Membru l-ieħor biex jieħu lura dik il-persuna. 2. B’deroga mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment [(ĠU 2008, L 348, p. 98)], fejn Stat Membru li fuq it-territorju tiegħu persuna tkun preżenti mingħajr dokument ta’ residenza jiddeċiedi li jfittex fis-sistema tal-Eurodac […], it-talba biex tittieħed lura persuna kif imsemmija fl-Artikolu 18(1)(b) jew (c) ta’ dan ir-Regolament, jew persuna kif imsemmija fl-Artikolu 18(1)(d) tiegħu li l-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali ma tkunx ġiet rifjutata permezz ta’ deċiżjoni finali, għandha ssir kemm jista’ jkun malajr u fi kwalunkwe każ fi żmien xahrejn minn meta rċieva il-“hit” mill-Eurodac […]. […] 5. It-talba biex il-persuna msemmija fl-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d) tittieħed lura, għandha ssir permezz ta’ formola standard u għandha tinkuldi provi jew evidenza ċirkostanzjali kif deskritt fiż-żewġ listi msemmija fl-Artikolu 22(3) u/jew elementi rilevanti mid-dikjarazzjonijiet tal-persuna, li jippermettu lill-awtoritajiet tal-Istat Membru rikjest li jivverifikaw jekk huwiex responsabbli abbażi tal-kriterji stabbiliti f’dan ir-Regolament. […]” |
14 |
L-Artikolu 25 tar-Regolament Dublin III jipprevedi: “1. L-Istat Membru rikjest għandu jagħmel il-kontrolli meħtieġa u jagħti deċiżjoni dwar it-talba biex jieħu lura l-persuna kkonċernata kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ mhux aktar tard minn xahar mid-data meta kienet rċevuta t-talba. Meta t-talba tkun ibbażata fuq data miksuba mis-sistema Eurodac, dak il-limitu ta’ żmien għandu jitnaqqas għal ġimagħtejn. 2. Nuqqas ta’ azzjoni fil-perijodu ta’ xahar jew fil-perijodu ta’ ġimgħatejn imsemmija fil-paragrafu 1, għandha tfisser aċċettazzjoni tat-talba, u għandha tinvolvi l-obbligu li jieħu lura l-persuna kkonċernata, inkluż l-obbligu li jipprovdi arranġamenti xierqa għall-wasla.” |
15 |
L-Artikolu 26 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kondizzjonijiet għall-kisba ta’ kull ċertifikat”, jipprovdi: “1. Meta l-Istat Membru mitlub jaċċetta li jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura applikant jew persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 18(1)(c) jew (d), l-Istat Membru rikjedenti għandu jinnotifika lill-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni li hija tiġi trasferita lejn l-Istat Membru responsabbli u, fejn xieraq, bid-deċiżjoni li ma jeżaminax l-applikazjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali. […] 2. Id-deċiżjoni li jirreferi għaliha l-paragrafu 1 għandha tinkludi informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli, inkluż id-dritt ta’ applikazzjoni għal effett sospensiv, fejn applikabbli, u dwar il-limiti ta’ żmien applikabbli biex jintalbu dawn ir-rimedji u biex ikun eżegwit it-trasferiment u, għandha, jekk meħtieġ, tinkludi informazzjoni dwar il-post fejn, u d-data li fiha l-persuna kkonċernata għandha tidher, jekk dik il-persuna tkun ser tivvjaġġa lejn l-Istat Membru responsabbli bil-mezzi tiegħha stess. […]” |
16 |
L-Artikolu 27 tal-imsemmi regolament, intitolat “Rimedji”, jinqara kif ġej: “1. L-applikant jew persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 18(1)(c) jew (d) għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal. 2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal perijodu ta’ żmien raġonevoli li fih l-applikant jew il-persuna kkonċernata jista’ jeżerċita d-dritt għal rimedju effettiv skont il-paragrafu 1.” 3. Għall-iskopijiet ta’ appelli kontra, jew reviżjonijiet ta’, -deċiżjonijiet ta’ trasferiment, l-Istati Membri għandhom jipprevedu fil-liġi nazzjonali tagħhom li:
4. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jaġixxu ex officio fis-sospensjoni tal-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tat-trasferiment sakemm iseħħ l-eżitu tal-appell jew reviżjoni. […]” |
17 |
L-Artikolu 28 tal-istess regolament, intitolat “Detenzjoni”, jistipula: “1. L-Istati Membri ma’ għandhomx iżommu persuna f’detenzjoni għall-unika raġuni li huwa jew hija soġġetta għall-proċedura stabbilita b’dan ir-Regolament. 2. Meta jkun hemm riskju sinifikanti li l-persuna taħrab, l-Istati Membri jistgħu jżommu lill-persuna kkonċernata taħt detenzjoni sabiex jiżguraw proċeduri ta’ trasferiment skont dan ir-Regolament, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni individwali u biss sa fejn id-detenzjoni tkun proporzjonali, jekk ma jkunux jistgħu jiġu applikati effettivament miżuri alternattivi oħra inqas koerżivi. 3. Id-detenzjoni għandha tkun għal żmien qasir kemm jista’ jkun u m’għandiex tkun għal iżjed miż-żmien li raġonevolment huwa meħtieġ sabiex jiġu ssodisfati l-proċeduri amministrattivi meħtieġa b’diliġenza dovuta sakemm jitwettaq it-trasferiment taħt dan ir-Regolament. Fejn persuna tinżamm taħt detenzjoni skont dan l-Artikolu, il-perijodu għall-preżentazzjoni ta’ talba biex jittieħed inkarigu jew jittieħed lura ma għandux ikun itwal minn xahar minn meta t-talba tiġi ppreżentata. L-Istat Membru li jwettaq l-proċedura f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandu jitolob tweġiba urġenti f’dawn il-każijiet. Tali tweġiba għandha tingħata fi żmien ġimgħatejn minn meta jirċievi t-talba. Nuqqas ta’ tweġiba fil-perijodu ta’ ġimgħatejn għandu l-istess effett ta’ aċċettazzjoni tat-talba, u għandu jinvolvi l-obbligu li jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna, inkluż l-obbligu li jagħmel arranġamenti xierqa għall-wasla. […]” |
18 |
L-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament Dublin III jipprevedi: “1. It-trasferiment tal-applikant jew persuna oħra kif imsemmi fil-punti (c) jew (d) tal-Artikolu 18(1) mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, għandu jkun eżegwit skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u l-aktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3). […] 2. Fejn it-trasferiment ma jsirx fiż-żmien limitu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru responsabbli għandu jitneħħewlu l-obbligi biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għandha tkun trasferita lill-Istat Membru rikjedenti. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jkun estiż sa massimu ta’ sena jekk it-trasferiment ma setax ikun eżegwit minħabba priġunerija tal-persuna kkonċernata jew sa massimu ta’ tmintax-il xahar jekk il-persuna kkonċernata tkun ħarbet.” |
Regolament (KE) Nru 1560/2003
19 |
L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003 tat-2 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 200, iktar ’il quddiem ir- “Regolament ta’ Implimentazzjoni”), intitolat “Proċessar ta’ talbiet biex tieħu lura”, jipprevedi: “Fejn talba biex tieħu lura hija bbażata fuq data provduta mill-Unità Ċentrali tal-Eurodac u ċċekkjata mill-Istat Membru li qed jagħmel it-talba, [...], l-Istat Membru mitlub għandu jirrikonoxxi r-responsabbiltà tiegħu ħlief jekk il-kontrolli mwettqa’ juru li l-obbligazzjonijiet tiegħu taħt [it-tieni sub-paragrafu tal-Artikolu 20(5) jew taħt l-Artikolu 19(1), (2), jew (3) tar-Regolament Dublin III] ntemmu. Il-fatt li obbligazzjonijiet intemmu fuq il-bażi ta’ dawk id-disposizzjonijiet jista’ jiġi bbażat fuqu biss fuq il-bażi ta’ evidenza materjali jew stqarrijiet sostanzjati u verifikati mill-persuna li qed tfittex asil.” |
20 |
Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, intitolat “Risposta posittiva”: “Fejn l-Istat Membru jaċċetta r-responsabbiltà, ir-risposta għandha tgħid hekk, tispeċifika d-disposizzjoni tar-[Regolament Dublin III] li hija meħudha bħala bażi, u għandha tinkludi dettalji prattiċi dwar it-trasferiment sussegwenti, bħad-dettalji ta’ kuntatt tad-dipartiment jew persuna li għandha tkun kontattata.” |
Id-dritt Franċiż
21 |
L-Artikolu L. 512–1, punt III, l-ewwel paragrafu, tal-Kodiċi dwar id-Dħul u r-Residenza ta’ Barranin u d-Dritt ta’ Asil, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iċ-“Ceseda”), jistipula: “F’każ ta’ detenzjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu L. 551–1, il-barrani jista’ jitlob lill-President tal-Qorti Amministrattiva l-annullament tal-obbligu ta’ tluq mit-territorju Franċiż, tad-deċiżjoni li tirrifjuta terminu għat-tluq volontarju, tad-deċiżjoni li ssemmi l-pajjiż ta’ destinazzjoni u tad-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ ritorn fit-territorju Franċiż jew ta’ projbizzjoni ta’ moviment fit-territorju Franċiż li takkumpanjah, kif xieraq, fi żmien tmienja u erbgħin siegħa min-notifika tagħhom, meta dawn id-deċiżjonijiet jiġu nnotifikati mad-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt detenzjoni. […]” |
22 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 551-1, ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej: “Fil-każijiet previsti fil-paragrafi 1 sa 7 tal-punt I tal-Artikolu L. 561-2, il-barrani li ma jippreżentax garanziji ta’ rappreżentazzjoni effettivi biex jipprevjenu r-riskju msemmi fil-paragrafu 3 tal-punt II tal-Artikolu L. 511–1 jista’, jiġi ddetenut mill-awtorità amministrattiva […] għal perijodu ta’ tmienja u erbgħin siegħa.” |
23 |
Il-punt I tal-Artikolu L. 561-2 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi: “L-awtorità amministrattiva tista’ tieħu deċiżjoni ta’ arrest domiċiljarju fil-konfront ta’ ċittadin barrani li ma jkunx jista’ jitlaq immedjatament mit-territorju Franċiż iżda li t-tkeċċija tagħhom għadha prospett raġonevoli, meta tali barrani:
[…]
[…]” |
24 |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu L. 742–1 taċ-CESEDA, li jinsab fil-Kapitolu II, intitolat “Proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat responsabbli għall-eżaminazzjoni ta’ applikazzjoni għall-ażil” tal-Ktieb VII ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Id-dritt għall-ażil”, jipprovdi: “Meta l-awtorità amministrattiva tqis li l-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil taqa’ taħt il-kompetenza ta’ Stat ieħor li lilu hija għandha l-intenzjoni tressaq talba, il-barrani għandu d-dritt li jibqa’ fit-territorju Franċiż sa tmiem il-proċedura sabiex jiġi ddeterminat l-Istat responsabbli sabiex jeżamina t-talba tiegħu u, fejn xieraq, sakemm iseħħ it-trasferiment effettiv tiegħu lejn dak l-Istat. […]” |
25 |
L-Artikolu L. 742-3 tal-imsemmi kodiċi jistipula: “Bla ħsara għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu L. 742 1, il-persuna barranija li l-eżami tal-applikazzjoni tagħha għall-ażil hija r-responsabbiltà ta’ Stat ieħor tista’ tiġi ttrasferita lejn l-Istat responsabbli għal dan l-eżami. Kull deċiżjoni ta’ trasferiment għandha tkun suġġetta għal deċiżjoni mmotivata bil-miktub meħuda mill-awtorità amministrattiva. Din id-deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata lill-persuna kkonċernata. Hija għandha ssemmi l-mezzi u t-termini tal-appell kif ukoll id-dritt li tgħarraf jew li jiġi mgħarraf il-konsulat, rappreżentant legali jew lil kwalunkwe persuna tal-għażla tagħha. […]” |
26 |
L-Artikolu L. 742-4 taċ-Ceseda jipprevedi: “Il-barrani li kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment msemmi fl-Artikolu L. 742–3 jista’, fi żmien ħmistax-il jum mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni, jitlob l-annullament tagħha lill-President tal-qorti amministrattiva. Il-President jew maġistrat li huwa jinnomina għal dan il-għan […] għandu jieħu deċiżjoni fi żmien ħmistax-il jum mill-preżentazzjoni tiegħu. […]” |
27 |
Skont l-Artikolu L. 742-5 ta’ dan l-istess kodiċi: “L-Artikoli L. 551–1 u L. 561–2 huma applikabbli għall-barrani li huwa s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment malli jirċievi n-notifika ta’ dik id-deċiżjoni. L-ebda deċiżjoni għal trasferiment ma tista’ tkun suġġett għal eżekuzzjoni ex officio jew qabel l-iskadenza ta’ terminu ta’ ħmistax-il jum jew, jekk deċiżjoni ta’ detenzjoni meħuda skont l-Artikolu L. 551–1 jew ta’ arrest domiċiljari skont l-Artikolu L. 561–2 ġiet innotifikata mad-deċiżjoni ta’ trasferiment, qabel l-iskadenza ta’ terminu ta’ tmienja u erbgħin siegħa, lanqas qabel li l-Qorti Amministrattiva tkun iddeċidiet, jekk ġiet adita.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
28 |
Adil Hassan, ċittadin Iraqi, ġie arrestat, fit-26 ta’ Novembru 2016, mis-servizzi tal-Pulizija tal-Ajru u l-Fruntieri ta’ Pas-de-Calais (Franza) f’żona ta’ aċċess ristretta tat-terminal tal-port ta’ Calais (Franza). Riċerka magħmula fis-sistema Eurodac minn dawn is-servizzi wriet li l-marki tas-swaba’ ġew identifikati mill-awtoritajiet Ġermaniżi fis-7 ta’ Novembru fl-14 ta’ Diċembru 2015 u li kien talab, għal dak il-mument, il-protezzjoni internazzjonali fil-Ġermanja, mingħajr madankollu ma għamel talba bħal din fi Franza. |
29 |
Fl-istess jum ta’ interrogazzjoni u din il-konsultazzjoni tas-sistema Eurodac, il-prefett ta’ Pas-de-Calais ressaq quddiem l-awtoritajiet Ġermaniżi talba għat-teħid lura ta’ A. Hassan u ddeċieda, fl-istess ħin, it-trasferiment tiegħu lejn il-Ġermanja u li jitpoġġa f’detenzjoni amministrattiva. Din id-deċiżjoni ġiet innotifikata lil A. Hassan fl-istess data. |
30 |
A. Hassan kkontesta l-miżura ta’ detenzjoni amministrattiva tal-juge des libertés et de la détention (l-Imħallef responsabbli mit-tqegħid ta’ persuna f’detenzjoni provviżorja) tat-tribunal de grande instance de Lille (il-Qorti Reġjonali ta’ Lille, Franza) abbażi tal-Artikolu L. 512–1, punt III, taċ-Ceseda. Permezz ta’ sentenza tat-29 ta’ Novembru 2016, din il-qorti ordnat ir-rilaxx ta’ din il-miżura. |
31 |
A. Hassan ippreżenta wkoll appell sospensiv quddiem it-tribunal administratif de Lille (il-Qorti Amministrattiva ta’ Lille, Franza) kontra d-deċiżjoni tas-26 ta’ Novembru 2016 sa fejn din tordna t-trasferiment tiegħu lejn il-Ġermanja. |
32 |
Fil-kuntest ta’ dan l-aħħar appell, A. Hassan isostni b’mod partikolari li din id-deċiżjoni tikser l-Artikolu 26 tar-Regolament Dublin III, peress li din ittieħdet u ġiet innotifikata lilu qabel ma l-Istat Membru rikjest, f’dan il-każ ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ma jkunx espressament jew impliċitament irrispondiet għat-talba tal-awtoritajiet Franċiżi għall-finijiet ta’ teħid lura. |
33 |
Il-prefett ta’ Pas-de-Calais, min-naħa tiegħu, isostni li la l-Artikolu 26 lanqas ebda dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ma kienu jostakolaw li jieħu, iż-żamma f’detenzjoni, deċiżjoni ta’ trasferiment u li jinnotifika lill-persuna kkonċernata, fejn dan tal-aħħar għandu kontriha r-rimedji previsti fl-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III. B’konformità mal-liġi nazzjonali, huwa xorta kien obbligat, sabiex tkun tista’ ssir detenzjoni ta’ A. Hassan, qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ trasferiment, mingħajr ma stenna risposta tal-Istat Membru rikjest. Fi kwalunkwe każ, it-trasferiment ma jistax jitwettaq sakemm l-Istat Membru mitlub ma jkunx aċċetta li jieħu responsabbiltà ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata. |
34 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-prefett ta’ Pas-de-Calais ma kienx obbligat li jieħu deċiżjoni ta’ trasferiment li tpoġġi lil A. Hassan f’detenzjoni amministrattiva, peress li tali detenzjoni hija prevista fl-Artikolu 28 tar-Regolament Dublin III, li huwa applikabbli direttament. Madankollu, hija tirrikonoxxi li d-dritt nazzjonali li fuqu bbaża ruħu il-prefett sabiex jadotta din id-deċiżjoni ta’ trasferiment ma kienx jipprekludi l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni flimkien mad-deċiżjoni ta’ tqegħid fid-detenzjoni. Hija tistaqsi wkoll dwar il-kompatibbiltà ta’ tali prattika amministrattiva mal-Artikolu 26 tar-Regolament Dublin III. |
35 |
Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-qrati nazzjonali huma diviżi dwar dan is-suġġett, li tispjega li ċerti qrati amministrattivi jikkunsidraw li deċiżjoni ta’ trasferiment tista’ tittieħed u tiġi nnotifikata lill-persuna kkonċernata qabel it-tweġiba tal-Istat Membru rikjest, filwaqt li qrati oħra jqisu li l-Istat Membru rikjedenti għandu jistenna l-eżitu tal-proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, kif prevista fl-Artikoli 20 sa 25 tar-Regolament Dublin III, qabel ma tittieħed u li jinnotifika tali deċiżjoni. |
36 |
Il-qorti tar-rinviju tqis, min-naħa tagħha, li kemm qari letterali ta’ verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 26 tar-Regolament Dublin III kif ukoll l-interpretazzjoni teleoloġika tal-imsemmija dispożizzjoni u ta’ dawk li fil-kuntest tagħhom tinserixxi ruħha favur din it-tieni interpretazzjoni, ħaġa li tikkonferma wkoll l-eżami tax-xogħlijiet ta’ tħejjija tar-Regolament Dublin III. |
37 |
Hija madankollu tispeċifika li l-adozzjoni u n-notifika ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment qabel it-tweġiba tal-Istat Membru rikjest ma jipprekludux lill-persuna kkonċernata li tikkontesta din id-deċiżjoni quddiem qorti kompetenti fil-kuntest ta’ rimedju b’effett sospensiv skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III. Jekk jirriżulta li l-Istat Membru rikjest ma huwiex responsabbli fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mir-Regolament, id-deċiżjoni ta’ trasferiment tista’ allura tiġi annullata. |
38 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal administratif ta’ Lille (il-Qorti Amministrattiva ta’ Lille) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja: “Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26 tar-Regolament [Dublin III] jipprekludu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li ressaq talba, quddiem Stat Membru ieħor li huwa jqis bħala l-Istat responsabbli skont il-kriterji stabbiliti mir-Regolament, għat-teħid inkarigu ta’ ċittadin jew għat-teħid lura ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jew ta’ persuna mingħajr Stat li ppreżentat applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li dwarha għadha ma tteħditx deċiżjoni finali jew ta’ persuna oħra msemmija fl-Artikolu 18(1)(c) jew (d) [ta’ dan l-istess] Regolament, milli jieħdu deċiżjoni ta’ trasferiment u jinnotifikawha lill-persuna kkonċernata qabel l-aċċettazzjoni ta’ dan l-inkarigu ta’ ċittadin jew dan it-teħid lura mill-Istat mitlub?” |
Fuq id-domanda preliminari
39 |
Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 26(1) tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru, li fformula lil Stat Membru ieħor li jqis bħala responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont il-kriterji stabbiliti minn dan ir-regolament, talba biex jittieħed lura applikant jew persuna msemmija fl-Artikolu 18(1) ta’ dak ir-regolament, jadotta deċiżjoni ta’ trasferiment u jinnotifika lil dik il-persuna qabel ma l-Istat Membru rikjest ma jkun ta l-kunsens tiegħu espliċita jew impliċita għal din it-talba. |
40 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni t-termini tagħha, l-oriġini tagħha, kif ukoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Diċembru 2017, Acacia u D’Amato, C‑397/16 u C‑435/16, EU:C:2017:992, punt 31, kif ukoll tas-17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
F’dan ir-rigward, qabel kollox, fir-rigward tat-termini tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament Dublin III, din id-dispożizzjoni tistipula li, meta l-Istat Membru mitlub jaċċetta li jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura applikant jew persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 18(1)(c) jew (d) ta’ dan ir-regolament, l-Istat Membru rikjedenti għandu jinnotifika lill-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni li hija tiġi ttrasferita lejn l-Istat Membru responsabbli u, fejn xieraq, bid-deċiżjoni li ma jeżaminax l-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali. |
42 |
Għaldaqstant, jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament Dublin III, u dan, hekk kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, fi kważi l-verżjonijiet lingwistiċi kollha tiegħu, li n-notifika ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment lill-persuna kkonċernata tista’ tintervjeni biss jekk u, għaldaqstant, wara li l-Istat Membru mitlub ikun ta tweġiba pożittiva dwar it-talba biex jittieħed inkarigu jew jittieħed lura, jew, fejn applikabbli, wara l-iskadenza tat-termini li fihom l-Istat Membru rikjest għandu jwieġeb għal din it-talba, in-nuqqas ta’ risposta ekwivalenti skont l-Artikolu 22(7) u l-Artikolu 25(2) tar-Regolament Dublin III, għall-aċċettazzjoni ta’ tali talba. |
43 |
Il-kliem stess tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament Dublin III għandu għalhekk juri li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa ordni proċedurali preċiż bejn l-aċċettazzjoni tat-talba għall-finijiet ta’ teħid jew ta’ teħid lura mill-Istat Membru rikjest u n-notifika ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment lill-persuna kkonċernata. |
44 |
Sussegwentement, fir-rigward tal-oriġini tal-imsemmi Artikolu 26(1), għandu jiġi osservat li, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (COM/2008/0820 finali), dwar ir-riformulazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003 u li wassal għall-adozzjoni tar-Regolament Dublin III, kienet tistipula li kien hemm ħtieġa għal aktar ċarezza dwar il-proċedura ta’ notifika tad-deċiżjoni ta’ trasferiment tal-persuna kkonċernata, sabiex jiġi żgurat id-dritt ta’ rimedju iktar effettiv tagħha. |
45 |
Kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-motivi tal-imsemmija proposta għal regolament, dawn id-dettalji kellhom jiffukaw, b’mod partikolari, dwar il-ħin, il-forma u l-kontenut tan-notifika ta’ deċiżjonijiet ta’ trasferiment. Issa, l-Artikolu 25(1) tal-istess proposta, li sar l-Artikolu 26(1) tar-Regolament Dublin III, li kien jinkludi dawn l-ispjegazzjonijiet, ma sostna, matul il-proċedura leġiżlattiva, l-ebda bidla sostanzjali f’dan ir-rigward. |
46 |
Għaldaqstant, mill-kliem stess tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament Dublin III, moqrija fid-dawl tal-oriġini tal-imsemmija dispożizzjoni, jirriżulta li deċiżjoni ta’ trasferiment tista’ tiġi nnotifikata lill-persuna kkonċernata biss wara li l-Istat Membru rikjest, impliċitament jew espliċitament, aċċetta t-teħid ta’ responsabbiltà jew it-teħid lura ta’ din il-persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, A.S., C‑490/16, EU:C:2017:585, punt 33). |
47 |
L-istruttura ġenerali tar-Regolament Dublin III tikkonferma din l-interpretazzjoni. |
48 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 26(1) tar-Regolament Dublin III jidher fil-Kapitolu VI tiegħu, intitolat “Il-Proċedura ta’ teħid ta’ inkarigu [ta’ responsabbiltà] u ta’ teħid lura”, li jinkludi dispożizzjonijiet li jispeċifikaw l-istadji suċċessivi tal-imsemmija proċedura, kif ukoll serje ta’ termini vinkolanti li jikkontribwixxu għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli tal-eżaminazzjoni ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2017, Shiri, C‑201/16, EU:C:2017:805, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
49 |
Din il-proċedura ta’ teħid ta’ inkarigu [ta’ responsabbiltà] u ta’ teħid lura għandha obbligatorjament titmexxa f’konformità mar-regoli stabbiliti, b’mod partikolari, tal-imsemmi Kapitolu VI (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab, C‑670/16, EU:C:2017:587, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
50 |
B’hekk, mit-Taqsimiet II u III tal-Kapitolu VI tar-Regolament Dublin III, dwar il-proċeduri għat-talbiet biex jittieħed inkarigu u biex jittieħed lura jirriżulta li, fl-ewwel stadju, l-Istat Membru rikjedenti jista’ jitlob Stat Membru ieħor, skont il-każ, li jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata, skont id-dispożizzjonijiet, rispettivament, tal-Artikolu 21(1), tal-Artikolu 23(1) u tal-Artikolu 24(1) tal-imsemmi regolament. |
51 |
Bħala t-tieni pass, huwa l-Istat Membru li saritlu t-talba, skont l-Artikolu 22(1) jew l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Dublin III, skont il-każ, li jipproċedi għall-verifiki neċessarji sabiex jiddetermina jekk huwiex responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fid-dawl tal-kriterji stipulati fil-Kapitolu III ta’ dak ir-regolament u, għaldaqstant, li jiddeċiedi dwar it-talba għat-teħid ta’ inkarigu jew ta’ teħid lura fit-termini previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet. |
52 |
Għaldaqstant, huwa biss meta l-Istat Membru rikjest wettaq dawn il-verifiki li jista’ jiddeċiedi dwar it-talba għat-teħid ta’ inkarigu jew ta’ teħid lura u jirrispondi lill-Istat Membru rikjedenti. F’dan ir-rigward, risposta pożittiva tapplika aċċettazzjoni fil-prinċipju tagħha tat-trasferiment tal-persuna kkonċernata, aċċettazzjoni li hija, b’mod ġenerali, segwita mill-implimentazzjoni tal-imsemmi trasferiment, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, A.S., C‑490/16, EU:C:2017:585, punt 50). |
53 |
L-Artikolu 26(1) tar-Regolament Dublin III, li jinsab, flimkien mal-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament, dwar rimedji, fit-Taqsima IV, intitolat “Salvagwardji proċedurali”, tal-Kapitolu VI tal-imsemmi regolament, huwa intiż, billi jobbliga lill-Istat Membru rikjedenti jinnotifika lill-persuna kkonċernata d-deċiżjoni ta’ trasferiment, li jsaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ dik il-persuna li tkun, fejn it-trasferiment ikun fil-prinċipju akkwistati bejn l-Istati Membri involuti fil-proċedura ta’ teħid ta’ inkarigu jew ta’ teħid lura, informata abbażi tal-motivi li fuqhom hija bbażata l-imsemmija deċiżjoni, b’mod li jippermetti, jekk ikun il-każ, tikkontestaha quddiem l-imħallef kompetenti u li titlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tagħha. |
54 |
L-istruttura ġenerali tar-Regolament Dublin III għalhekk targumenta wkoll favur interpretazzjoni tal-Artikolu 26(1) ta’ dan ir-regolament, li tgħid li deċiżjoni ta’ trasferiment tista’ tiġi nnotifikata lill-persuna kkonċernata biss wara li l-Istat Membru rikjest aċċetta t-teħid inkarigu jew teħid lura ta’ dik il-persuna. |
55 |
L-istess jgħodd tal-għan imfittex mir-Regolament Dublin III, kuntrarjament għal dak li jidher li tikkunsidra l-Kummissjoni Ewropea. |
56 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar immedjatament li r-Regolament Dublin III għandu bħala għan, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li għandu jiġi stabbilit metodu ċar u operazzjonali, ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ekwi kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati, li jippermetti determinazzjoni ta’ malajr tal-Istat Membru responsabbli biex jiggarantixxi aċċess effettiv għall-proċeduri ta’ għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u li ma jikkompromettix l-għan ta’ ħeffa fit-trattament tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, filwaqt li jiġi ggarantit, skont il-premessa 19 tal-imsemmi regolament, rimedju effettiv stabbilit mill-imsemmi regolament kontra deċiżjonijiet ta’ trasferiment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash, C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 42, kif ukoll tal-25 ta’ Ottubru 2017, Shiri, C‑201/16, EU:C:2017:805, punti 31 u 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
57 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jissagrifika l-protezzjoni ġudizzjarja tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali għall-imsemmi rekwiżit ta’ ħeffa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash, C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 57, u tat-13 ta’ Settembru 2017, Khir Amayry, C‑60/16, EU:C:2017:675, punt 65). |
58 |
Fir-rigward tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantita, b’mod partikolari, fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, mill-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III jirriżulta li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell mid-deċiżjoni tat-trasferiment jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, minn din id-deċiżjoni quddiem qorti jew tribunal. Dan ir-rimedju, li l-portata tiegħu ma tistax tiġi interpretata restrittivament, għandu jirrigwarda, minn naħa, l-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, fir-rigward kemm tal-implimentazzjoni tal-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tiegħu kif ukoll l-osservanza tas-salvagwardji proċedurali previsti b’mod partikolari fil-Kapitolu VI tiegħu, u, min-naħa l-oħra, l-eżaminazzjoni tas-sitwazzjoni fil-fatt u fil-liġi fl-Istat Membru lejn liema l-applikant huwa ttrasferit (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Lulju 2017, A.S., C‑490/16, EU:C:2017:585, punti 26 sa 28; tas-26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab, C‑670/16, EU:C:2017:587, punti 43, 47 u 48, kif ukoll tal-25 ta’ Ottubru 2017, Shiri, C‑201/16, EU:C:2017:805, punti 36 u 37). |
59 |
F’dan ir-rigward, li kieku kellu jiġi aċċettat li deċiżjoni ta’ trasferiment tkun tista’ tiġi nnotifikata lill-persuna kkonċernata qabel ma l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba jkun wieġeb għal talba għat-teħid ta’ inkarigu jew jittieħed lura, dan jista’ jwassal li din il-persuna tkun obbligata, sabiex tikkontesta din id-deċiżjoni, tippreżenta appell f’terminu li skada fil-mument meta l-Istat Membru rikjest għandu jagħti r-risposta tiegħu, jew saħansitra, bħal fil-kawża prinċipali, qabel ma sseħħ l-imsemmija risposta, peress li, skont l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Dublin III, huma l-Istati Membri li għandhom jiffissaw it-terminu li fih il-persuna kkonċernata tista’ teżerċita d-dritt tagħha għal tali rimedju effettiv, l-uniku obbligu impost minn din id-dispożizzjoni peress li dan it-terminu għandu natura raġonevoli. |
60 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-persuna kkonċernata hija, jekk ikun il-każ, limitata, b’mod preventiv, qabel ukoll ma l-Istat Membru rikjest ikun irrisponda għat-talba għall-finijiet ta’ teħid ta’ inkarigu jew ta’ teħid lura tal-persuna kkonċernata, li tippreżenta, abbażi tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III, appell mid-deċiżjoni ta’ trasferiment jew talba għal reviżjoni tagħha. Mill-bqija, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġġudikat li, fil-prinċipju, tali appell jew tali talba għal reviżjoni jistgħu jintervjenu biss f’sitwazzjoni fejn l-Istat Membru rikjest irrisponda b’mod favorevoli għal din it-talba (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab, C‑670/16, EU:C:2017:587, punt 60). |
61 |
Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 46 sa 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-portata tad-dritt għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III, tista’ tiġi ristretta, peress li deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda u nnotifikata lill-persuna kkonċernata qabel ma l-Istat Membru rikjest ikun wieġeb għall-att għall-finijiet ta’ teħid ta’ inkarigu jew ta’ teħid lura tkun ibbażata fuq l-elementi ta’ prova u xhieda ċirkostanzjali miġbura mill-Istat Membru rikjedenti u mhux fuq dawk li joriġinaw fl-Istat Membru rikjest, bħad-data tar-risposta tagħha għall-att biex jittieħed inkarigu jew jittieħed lura jew il-kontenut tar-raġunijiet li wassluha taċċetta din it-talba, meta t-tweġiba tagħha tkun espliċita. |
62 |
Issa, għandu jiġi enfasizzat, kif jirrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, li tali provi li ġejjin mill-Istat Membri rikjest huma ta’ importanza partikolari fil-kuntest tal-appelli jew tat-talbiet għal reviżjoni mressqa kontra deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda bħala riżultat ta’ proċedura għall-finijiet ta’ teħid ta’ inkarigu, peress li l-Istat Membru rikjest huwa obbligat li jivverifika b’mod eżawrjenti r-responsabbiltà tiegħu fid-dawl tal-kriterji previsti mir-Regolament Dublin III u li jieħu inkunsiderazzjoni wkoll informazzjoni li ma hijiex neċessarjament magħrufa fl-Istat Membru rikjedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash, C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 43). |
63 |
Għandu jitfakkar ukoll li l-Istat Membru rikjest jista’ jitwassal, anki f’każ ta’ risposta pożittiva Eurodac, li jirrispondi b’mod negattiv għall-att għall-fini ta’ teħid ta’ inkarigu jew ta’ teħid lura meta, b’mod partikolari, iqis li r-responsabbiltà tiegħu waqqfet bis-saħħa tal-Artikolu 19 jew tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(5) tar-Regolament Dublin III, kif jikkonferma wkoll l-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, l-applikant li għandu jkollu l-possibbiltà li jinvoka tali ċirkustanza fil-kuntest tal-appell tiegħu (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Karim, C‑155/15, EU:C:2016:410, punti 26 u 27). |
64 |
Barra minn hekk, fir-rigward taċ-ċirkustanza, rrilevata fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment hija sospiża sakemm tingħata risposta mill-Istat Membru rikjest, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Dublin III ma tipprovdi tali sospensjoni. Fil-fatt, ir-regoli dwar l-effett sospensiv tal-appell, stabbiliti fl-Artikolu 27(3) u (4) ta’ dan ir-regolament, isemmu l-possibbiltajiet ta’ sospensjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment ta’ tul inkluż bejn id-data tal-preżentata tal-appell jew it-talba għal reviżjoni, u, l-iktar tard, ir-riżultat tal-imsemmi appell jew tal-imsemmija talba għal reviżjoni, mingħajr ma l-preżentazzjoni tagħhom ma timplika neċessarjament is-sospensjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2017, Khir Amayry, C‑60/16, EU:C:2017:675, punti 64 u 68, kif ukoll tal-25 ta’ Jannar 2018, Hasan, C-360/16, EU:C:2018:35, punt 38). |
65 |
B’hekk, il-fatt li jiġi ammess li n-notifika ta’ tali deċiżjoni, fis-sens tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament Dublin III, tista’ tintervjeni qabel ir-risposta tal-Istat Membru rikjest iwassal, f’sistemi legali li, bid-differenza ta’ dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jipprovdux għas-sospensjoni ta’ tali deċiżjoni qabel l-imsemmija risposta, tesponi lill-persuna kkonċernata għar-riskju ta’ trasferiment lejn dan l-Istat Membru qabel anki li dan ma jkunx ta l-kunsens tiegħu fil-prinċipju. |
66 |
Barra minn hekk, minħabba li r-Regolament Dublin III għandu bħala għan, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, li jiġi stabbilit metodu ċar u li jiffunzjona biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil, ma jistax jiġi aċċettat li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 26(1) ta’ dan ir-regolament, li bih il-leġiżlatur kellu l-għan li jsaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna kkonċernata, tista’ tvarja skont il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri involuti fil-proċedura biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli. |
67 |
Skont l-istess loġika, fir-rigward tal-fatt li d-dritt Franċiż ma jippermettix it-tqegħid tal-persuna kkonċernata f’detenzjoni amministrattiva tagħha qabel in-notifika lilha tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, tali diffikultà li, kif tikkonferma l-qorti tar-rinviju, tirriżulta esklużivament mid-dritt nazzjonali ma tistax tikkontesta l-interpretazzjoni tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament Dublin III, kif mogħtija fil-punt 46 ta’ din is-sentenza. Mill-bqija, mill-Artikolu 28(2) u (3) ta’ dan ir-regolament li l-Istati Membri huma awtorizzati jqiegħdu l-persuni kkonċernati f’detenzjoni anki qabel ma l-att għall-fini ta’ teħid ta’ inkarigu jew ta’ teħid lura jkun ippreżentat lill-Istat Membru rikjest, meta l-kundizzjonijiet previsti minn dan l-artikolu jiġu ssodisfatti, in-notifika tad-deċiżjoni ta’ trasferiment li ma tkunx tikkostitwixxi b’hekk prerekwiżit neċessarju għal dan it-tqegħid (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor, C‑528/15, EU:C:2017:213, punt 25, kif ukoll tat-13 ta’ Settembru 2017, Khir Amayry, C‑60/16, EU:C:2017:675, punti 25 sa 27, 30 u 31). |
68 |
Għalhekk, l-għan tar-Regolament Dublin III, mhux talli ma jdgħajjifx l-interpretazzjoni mogħtija fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, jimmilita wkoll favur tagħha. |
69 |
Madankollu, id-domandi tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw mhux biss fuq il-mument li fih in-notifika tad-deċiżjoni ta’ trasferiment għandha tintervjeni imma wkoll fuq il-mument li fih din id-deċiżjoni tiġi adottata. |
70 |
F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-kliem tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament Dublin III jirreferu għan-notifika tad-deċiżjoni ta’ trasferiment u mhux għall-adozzjoni tagħha. Madankollu, il-punt (b) tal-Artikolu 5(2), u l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament li jippreċiżaw, rispettivament, il-kundizzjonijiet li taħthom l-Istat Membru li jkun qiegħed iwettaq il-proċess biex jiddetermina l-Istat Membru responsabbli jista’ ma jagħmilx l-intervista mal-applikant u l-mument li fih għandu jseħħ, jipprovdu li tali intervista jew kwalunkwe opportunità oħra biex l-applikant jipprovdi l-informazzjoni rilevanti għandhom jseħħu qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ trasferiment skont l-Artikolu 26(1) tiegħu. |
71 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Dublin IIII, id-deċiżjoni ta’ trasferiment għandha tinkludi informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli, inkluż id-dritt ta’ applikazzjoni għal effett sospensiv, fejn applikabbli, u dwar il-limiti ta’ żmien applikabbli biex jintalbu dawn ir-rimedji u biex ikun eżegwit it-trasferiment u, għandha, jekk meħtieġ, tinkludi informazzjoni dwar il-post fejn, u d-data li fiha l-persuna kkonċernata għandha tidher, jekk dik il-persuna tkun ser tivvjaġġa lejn l-Istat Membru responsabbli bil-mezzi tiegħha stess. |
72 |
Issa, tali informazzjoni tiddependi fil-prinċipju, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, kemm tal-mument li fih l-Istat Membru rikjest għandu jwieġeb it-talba biex jittieħed inkarigu jew jittieħed lura li l-kontenut tal-imsemmija risposta, skont il-modalitajiet speċifikati fl-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, meta hija espliċita. |
73 |
Fi kwalunkwe każ, deċiżjoni ta’ trasferiment ma tistax tiġi inforzata kontra l-persuna kkonċernata qabel ma tkun ġiet innotifikata lilha, il-mument li fih in-notifika għandha ssir, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, iddefinit b’mod ċar fl-Artikolu 26(1) tar-Regolament Dublin III. Minn dan jirriżulta li l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni qabel ir-risposta tal-Istat Membru rikjest, minkejja li n-notifika tagħha tintervjeni biss wara din ir-risposta, ma tista’ tikkontribwixxi la għall-għan tal-ħeffa fit-trattament tat-talbiet ta’ protezzjoni internazzjonali u lanqas għall-għan li tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet tal-imsemmija persuna, peress li l-preżentata ta’ appell minn deċiżjoni ta’ trasferiment tiġi neċessarjament wara n-notifika tagħha (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-26 ta’ Lulju 2017, A.S., C‑490/16, EU:C:2017:585, punt 54). |
74 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 26(1) tar-Regolament Dublin III topponi wkoll l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment qabel ir-risposta, espliċita jew impliċita, tal-Istat Membru rikjest għall-finijiet tat-teħid ta’ inkarigu jew teħid lura. |
75 |
Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li l-Artikolu 26(1) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru, li jitlob lil Stat Membru ieħor li jqis bħala responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali b’applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti minn dan ir-regolament, att biex jittieħed inkarigu jew jittieħed lura persuna msemmija fl-Artikolu 18(1) ta’ dak ir-regolament tadotta deċiżjoni ta’ trasferiment u tinnotifika lil dik il-persuna qabel ma l-Istat Membru rikjest ikun ta l-kunsens tiegħu espliċitu jew impliċitu għal dan l-att. |
Fuq l-ispejjeż
76 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru, li jitlob lil Stat Membru ieħor li jqis bħala responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali b’applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti minn dan ir-regolament, att biex jittieħed inkarigu jew jittieħed lura persuna msemmija fl-Artikolu 18(1) ta’ dak ir-regolament jadotta deċiżjoni ta’ trasferiment u jinnotifika lil dik il-persuna qabel ma l-Istat Membru rikjest ikun ta l-kunsens tiegħu espliċitu jew impliċitu għal dan l-att. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
( 1 ) Fil-kliem prinċipali, fid-dispożittiv u f’punt 59, 65 u 67 ta’ dan it-test saru modifiki ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.