Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0234

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-26 ta’ April 2018.
    Asociación Nacional de Grandes Empresas de Distribución (ANGED) vs Consejería de Economía y Hacienda del Principado de Asturias u Consejo de Gobierno del Principado de Asturias.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa reġjonali fuq l-istabbilimenti kummerċjali kbar – Libertà ta’ stabbiliment – Protezzjoni tal-ambjent u ppjanar tat-territorju – Għajnuna mill-Istat – Miżura selettiva.
    Kawżi magħquda C-234/16 u C-235/16.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    Kawżi magħquda C‑234/16 u C‑235/16

    Asociación Nacional de Grandes Empresas de Distribución (ANGED)

    vs

    Consejería de Economía y Hacienda del Principado de Asturias u Consejo de Gobierno del Principado de Asturias

    (talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Supremo)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa reġjonali fuq l-istabbilimenti kummerċjali kbar – Libertà ta’ stabbiliment – Protezzjoni tal-ambjent u ppjanar tat-territorju – Għajnuna mill-Istat – Miżura selettiva”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-26 ta’ April 2018

    1. Libertà ta’ stabbiliment–Leġiżlazzjoni fiskali–Taxxa fuq il-kumpanniji–Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar taxxa reġjonali fuq l-istabbilimenti kummerċjali kbar–Ammissibbiltà

      (Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE)

    2. Għajnuna mogħtija mill-Istati–Kunċett–Natura selettiva tal-miżura–Deroga mis-sistema fiskali ġenerali–Ġustifikazzjoni bbażata fuq in-natura u l-istruttura tas-sistema–Kriterji ta’ evalwazzjoni

      (Artikolu 107(1) TFUE)

    1.  L-Artikoli 49 u 54 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux taxxa fuq l-istabbilimenti kummerċjali kbar, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

      Fil-kawżi prinċipali, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tistabbilixxi kriterju marbut mas-superfiċi ta’ espożizzjoni u ta’ bejgħ tal-istabbiliment, li ma jistabbilixxi ebda diskriminazzjoni diretta. Mill-elementi ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma jirriżulta li dan il-kriterju jisfavorixxi fil-parti l-kbira tal-każijiet liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra jew lill-kumpanniji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stati Membri oħra.

      (ara l-punti 24, 25, 28, u d-dispożittiv 1)

    2.  Taxxa, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, fuq l-istabbilimenti ta’ distribuzzjoni kbar li tiddependi, essenzjalment, mis-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn huma eżentati minn din it-taxxa l-istabbilimenti li s-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom hija inqas minn 4000 m2. Tali taxxa lanqas ma tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn huma eżentati minn din it-taxxa l-istabbilimenti li l-attività tagħhom hija eżerċitata fis-settur tal-ġardinaġġ, tal-bejgħ ta’ vetturi, tal-materjal għall-kostruzzjoni, tal-makkinarju u tal-provvisti industrijali, u li s-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom ma taqbiżx l-10 000 m2, sa fejn dawn l-istabbilimenti ma jikkawżawx ħsara għall-ambjent u għall-ippjanar tat-territorju daqstant kbira daqs l-istabbilimenti l-oħra, sitwazzjoni din li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

      (ara l-punt 55 u d-dispożittiv 2)

    Top