EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0234

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-26 ta’ April 2018.
Asociación Nacional de Grandes Empresas de Distribución (ANGED) vs Consejería de Economía y Hacienda del Principado de Asturias u Consejo de Gobierno del Principado de Asturias.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Tribunal Supremo.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa reġjonali fuq l-istabbilimenti kummerċjali kbar – Libertà ta’ stabbiliment – Protezzjoni tal-ambjent u ppjanar tat-territorju – Għajnuna mill-Istat – Miżura selettiva.
Kawżi magħquda C-234/16 u C-235/16.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:281

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

26 ta’ April 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa reġjonali fuq l-istabbilimenti kummerċjali kbar – Libertà ta’ stabbiliment – Protezzjoni tal-ambjent u ppjanar tat-territorju – Għajnuna mill-Istat – Miżura selettiva”

Fil-Kawżi C‑234/16 u C‑235/16,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-10 u tal-11 ta’ Marzu 2016, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ April 2016, fil-proċeduri

Asociación Nacional de Grandes Empresas de Distribución (ANGED)

vs

Consejería de Economía y Hacienda del Principado de Asturias (C‑234/16),

Consejo de Gobierno del Principado de Asturias (C‑235/16),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, C. G. Fernlund, J.-C. Bonichot (Relatur), A. Arabadjiev u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Lulju 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Asociación Nacional de Grandes Empresas de Distribución (ANGED), minn J. Pérez-Bustamante Köster u F. Löwhagen, abogados, kif ukoll minn J. M. Villasante García, procurador,

għall-Consejería de Economía y Hacienda del Principado de Asturias u għall-Consejo de Gobierno del Principado de Asturias, minn A. Roces Llaneza, letrada,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Gossement, P. Němečková u G. Luengo, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Novembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 u 54 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 107(1) TFUE.

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn, minn naħa, l-Asociación Nacional de Grandes Empresas de Distribución (ANGED) u, min-naħa l-oħra, il-Consejería de Economía y Hacienda del Principado de Asturias (il-Ministeru Reġjonali għall-Ekonomika u għall-Finanzi tal-Prinċipat tal-Asturias, Spanja) u l-Consejo de Gobierno del Principado de Asturias (il-Kunsill tal-Gvern tal-Prinċipat tal-Asturias) dwar il-legalità ta’ taxxa li għaliha huma suġġetti l-istabbilimenti kummerċjali kbar li jinsabu fil-Komunità Awtonoma tal-Prinċipat tal-Asturias.

Id-dritt Spanjol

3

Il-Ley del Principado de Asturias 15/2002, de medidas presupuestarias, administratives y fiscales (il-Liġi tal-Prinċipat tal-Asturias Nru 15/2002, dwar Miżuri Baġitarji, Amministrattivi u Fiskali), tas-27 ta’ Diċembru 2002 (BOPA Nru 301, tal-31 ta’ Diċembru 2002), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 15/2002”), stabbilixxiet, fl-Artikolu 21 tagħha, taxxa fuq l-istabbilimenti kummerċjali kbar (iktar ’il quddiem l-“IGEC”), b’effett mill-1 ta’ Jannar 2003.

4

Il-preambolu tal-Liġi Nru 15/2002 jispeċifika li din it-taxxa hija intiża li ġġiegħel lill-istabbilimenti kummerċjali kbar jagħmlu tajjeb għall-effetti negattivi prodotti mill-attività tagħhom fuq it-territorju, fuq l-ambjent u fuq il-kummerċ urban.

5

Il-punt 2 tal-Artikolu 21 tal-Liġi Nru 15/2002 jipprevedi li d-dħul mill-IGEC għandu jiġi assenjat “għall-istabbiliment u għall-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ implimentazzjoni ta’ linji gwida settorjali dwar it-tagħmir kummerċjali” u “għall-introduzzjoni ta’ titjib fil-livell tal-ambjent u tan-netwerks tal-infrastruttura”.

6

Konformement mal-punt 3 tal-Artikolu 21 tal-Liġi Nru 15/2002, din it-taxxa tapplika għall-istabbilimenti kummerċjali, individwali jew kollettivi, li s-superfiċi utli ta’ espożizzjoni u ta’ bejgħ tagħhom li hija miftuħa għall-pubbliku hija ta’ 4000 m2 jew iktar. Dan il-livell minimu, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2005, qabel kien iffissat bħala 2500 m2.

7

Skont il-punt 4 tal-Artikolu 21 tal-Liġi Nru 15/2002, ma humiex suġġetti għall-IGEC l-istabbilimenti individwali kbar li s-superfiċi utli ta’ espożizzjoni u ta’ bejgħ tagħhom li hija miftuħa għall-pubbliku ma taqbiżx l-10 000 m2 u li joperaw esklużivament waħda mill-attivitajiet segwenti: ġardinaġġ, bejgħ ta’ vetturi, materjal għall-kostruzzjoni, makkinarju u provvisti industrijali.

8

Mill-punt 5 tal-Artikolu 21 tal-Liġi Nru 15/2002 jirriżulta li huma suġġetti għall-IGEC il-propjretarji li joperaw stabbilimenti kummerċjali kbar, irrispettivament minn jekk dawn ikunux individwali jew kollettivi, jiġifieri l-proprjetarji tal-post jew tal-postijiet li jagħmlu parti minn dawn l-istabbilimenti kbar u li jeżerċitaw direttament l-attivitajiet kummerċjali, jew li jqiegħdu l-post jew il-postijiet għad-dispożizzjoni ta’ terzi li jeżerċitaw tali attivitajiet.

9

Il-punt 7 tal-Artikolu 21 ta’ din il-liġi jispeċifika l-modalitajiet tal-kalkolu tal-valur taxxabbli, li jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari d-densità tal-popolazzjoni f’żona ta’ għaxar kilometri madwar il-post fejn ikun jinsab l-istabbiliment.

10

Il-punt 11 tal-Artikolu 21 tal-Liġi Nru 15/2002 jipprevedi li l-IGEC għandha tiġi kkalkolata bl-applikazzjoni għall-ammont tat-taxxa, jekk ikun il-każ, ta’ tnaqqis ta’ 10 % għall-istabbilimenti kummerċjali kbar li ma jinsabux f’żoni urbani u li huma aċċessibbli permezz ta’ minn tal-inqas żewġ mezzi ta’ trasport pubbliku differenti kif ukoll tnaqqis għall-istabbilimenti kummerċjali kbar li joperaw proġetti għall-protezzjoni tal-ambjent meqjusa li huma adegwati mill-amministrazzjoni kompetenti fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent.

11

Sa mill-1 ta’ Jannar 2015, is-sistema legali ta’ din it-taxxa ġiet speċifikata permezz ta’ termini simili bid-decreto legislativo 1/2014, por el que se aprueba el texto refundido de las disposiciones legales del Principado de Asturias en materia de Tributos Propios (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 1/2014, li Japprova t-Test li Jifformola mill-Ġdid id-Dispożizzjonijiet Leġiżlattivi tal-Prinċipat tal-Asturias fil-Qasam Fiskali), tat-23 ta’ Lulju 2014 (BOPA Nru 175, tad-29 ta’ Lulju 2014).

12

Il-punt III fil-preambolu ta’ dan id-digriet leġiżlattiv jirriproduċi essenzjalment il-preambolu tal-Liġi Nru 15/2002, mingħajr ma jirreferi madankollu għall-effetti negattivi tal-attività tal-istabbilimenti kummerċjali kbar fuq il-kummerċ urban.

It-tilwimiet fil-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

13

Permezz tal-Liġi Nru 15/2002, ġiet stabbilita taxxa reġjonali fuq l-istabbilimenti kummerċjali kbar fit-territorju kollu tal-Komunità Awtonoma tal-Prinċipat tal-Asturias, bil-għan li jiġu kkumpensati l-impatti territorjali, b’mod partikolari fuq in-nisġa kummerċjali urbana, u ambjentali li jistgħu jirriżultaw minn dawn l-istabbilimenti kummerċjali kbar. Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2003, il-Ministeru Reġjonali għall-Ekonomika u għall-Finanzi tal-Prinċipat tal-Asturias approva l-mudell ta’ dikjarazzjoni ta’ impożizzjoni, ta’ emenda tal-istatut u ta’ tħassir tal-IGEC. Il-Kunsill tal-Gvern tal-Prinċipat tal-Asturias approva, fil-11 ta’ Novembru 2009, ir-Regolament dwar l-IGEC, permezz tad-decreto 139/2009, por el que se aprueba el Reglamento del Impuesto sobre Grandes Establecimientos Comerciales (id-Digriet 139/2009 li Japprova r-Regolament dwar it-Taxxa fuq l-Istabbilimenti Kummerċjali Kbar) (BOPA Nru 273, tal-25 ta’ Novembru 2009).

14

Matul is-sena 2003, l-ANGED, assoċjazzjoni li tiġbor fi ħdanha, fuq livell nazzjonali, l-impriżi ta’ distribuzzjoni kbar, ippreżentat quddiem it-Tribunal Superior de Justicia del Principado de Asturias (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-Prinċipat tal-Asturias, Spanja) rikors intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, ibbażat fuq l-inkompatibbiltà tagħha kemm mal-libertà ta’ stabbiliment u kemm mad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat

15

Fl-2009, l-ANGED ippreżentat ukoll quddiem dik il-qorti rikors intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

16

Dik il-qorti ssospendiet id-deċiżjonijiet tagħha fiż-żewġ kawżi fl-istennija tal-eżitu tad-domanda li hija kienet għamlet lit-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja) dwar il-kostituzzjonalità tal-leġiżlazzjoni dwar l-IGEC. Wara ċ-ċaħda ta’ din it-talba mit-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali), fl-10 ta’ April 2014, it-Tribunal Superior de Justicia de Asturias (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-Asturias) ċaħdet ukoll ir-rikorsi ppreżentati mill-ANGED. Din għalhekk ippreżentat appell minn dawn iż-żewġ sentenzi ta’ ċaħda quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja).

17

L-ANGED ressqet ukoll ilment quddiem il-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni tal-IGEC u dwar l-allegata natura ta’ għajnuna mill-Istat tagħha.

18

Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Novembru 2014, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Spanjoli li, wara evalwazzjoni preliminari tal-iskema tal-IGEC, l-eżenzjoni mogħtija lill-istabbilimenti kummerċjali żgħar kif ukoll lil ċerti stabbilimenti speċjalizzati setgħet titqies li hija għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern, u li kien meħtieġ li r-Renju ta’ Spanja jabolixxi jew jemenda din it-taxxa

19

Kien f’dan il-kuntest li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti, li huma identiċi fil-Kawżi C-234/16 u C-235/16:

“1)

L-Artikoli 49 u 54 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-eżistenza ta’ taxxa reġjonali li tintaxxa l-funzjonament tas-superfiċji kummerċjali l-kbar li s-superfiċji utili tagħhom ta’ espożizzjoni u ta’ bejgħ lill-pubbliku hija ta’ 4000 m2 jew iktar minħabba l-impatt tagħhom fuq it-territorju, l-ambjent u n-nisġa ta’ kummerċ urban ta’ dan ir-reġjun, iżda li tapplika irrispettivament mill-post reali fejn jinsabu dawn l-istabbilimenti kummerċjali barra jew ġewwa n-nisġa urbana kkonsolidata u li fil-parti l-kbira tad-drabi prattikament taffettwa lill-impriżi ta’ Stati Membri oħra, fid-dawl tal-fatt li:

a)

ma taffettwax lin-negozjanti proprjetarji ta’ numru ta’ stabbilimenti kummerċjal, individwali jew kollettivi, b’superfiċji utli ta’ espożizzjoni u bejgħ lill-pubbliku ta’ inqas minn 4000 m2, ikun liema jkun l-għadd totali tas-superfiċji utli tal-espożizzjoni u bejgħ lill-pubbliku tal-istabbilimenti kollha tiegħu, u

b)

ma tissuġġettax għat-taxxa lill-istabbilimenti kummerċjali individwali l-kbar, li s-superfiċji utli tagħhom ta’ espożizzjoni u bejgħ lill-pubbliku ma tkunx ta’ iktar minn 10000 m2, meta jkunu ddedikati biss u esklussivament għal attivitajiet ta’ ġardinaġġ, ta’ bejgħ ta’ vetturi, ta’ materjal għall-kostruzzjoni, ta’ makkinarji u ta’ provvisti ta’ natura industrijali?

2)

L-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat ipprojbita, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, in-nuqqas ta’ ssuġġettar għall-IGEC [introdotta fit-territorju tal-Komunità Awtonoma tal-Prinċipat] tal-Asturias, tal-istabbilimenti kummerċjali, individwali jew kollettivi, b’superfiċji utli ta’ espożizzjoni u ta’ bejgħ lill-pubbliku ta’ inqas minn 4000 m2, u tal-istabbilimenti kummerċjali individwali l-kbar, li s-superfiċji utli tagħhom ta’ espożizzjoni u ta’ bejgħ lill-pubbliku ma tkunx ta’ iktar minn 10000 m2, meta jkunu ddedikati biss u esklussivament għall-attivitajiet ta’ ġardinaġġ, ta’ bejgħ ta’ vetturi, ta’ materjal għall-kostruzzjoni ta’ makkinarji u ta’ provvisti ta’ natura industrijali?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

20

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 49 u 54 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu taxxa fuq l-istabbilimenti kummerċjali kbar, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

21

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-libertà ta’ stabbiliment hija intiża li tiggarantixxi l-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra u lill-kumpanniji msemmija fl-Artikolu 54 TFUE, u li tipprojbixxi, fir-rigward tal-kumpanniji, kull diskriminazzjoni bbażata fuq il-post tal-uffiċċju rreġistrat tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, C‑374/04, EU:C:2006:773, punt 43, kif ukoll tal-14 ta’ Diċembru 2006, Denkavit Internationaal u Denkavit France, C‑170/05, EU:C:2006:783, punt 22).

22

F’dan ir-rigward, ma humiex ipprojbiti biss id-diskriminazzjonijiet manifesti bbażati fuq il-post tal-uffiċċju rreġistrat tal-kumpanniji, iżda hija pprojbita wkoll kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, b’applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, twassal, de facto, għall-istess riżultat (sentenza tal-5 ta’ Frar 2014, Hervis Sport-és Divatkereskedelmi, C‑385/12, EU:C:2014:47, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Barra minn hekk, taxxa obbligatorja li tipprevedi kriterju ta’ differenzazzjoni apparentement oġġettiv iżda li jisfavorixxi fil-parti l-kbira tal-każijiet, fid-dawl tal-karatteristiċi tiegħu, lill-kumpanniji li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stati Membri oħra u li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dawk li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fl-Istat Membru tat-taxxa, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq il-post tal-uffiċċju rreġistrat tal-kumpanniji pprojbita mill-Artikoli 49 u 54 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Frar 2014, Hervis Sport-és Divatkereskedelmi, C‑385/12, EU:C:2014:47, punti 37 sa 41).

24

Fil-kawżi prinċipali, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tistabbilixxi kriterju marbut mas-superfiċi ta’ espożizzjoni u ta’ bejgħ tal-istabbiliment, li ma jistabbilixxi ebda diskriminazzjoni diretta.

25

L-elementi ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma jindikaw li dan il-kriterju jisfavorixxi fil-parti l-kbira tal-każijiet liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra jew lill-kumpanniji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stati Membri oħra.

26

Fil-fatt, tali konstatazzjoni ma tirriżultax mid-data mogħtija mill-ANGED fil-kuntest tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li barra minn hekk tikkonċerna essenzjalment it-taxxa fuq l-istabbilimenti kbar introdotta mill-Komunità Awtonoma tal-Cataluña. Barra minn hekk, il-Komunità Awtonoma tal-Prinċipat tal-Asturias sostniet, min-naħa tagħha, li l-persuni taxxabbli suġġetti għall-IGEC huma essenzjalment ta’ oriġini Spanjola.

27

Il-qorti tar-rinviju tispeċifika wkoll li hija ma għandhiex informazzjoni “valida” sabiex turi l-eżistenza ta’ eventwali diskriminazzjoni moħbija.

28

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikoli 49 u 54 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux taxxa fuq l-istabbilimenti kummerċjali kbar, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

Fuq it-tieni domanda

29

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, taxxa bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali fuq l-istabbilimenti ta’ distribuzzjoni kbar li tiddependi, essenzjalment, mis-superfiċi ta’ espożizzjoni u ta’ bejgħ tagħhom, sa fejn huma eżentati minn din it-taxxa l-istabbilimenti li s-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom hija inqas minn 4000 m2 u dawk li jeżerċitaw l-attività tagħhom fis-settur tal-ġonna, tal-bejgħ ta’ vetturi, ta’ materjal għall-kostruzzjoni, ta’ makkinarju u ta’ provvisti industrijali u li s-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom ma jaqbiżx l-10 000 m2.

30

Il-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, teħtieġ li jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet segwenti kollha. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, dan l-intervent għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, dan l-intervent għandu jwassal għal distorsjoni jew għal theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group SA et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 53).

31

Fir-rigward tal-kundizzjoni marbuta mas-selettività tal-vantaġġ, li hija l-iktar kundizzjoni li ssemmiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-evalwazzjoni ta’ din il-kundizzjoni teħtieġ li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, il-miżura nazzjonali inkwistjoni hijiex ta’ natura li tiffavorixxi lil “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn li jinsabu, fid-dawl tal-għan segwit minn din is-sistema, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli u li għalhekk iġarrbu trattament iddifferenzjat li essenzjalment ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “diskriminatorju” (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group SA et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32

Fir-rigward b’mod partikolari ta’ miżuri nazzjonali li jagħtu vantaġġ fiskali, għandu jitfakkar li miżura ta’ din in-natura li, minkejja li ma tinvolvix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, tqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni iktar favorevoli mill-persuni taxxabbli l-oħra tista’ tagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarji u tikkostitwixxi, għaldaqstant, għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Għall-kuntrarju, vantaġġ fiskali li jirriżulta minn miżura ġenerali applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha ma tikkostitwixxix tali għajnuna fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 56).

33

F’dan ir-rigward, il-klassifikazzjoni ta’ miżura fiskali bħala “selettiva” teħtieġ, l-ewwel nett, li tiġi identifikata s-sistema fiskali komuni jew “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat u, it-tieni nett, li jintwera li l-miżura fiskali eżaminata tidderoga minn din is-sistema komuni jew normali, sa fejn tintroduċi differenzazzjonijiet bejn operaturi li, fid-dawl tal-għan segwit minn din is-sistema komuni, jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group SA et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34

Għandu jitfakkar ukoll li l-qafas legali ta’ referenza għall-finijiet tal-evalwazzjoni tas-selettività ta’ miżura ma għandux jiġi ddeterminat neċessarjament fil-limiti tat-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, iżda jista’ jkun dak tat-territorju li fih awtorità reġjonali jew lokali teżerċita l-kompetenza mogħtija lilha mill-kostituzzjoni jew mil-liġi. Dan ikun il-każ meta din l-entità jkollha status legali u fattwali li jagħmilha suffiċjentement awtonoma fil-konfront tal-gvern ċentrali ta’ Stat Membru sabiex, permezz tal-miżuri adottati minnha, tkun din l-entità, u mhux il-gvern ċentrali, li jkollha rwol fundamentali fid-definizzjoni tal-ambjent politiku u ekonomiku li fih joperaw l-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, Union General de Trabajadores de La Rioja (UGT-Rioja) et, C‑428/06 sa C‑434/06, EU:C:2008:488, punti 47 sa 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35

Madankollu, miżura li tintroduċi differenzazzjoni bejn impriżi li, fid-dawl tal-għan segwit mis-sistema legali inkwistjoni, jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli u, għaldaqstant, a priori selettiva, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, meta l-Istat Membru kkonċernat jirnexxielu juri li din id-differenzazzjoni hija ġġustifikata għaliex tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li tagħmel parti minnha (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group SA et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36

Miżura li tintroduċi eċċezzjoni għall-applikazzjoni tas-sistema fiskali ġenerali tista’ tkun iġġustifikata min-natura u mill-istruttura ġenerali tas-sistema fiskali jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun jista’ juri li din il-miżura tirriżulta direttament mill-prinċipji bażi jew ta’ gwida tas-sistema fiskali tiegħu. F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn l-għanijiet attribwiti lil sistema fiskali partikolari u li huma esterni għal din is-sistema u, min-naħa l-oħra, il-mekkaniżmi inerenti għas-sistema fiskali stess li huma meħtieġa sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 81).

37

Għandu jitfakkar ukoll li, għalkemm, sabiex tiġi stabbilita s-selettività ta’ miżura fiskali ma huwiex meħtieġ f’kull każ li din ikollha natura derogatorja fil-konfront ta’ sistema fiskali meqjusa li hija sistema komuni, il-fatt li miżura jkollha tali natura huwa fil-fatt rilevanti għal dan il-għan peress li minn dan jirriżulta li qiegħda ssir distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ operaturi, li jkunu a priori s-suġġett ta’ trattament iddifferenzjat, jiġifieri dawk li jaqgħu taħt il-miżura derogatorja u dawk li jibqgħu jaqgħu taħt is-sistema fiskali komuni, f’sitwazzjoni fejn dawn iż-żewġ kategoriji jkunu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli fid-dawl tal-għan segwit mill-imsemmija sistema (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group SA et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 77).

38

Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma ġiex ikkontestat li l-kuntest ta’ referenza territorjali għandu jkun dak tal-Komunità Awtonoma tal-Prinċipat tal-Asturias.

39

Barra minn hekk, għalkemm il-kriterju marbut mas-superfiċi ta’ espożizzjoni u ta’ bejgħ ma jidhirx li huwa formalment derogatorju għal qafas legali ta’ referenza partikolari, xorta waħda għandu l-effett li jeskludi lill-istabbilimenti kummerċjali li s-superfiċi ta’ espożizzjoni u ta’ bejgħ tagħhom huwa ta’ inqas minn 4000 m2 mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din it-taxxa. B’hekk, l-IGEC ma tistax tiġi distinta minn taxxa reġjonali li għaliha huma suġġetti l-istabbilimenti kummerċjali li s-superfiċi ta’ espożizzjoni u ta’ bejgħ tagħhom taqbeż ċertu livell.

40

Issa, l-Artikolu 107(1) TFUE jiddefinixxi l-interventi mill-Istati fuq il-bażi tal-effetti tagħhom, irrispettivament mit-tekniki użati (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates Association, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 89).

41

Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż a priori li tali kriterju jippermetti li jiġu ffavoriti, fil-prattika, “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE billi jħaffef l-oneri tagħhom meta mqabbla ma’ dawk li huma suġġetti għat-taxxa inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

42

F’dan il-kuntest, għandu għaldaqstant jiġi ddeterminat jekk l-istabbilimenti kummerċjali li b’hekk huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din it-taxxa jinsabux jew le f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-istabbilimenti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

43

Fil-kuntest ta’ din l-analiżi, għandu jitqies li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, id-determinazzjoni tal-valuri taxxabbli u tat-tqassim tal-oneru fiskali fuq id-diversi fatturi ta’ produzzjoni u d-diversi setturi ekonomiċi taqa’ fil-kompetenza fiskali tal-Istati Membri jew tal-entitajiet infra-Statali li għandhom awtonomija fiskali (sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 97).

44

Fil-fatt, kif tfakkar il-Kummissjoni fil-punt 156 tal-Avviż tagħha dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, C 262, p. 1), “[l]-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu dwar il-politika ekonomika li huma jqisu bħala l-aktar xierqa u, b’mod partikolari, biex iqassmu l-piż tat-taxxa kif jidhrilhom xieraq fid-diversi fatturi ta’ produzzjoni. Madankollu, l-Istati Membri jridu jeżerċitaw din il-kompetenza skont il-liġi tal-Unjoni”.

45

Fir-rigward tat-taxxa inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-għan tagħha huwa li tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ambjent u għall-ippjanar tat-territorju. Fil-fatt, dan l-għan jikkonċerna l-korrezzjoni u l-kumpens tal-konsegwenzi ambjentali u territorjali tal-attività ta’ dawn l-istabbilimenti kummerċjali kbar, li jirriżultaw b’mod partikolari mill-flussi ta’ traffiku kkawżati, billi dawn l-istabbilimenti kummerċjali kbar ikunu meħtieġa jikkontribwixxu għall-finanzjament ta’ pjanijiet ta’ azzjoni ambjentali u għat-titjib tal-infrastrutturi.

46

F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi kkontestat li l-impatt ambjentali tal-istabbilimenti kummerċjali jiddependi, fil-parti l-kbira tiegħu, mid-daqs tagħhom. Fil-fatt, iktar ma s-superfiċi ta’ bejgħ tkun kbira, iktar ikun kbir in-numru ta’ viżitaturi, li jwassal għal ħsara ikbar għall-ambjent. Minn dan jirriżulta li kriterju bbażat fuq il-limitu tas-superfiċi, bħal dak adottat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, sabiex issir distinzjoni bejn l-impriżi skont jekk l-impatt ambjentali tagħhom huwiex ikbar jew iżgħar, huwa koerenti mal-għanijiet segwiti.

47

Huwa evidenti wkoll li l-lokalizzazzjoni ta’ tali stabbilimenti hija ta’ interess partikolari f’termini ta’ politika ta’ ppjanar tat-territorju, irrispettivament minn fejn ikunu jinsabu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑400/08, EU:C:2011:172, punt 80).

48

Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell ta’ dan il-limitu, din taqa’ fil-marġni ta’ diskrezzjoni tal-leġiżlatur nazzjonali u hija bbażata fuq evalwazzjonijiet tekniċi u kumplessi li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tapplika biss stħarriġ ġudizzjarju limitat. F’dan il-kuntest, ma hemmx lok li jitqies li l-limitu inizjali ta’ 2500 m2 jew dak, adottat iktar tard, ta’ 4000 m2 huwa manifestament inadegwat fil-konfront tal-għanijiet segwiti.

49

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kriterju dwar l-impożizzjoni tat-taxxa bbażat fuq is-superfiċi ta’ bejgħ tal-impriża, bħal dak inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, iwassal sabiex issir distinzjoni bejn kategoriji ta’ stabbilimenti li ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet.

50

Għaldaqstant, l-eżenzjoni fiskali li jibbenefikaw minnha l-istabbilimenti kummerċjali li jinsabu fit-territorju tal-Komunità Awtonoma tal-Prinċipat tal-Asturias u li s-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom hija ta’ inqas minn ċertu limitu ma tistax titqies li tagħti vantaġġ selettiv lil dawn l-istabbilimenti u, għaldaqstant, ma tistax tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

51

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-karatteristiċi l-oħra tat-taxxa inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. Hija tistaqsi jekk l-eżenzjoni fiskali mogħtija lill-istabbilimenti kummerċjali li jeżerċitaw l-attività tagħhom esklużivament fis-settur tal-ġonna, tal-bejgħ ta’ vetturi, ta’ materjal għall-kostruzzjoni, ta’ makkinarju u ta’ provvisti industrijali u li s-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom ma taqbiżx l-10 000 m2 tikkostitwixxix vantaġġ favur dawn l-istabbilimenti.

52

Għandu jiġi osservat li din il-miżura hija ta’ natura derogatorja fil-konfront tal-qafas ta’ referenza stabbilit minn din it-taxxa speċifika.

53

Il-Komunità Awtonoma tal-Prinċipat tal-Asturias issostni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-attivitajiet tal-istabbilimenti kummerċjali kkonċernati jeħtieġu, minħabba n-natura tagħhom stess, superfiċi ta’ bejgħ u ta’ ħażna kbar. Il-ħsara li huma jikkawżaw għall-ambjent u għall-ippjanar tat-territorju għandha tiġi evalwata fuq il-bażi ta’ limitu distint iżda ekwivalenti għal dak applikat, bħala prinċipju, għall-attivitajiet ta’ kummerċ bl-imnut tal-istabbilimenti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa.

54

Tali element jista’ jkun ta’ natura li jiġġustifika d-distinzjoni magħmula mil-leġiżlazzjoni kkontestata fil-kawżi prinċipali li, għalhekk, ma tkunx timplika l-għoti ta’ vantaġġ selettiv favur l-istabbilimenti kummerċjali kkonċernati. Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk dan huwiex effettivament il-każ.

55

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li taxxa, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, fuq l-istabbilimenti ta’ distribuzzjoni kbar li tiddependi, essenzjalment, mis-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn huma eżentati minn din it-taxxa l-istabbilimenti li s-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom hija inqas minn 4000 m2. Tali taxxa lanqas ma tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn huma eżentati minn din it-taxxa l-istabbilimenti li l-attività tagħhom hija eżerċitata fis-settur tal-ġardinaġġ, tal-bejgħ ta’ vetturi, tal-materjal għall-kostruzzjoni, tal-makkinarju u tal-provvisti industrijali, u li s-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom ma taqbiżx l-10 000 m2, sa fejn dawn l-istabbilimenti ma jikkawżawx ħsara għall-ambjent u għall-ippjanar tat-territorju daqstant kbira daqs l-istabbilimenti l-oħra, sitwazzjoni din li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

56

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 49 u 54 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux taxxa fuq l-istabbilimenti kummerċjali kbar, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

 

2)

Taxxa, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, fuq l-istabbilimenti ta’ distribuzzjoni kbar li tiddependi, essenzjalment, mis-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn huma eżentati minn din it-taxxa l-istabbilimenti li s-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom hija inqas minn 4000 m2. Tali taxxa lanqas ma tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn huma eżentati minn din it-taxxa l-istabbilimenti li l-attività tagħhom hija eżerċitata fis-settur tal-ġardinaġġ, tal-bejgħ ta’ vetturi, tal-materjal għall-kostruzzjoni, tal-makkinarju u tal-provvisti industrijali, u li s-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom ma taqbiżx l-10 000 m2, sa fejn dawn l-istabbilimenti ma jikkawżawx ħsara għall-ambjent u għall-ippjanar tat-territorju daqstant kbira daqs l-istabbilimenti l-oħra, sitwazzjoni din li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top