Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0391

    Sommarju tas-sentenza

    Keywords
    Summary

    Keywords

    1. Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Ugwaljanza fit-trattament — Ugwaljanza fit-trattament bejn il-persuni mingħajr distinzjoni abbażi ta’ razza jew ta’ oriġini etnika — Direttiva 2000/43 — Kamp ta’ applikazzjoni

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 21; Direttiva tal-Kunsill 2000/43, Artikolu 3(1))

    2. Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Regoli ortografiċi tal-lingwa uffiċjali ta’ Stat Membru applikabbli għall-atti tal-istat ċivili

    (Artikolu 21 TFUE)

    3. Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Regoli ortografiċi tal-lingwa uffiċjali ta’ Stat Membru applikabbli għall-atti tal-istat ċivili

    (Artikolu 21 TFUE)

    4. Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Regoli ortografiċi tal-lingwa uffiċjali ta’ Stat Membru applikabbli għall-atti tal-istat ċivili

    (Artikolu 21 TFUE)

    Summary

    1. Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-kunjomijiet u l-ismijiet ta’ persuna jistgħu jinkitbu fl-atti tal-istat ċivili ta’ dan l-Istat biss f’forma li tosserva r-regoli ortografiċi tal-lingwa uffiċjali nazzjonali tikkonċerna sitwazzjoni li ma taqax taħt il-kamp tal-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43, li timplementa l-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità.

    Għalkemm, fid-dawl tal-għan tal-imsemmija direttiva u tan-natura tad-drittijiet li timmira li tipproteġi kif ukoll tal-fatt li din hija sempliċiment, fil-qasam ikkunsidrat, l-espressjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza li huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, rikonoxxut fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ma jistax jiġi ddefinit b’mod restrittiv, b’hekk ma jistax jiġi kkunsidrat li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal din taqa’ fil-kunċett ta’ servizz skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

    (ara l-punti 43, 45, 48, u d-dispożittiv 1)

    2. L-Artikolu 21 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru milli jirrifjutaw, filwaqt li jaġixxu b’mod konformi ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-kunjom u l-ismijiet ta’ persuna jistgħu jinkitbu fl-atti tal-istat ċivili ta’ dan l-Istat biss f’forma li tosserva r-regoli ortografiċi tal-lingwa uffiċjali nazzjonali, li jbiddlu fiċ-ċertifikati tat-twelid u taż-żwieġ ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu l-kunjom u l-isem tiegħu skont ir-regoli ortografiċi ta’ Stat Membru ieħor.

    Il-fatt li l-kunjom ta’ dan iċ-ċittadin, u ismu ma jistgħux jinbidlu u jinkitbu fl-atti tal-istat ċivili tal-Istat Membru tal-oriġini tiegħu ħlief bil-karattri tal-lingwa tal-Istat Membru msemmi l-aħħar, ma jistax jikkostitwixxi trattament inqas favorevoli minn dak li gawda qabel ma uża l-opportunitajiet mogħtija mit-trattat fir-rigward tal-moviment liberu tal-persuni u, b’hekk, ma huwiex sejjer jiddiswadi milli jeżerċita d-drittijiet ta’ moviment irrikonoxxuti mill-imsemmi Artikolu 21 TFUE.

    (ara l-punti 69, 70, 94, u d-dispożittiv 2)

    3. L-Artikolu 21 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru milli jirrifjutaw, filwaqt li jaġixxu b’mod konformi ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-kunjom u l-ismijiet ta’ persuna jistgħu jinkitbu fl-atti tal-istat ċivili ta’ dan l-Istat biss f’forma li tosserva r-regoli ortografiċi tal-lingwa uffiċjali nazzjonali, li jbiddlu l-kunjom komuni għal koppja miżżewġa ta’ ċittadini tal-Unjoni, kif jinsab fl-atti tal-istat ċivili maħruġa mill-Istat Membru tal-oriġini ta’ wieħed minn dawn iċ-ċittadini, f’forma li tosserva r-regoli ortografiċi tal-Istat imsemmi l-aħħar, bil-kundizzjoni li dan ir-rifjut ma jikkawżax għall-imsemmija ċittadini tal-Unjoni, inkonvenjenti serji ta’ natura amministrattiva, professjonali u privata, ħaġa li għandha tiġi ddeterminata mill-qorti tar-rinviju. Jekk jirriżulta li dan huwa l-każ, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika wkoll jekk ir-rifjut li jsiru tibdiliet huwiex meħtieġ għall-protezzjoni tal-interessi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprova tiggarantixxi u huwiex proporzjonali għall-għan imfittex leġittimament.

    L-għan ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li hija intiża biex tipproteġi l-lingwa uffiċjali nazzjonali billi timponi regoli ortografiċi previsti minn din il-lingwa, jikkostitwixxi, bħala regola, objettiv leġittimu li jista’ jiġġustifika restrizzjonijiet fuq id-drittijiet ta’ libertà ta’ moviment u residenza previsti mill-Artikolu 21 TFUE u jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġu bbilanċjati l-interessi leġittimi mal-imsemmija drittijiet rikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni.

    (ara l-punti 87, 94, u d-dispożittiv 2)

    4. L-Artikolu 21 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru milli jirrifjutaw, filwaqt li jaġixxu b’mod konformi ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-kunjom u l-ismijiet ta’ persuna jistgħu jinkitbu fl-atti tal-istat ċivili ta’ dan l-Istat biss f’forma li tosserva r-regoli ortografiċi tal-lingwa uffiċjali nazzjonali, li jbiddlu fiċ-ċertifikat taż-żwieġ ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun ċittadin ta’ Stat Membru ieħor sabiex l-ismijiet tal-imsemmi ċittadin jinkitbu f’dan iċ-ċertifikat b’marki dijakritiċi kif kienu nkitbu fl-atti tal-istat ċivili maħruġa mill-Istat Membru tal-oriġini tiegħu u f’forma li tosserva r-regoli ortografiċi tal-lingwa uffiċjali nazzjonali tal-Istat imsemmi l-aħħar.

    (ara l-punt 94, u d-dispożittiv 2)

    Top