This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62008CJ0199
Sommarju tas-sentenza
Sommarju tas-sentenza
Kawża C-199/08
Erhard Eschig
vs
UNIQA Sachversicherung AG
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof)
“Assigurazzjoni għall-ispejjeż legali — Direttiva 87/344/KEE — Artikolu 4(1) — Għażla libera ta’ avukat mill-persuna assigurata — Limitazzjoni kuntrattwali — Diversi persuni assigurati li sofrew danni mill-istess avveniment — Għażla ta’ rappreżentant legali mill-assiguratur”
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali V. Trstenjak, ippreżentati fl-14 ta’ Mejju 2009 I ‐ 8297
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-10 ta’ Settembru 2009 I ‐ 8319
Sommarju tas-sentenza
Moviment liberu tal-persuni – Libertà ta’ stabbiliment – Assigurazzjoni għall-ispejjeż legali – Direttiva 87/344
(Direttiva tal-Kunsill 87/344, Artikoli 3(2), 4(1)(a) u 5)
Moviment liberu tal-persuni – Libertà ta’ stabbiliment – Assigurazzjoni għall-ispejjeż legali – Direttiva 87/344
(Direttiva tal-Kunsill 87/344, Artikolu 4(1)(a))
Mill-kliem tal-Artikoli 3 sa 5 tad-Direttiva 87/344, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-assigurazzjoni għall-ispejjeż legali, kif ukoll mill-kuntest ta’ din l-istess direttiva, jirriżulta li d-dritt ta’ għażla libera tar-rappreżentant huwa rrikonoxxut lil kull persuna assigurata b’mod ġenerali u awtonomu, fil-limiti stabbiliti minn kull wieħed minn dawn l-artikoli.
Għalhekk, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 87/344 jirrikonoxxi lill-persuna assigurata d-dritt li tagħżel ir-rappreżentant tagħha iżda, bl-eċċezzjoni ta’ sitwazzjonijiet li fihom ikun hemm konflitt ta’ interessi, huwa jillimita dan id-dritt għall-proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi. L-użu tal-aġġettiv “kull” kif ukoll tat-temp tal-verb “irrikonoxxa” juri l-portata ġenerali u n-natura vinkolanti ta’ din ir-regola. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-livell minimu tal-libertà li għandu jingħata lill-persuna assigurata jkunu xi jkunu l-għażliet previsti fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva li l-impriża tal-assigurazzjoni tikkonforma ruħha magħhom.
(ara l-punti 46-48)
L-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 87/344, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-assigurazzjoni għall-ispejjeż legali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-assiguratur tal-ispejjeż legali ma jistax jirriżerva d-dritt, meta numru kbir ta’ persuni assigurati jkunu sofrew dannu mill-istess avveniment, li jagħżel huwa stess ir-rappreżentant legali ta’ kull persuna assigurata kkonċernata.
(ara l-punt 68 u d-dispożittiv)