This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62008CJ0123
Sommarju tas-sentenza
Sommarju tas-sentenza
Kawża C-123/08
Dominic Wolzenburg
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Amsterdam)
“Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI — Mandat ta’ arrest Ewropew u proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri — Artikolu 4(6) — Raġuni għall-għażla tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv tal-mandat ta’ arrest Ewropew — Implementazzjoni fid-dritt nazzjonali — Persuna arrestata ċittadina tal-Istat Membru li joħroġ il-mandat — Nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni suġġett għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tkun residenti għal perijodu ta’ ħames snin fit-territorju tiegħu — Artikolu 12 KE”
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fl-24 ta’ Marzu 2009 I ‐ 9624
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Ottubru 2009 I ‐ 9660
Sommarju tas-sentenza
Dritt Komunitarju – Prinċipji – Trattament ugwali – Diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza – Projbizzjoni – Kamp ta’ applikazzjoni
(l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE)
Unjoni Ewropea – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Raġuni għall-għażla tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikoli 16(1) u 19; Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, Artikolu 4(6))
Unjoni Ewropea – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Raġuni għall-għażla tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew
(l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE; Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, Artikolu 4(6))
Ċittadin ta’ Stat Membru li jirrisjedi legalment fi Stat Membru ieħor jista’ jinvoka l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE fil-konfront ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-awtorità ġudizzjarja kompetenti tista’ tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija. Fil-fatt, fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ deċiżjoni qafas adottata fuq il-bażi tat-Trattat UE, l-Istati Membri ma jistgħux jippreġudikaw id-dritt Komunitarju, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-libertà rikonoxxuta lil kull ċittadin tal-Unjoni li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri.
(ara l-punti 43, 45, 47, u d-dispożittiv 1)
L-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward ta’ ċittadin tal-Unjoni, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma jistax, minbarra kundizzjoni marbuta mat-tul tar-residenza f’dan l-Istat, jissuġġetta l-applikazzjoni tar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew prevista f’din id-dispożizzjoni għal rekwiżiti amministrattivi addizzjonali, bħall-pussess ta’ permess ta’ residenza għal żmien indefinit. Fil-fatt, l-Artikoli 16(1) u 19 tad-Direttiva 2004/38, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, jipprevedu biss, fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni li kienu residenti, b’mod legali u kontinwu, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perijodu ta’ ħames snin, il-ħruġ, fuq applikazzjoni min-naħa ta’ dawn iċ-ċittadini, ta’ dokument li jiċċertifika l-permanenza tar-residenza tagħhom, mingħajr ma jimponu tali formalità. Dan id-dokument għandu valur diklaratorju u probatorju, iżda ma jistax ikollu valur kostituttiv.
(ara l-punti 51, 53, u d-dispożittiv 2)
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li bis-saħħa tagħha l-awtorità ġudizzjarja kompetenti ta’ dan l-Istat tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra wieħed miċ-ċittadini tiegħu għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija, filwaqt li tali rifjut, meta jkun involut ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li jkollu dritt ta’ residenza abbażi tal-Artikolu 18(1) KE, huwa suġġett għall-kundizzjoni li dan iċ-ċittadin kien residenti b’mod legali għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru ta’ eżekuzzjoni.
F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li fuqu hija bbażata s-sistema tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, jimplika, skont l-Artikolu 1(2) ta’ din tal-aħħar, li l-Istati Membri huma fil-prinċipju obbligati jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew. Fil-fatt, ħlief fil-każijiet fejn huwa obbligatorju li ma jiġix eżegwit mandat ta’ arrest Ewropew previsti fl-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni qafas, l-Istati Membri ma jistgħux jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat ħlief fil-każijiet elenkati fl-Artikolu 4 tagħha. Minn dan isegwi li leġiżlatur nazzjonali li, abbażi tal-possibbiltajiet mogħtija lilu mill-Artikolu 4 tad-deċiżjoni qafas imsemmija, jagħżel li jillimita s-sitwazzjonijiet li fihom l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiegħu tista’ tirrifjuta l-konsenja ta’ persuna mfittxija jkun qiegħed sempliċement isaħħaħ is-sistema ta’ konsenja stabbilita minn din id-deċiżjoni qafas favur spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. F’dan il-kuntest, fl-implementazzjoni tal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni qafas imsemmija, b’mod partikolari fl-implementazzjoni tal-Artikolu 4(6) tagħha, l-Istati Membri neċessarjament għandhom marġni reali ta’ diskrezzjoni.
L-għan tar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huwa b’mod partikolari li tkun tista’ tingħata importanza partikolari lill-possibbiltà li jitkabbru l-opportunitajiet għar-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna mfittxija wara li tkun skontat il-piena li għaliha tkun ġiet ikkundannata. Għalhekk, huwa leġittimu għall-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li jsegwi dan il-għan biss fir-rigward tal-persuni li jkunu wrew livell ta’ integrazzjoni reali fis-soċjetà tal-imsemmi Stat Membru. Is-sempliċi kundizzjoni ta’ ċittadinanza għaċ-ċittadini tiegħu stess, minn naħa, u l-kundizzjoni ta’ residenza kontinwa għal perijodu ta’ ħames snin għaċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra, min-naħa l-oħra, jistgħu jitqiesu li huma ta’ natura li jiggarantixxu li l-persuna mfittxija tkun integrata biżżejjed fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Din il-kundizzjoni ta’ residenza kontinwa għal perijodu ta’ ħames snin ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan li jkun żgurat livell ta’ integrazzjoni reali fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tal-persuni mfittxija li huma ċittadini ta’ Stati Membri oħra.
(ara l-punti 57, 58, 61, 67, 68, 73, 74, u d-dispożittiv 3)