This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62008CJ0063
Sommarju tas-sentenza
Sommarju tas-sentenza
Kawża C-63/08
Virginie Pontin
vs
T-Comalux SA
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal du travail d’Esch-sur-Alzette)
“Politika soċjali — Protezzjoni tal-ħaddiema nisa tqal, li welldu reċentement jew li qed ireddgħu — Direttiva 92/85/KEE — Artikoli 10 u 12 — Projbizzjoni ta’ tkeċċija bejn il-bidu tat-tqala u tmiem il-leave tal-maternità — Protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-individwi għandhom taħt id-dritt Komunitarju — Trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa — Direttiva 76/207/KEE — Subparagrafu 3 tal-Artikolu 2(7) — Trattament inqas favorevoli ta’ mara marbut mat-tqala jew mal-leave tal-maternità — Restrizzjoni tar-rimedji disponibbli għan-nisa mkeċċija matul it-tqala tagħhom”
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali V. Trstenjak, ippreżentati fil-31 ta’ Marzu 2009 I ‐ 10470
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tad-29 ta’ Ottubru 2009 I ‐ 10505
Sommarju tas-sentenza
Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Ħaddiema nisa tqal, li welldu reċentement jew li qed ireddgħu – Direttiva 92/85 – Projbizzjoni ta’ tkeċċija
(Direttiva tal-Kunsill 92/85, Artikoli 10 u 12)
Politika soċjali – Ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa – Aċċess għall-impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol – Trattament ugwali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Ħaddiema nisa tqal, li welldu reċentement jew li qed ireddgħu – Direttivi 76/207 u 92/85
(Direttivi tal-Kunsill 76/207, kif emendata bid-Direttiva 2002/73, Artikoli 2 u 3, u 92/85, Artikolu 10)
L-Artikoli 10 u 12 tad-Direttiva 92/85, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal, li welldu reċentement jew li qed ireddgħu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi rimedju speċifiku fir-rigward tal-projbizzjoni tat-tkeċċija mix-xogħol ta’ ħaddiema nisa tqal, li welldu reċentement jew li qed ireddgħu, stipulat fl-imsemmi Artikolu 10, eżerċitat skont modalitajiet proċedurali xierqa għal din l-azzjoni, sakemm madankollu dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk marbuta ma’ azzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma jkunux ifformulati b’mod li jirrendu prattikament impossibbli l-eżerċizzju ta’ drittijiet rikonoxxuti mill-ordinament ġuridiku Komunitarju (prinċipju ta’ effettività). F’dan ir-rigward ma jidhirx li terminu perentorju ta’ ħmistax-il jum, applikabbli għall-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nullità u għal riintegrazzjoni, huwa ta’ natura li jissodisfa din il-kundizzjoni, u dan għandu madankollu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
(ara l-punti 62, 69 u d-dispożittiv 1)
L-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol, kif emendata bid-Direttiva 2002/73, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tal-istess Direttiva 76/207, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, speċifika għall-protezzjoni prevista fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu fil-każ ta’ tkeċċija mix-xogħol ta’ dawn tal-aħħar, li ċċaħħad lill-impjegata tqila li tkun ġiet suġġetta għal miżura ta’ tkeċċija matul l-istat ta’ tqala tagħha minn azzjoni ġudizzjarja għad-danni, filwaqt li din tkun disponibbli għal kull impjegat ieħor imkeċċi mix-xogħol, meta din il-limitazzjoni ta’ rimedji tikkostitwixxi trattament inqas favorevoli ta’ mara marbut mat-tqala. B’mod partikolari, dan ikun il-każ jekk il-modalitajiet proċedurali marbuta mal-unika azzjoni disponibbli fil-każ ta’ tkeċċija tal-imsemmija ħaddiema nisa ma josservawx il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-individwi taħt id-dritt Komunitarju, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
(ara l-punt 76 u d-dispożittiv 2)