Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0008

    Sommarju tas-sentenza

    Kawża C-8/08

    T-Mobile Netherlands BV et

    vs

    Raad van bestuur van de Nederlandse Mededingingsautoriteit

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven)

    “Talba għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 81(1) KE — Kunċett ta’ ‘prattika miftiehma’ — Rabta kawżali bejn il-prattika miftiehma u l-aġir tal-impriżi fis-suq — Evalwazzjoni skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali — Natura suffiċjenti ta’ laqgħa waħda jew neċessità ta’ ftehim fit-tul u regolari”

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fid-19 ta’ Frar 2009   I ‐ 4533

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-4 ta’ Ġunju 2009   I ‐ 4562

    Sommarju tas-sentenza

    1. Kompetizzjoni – Akkordji – Prattika miftiehma – Kunċett – Għan jew riżultat antikompetittiv – Kriterji għall-evalwazzjoni – Applikazzjoni tal-istess kriterji għal ftehim, deċiżjoni jew prattika miftiehma

      (Artikolu 81(1) KE)

    2. Kompetizzjoni – Akkordji – Prattika miftiehma – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Kriterji għall-evalwazzjoni – Għan antikompetittiv – Konstatazzjoni suffiċjenti

      (Artikolu 81(1) KE)

    3. Kompetizzjoni – Akkordji – Prattika miftiehma – Kunċett – Għan antikompetittiv – Kriterji għall-evalwazzjoni

      (Artikolu 81(1) KE)

    4. Kompetizzjoni – Regoli Komunitarji – Natura ta’ ordni pubbliku – Applikazzjoni ex officio mill-qrati nazzjonali

      (Artikolu 81 KE)

    5. Kompetizzjoni – Akkordji – Prattika miftiehma – Kunċett – Neċessità ta’ rabta kawżali bejn il-prattika miftiehma u l-aġir tal-impriżi fis-suq – Preżunzjoni li hemm din ir-rabta kawżali – Obbligu tal-qrati nazzjonali li japplikaw din il-preżunzjoni

      (Artikolu 81(1) KE)

    6. Kompetizzjoni – Akkordji – Prattika miftehma – Kunċett – Neċessità ta’ rabta kawżali bejn il-prattika miftiehma u l-aġir tal-impriżi fis-suq – Preżunzjoni li hemm din ir-rabta kawżali

      (Artikolu 81(1) KE)

    1.  Il-kunċetti ta’ akkordji, ta’ deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni bejn impriżi u ta’ prattika miftiehma huma, mil-lat suġġettiv, forom ta’ kollużjoni li jaqsmu l-istess karatteristiċi u li ma jistgħux jiġu distinti ħlief mill-intensità tagħhom u mill-forom li bihom huma jimmanifestaw ruħhom. Għalhekk, il-kriterji sabiex jiġi evalwat jekk aġir għandux bħala għan jew riżultat il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni japplikaw kemm jekk dan ikun akkordju, deċiżjoni jew prattika miftiehma.

      (ara l-punti 23, 24)

    2.  Fl-evalwazzjoni ta’ jekk prattika miftiehma hijiex ipprojbita mill-Artikolu 81(1) KE, ma hemmx bżonn li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti konkreti tagħha fis-suq meta jkun jidher li din għandha l-għan li tipprevjeni, tirrestrinġi jew toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni. Id-distinzjoni bejn ksur minħabba l-għan u ksur minħabba r-riżultat tikkonċerna ċ-ċirkustanza li ċerti forom ta’ kollużjoni bejn impriżi jistgħu jiġu kkunsidrati, min-natura tagħhom stess, li huma ta’ ħsara għall-funzjonament normali tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant ma hemmx bżonn li r-riżultat ta’ prattika miftiehma jiġi analizzat ladarba l-għan antikompetittiv jiġi stabbilit.

      (ara l-punti 29, 30)

    3.  Prattika miftiehma għandha għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, meta, skont il-kontenut u l-iskopijiet tagħha u fid-dawl tal-kuntest legali u ekonomiku tagħha, tista’, b’mod konkret, tirriżulta fil-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni. Ma huwiex neċessarju li l-kompetizzjoni tkun verament ipprevenuta, ristretta jew mgħawġa u lanqas li jkun hemm rabta diretta bejn il-prattika miftiehma u l-prezzijiet bl-imnut.

      Skambju ta’ informazzjoni bejn il-kompetituri jkollu għan antikompetittiv jekk l-iskambju jkun jista’ jneħħi l-inċertezzi dwar l-aġir ippjanat fis-suq mill-impriżi kkonċernati, b’mod partikolari fir-rigward tad-data, tal-portata u tad-dettalji tat-tibdil li l-impriżi kkonċernati bi ħsiebhhom jadottaw, inkluż meta t-tibdil jirrigwarda t-tnaqqis fil-ħlas mogħti lill-intermedjarji u mhux il-prezzijiet bl-imnut.

      (ara l-punti 27, 28, 30, 31, 35, 36, 39, 41, 43 u d-dispożittiv 1)

    4.  L-Artikolu 81 KE jipproduċi effetti diretti fuq ir-relazzjonijiet bejn l-individwi u joħloq drittijiet għall-individwi kkonċernati li l-qrati nazzjonali għandhom jipproteġu. Dan huwa dispożizzjoni ta’ ordni pubbliku, indispensabbli sabiex jintlaħqu l-funzjonijiet fdati lill-Komunità Ewropea, li għandha tiġi applikata ex officio mill-qrati nazzjonali.

      L-interpertazzjoni li tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja meta tapplika l-Artikolu 81 KE hija mandatorja għal kull qorti tal-Istati Membri.

      (ara l-punti 49, 50)

    5.  Fil-kuntest tal-eżami tar-rabta kawżali bejn il-prattika miftiehma u l-aġir fis-suq li fih l-impriżi jipparteċipaw, rabta meħtieġa sabiex tiġi stabbilita prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, il-qorti nazzjonali għandha, bla ħsara għall-preżunzjoni konfutabbli li teżiġi li huma l-impriżi kkonċernati li għandhom jipprovaw il-kuntrarju, tapplika l-preżunzjoni ta’ rabta kawżali li tipprovdi li meta l-imsemmija impriżi jibqgħu attivi fis-suq huma jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom. Din il-preżunzjoni hija parti integrali tad-dritt Komunitarju applikabbli.

      (ara l-punti 51, 53 u d-dispożittiv 2)

    6.  Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, sa fejn l-impriża li tkun ipparteċipat fil-prattika miftiehma tkun għadha attiva fis-suq inkwistjoni, il-preżunzjoni tar-rabta kawżali bejn il-prattika miftiehma u l-aġir ta’ dik l-impriża fis-suq hija applikabbli anki jekk il-prattika miftiehma tkun ibbażata biss fuq laqgħa waħda bejn l-impriżi kkonċernati.

      Fil-fatt, dak li jiswa ma huwiex in-numru tal-laqgħat bejn l-impriżi kkonċernati imma l-kwistjoni ta’ jekk il-kuntatt jew kuntatti li seħħ jew seħħew offrewx lil dawn tal-aħħar il-possibbiltà li jikkunsidraw l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom sabiex jiddeterminaw l-aġir tagħhom fis-suq inkwistjoni u biex jissostitwixxu intenzjonalment kooperazzjoni prattika bejniethom għad-dannu tal-kompetizzjoni. Malli jkun jista’ jiġi stabbilit li dawn l-impriżi waslu għal prattika miftiehma u li baqgħu attivi fis-suq, isir neċessarju li l-impriżi jipproduċu l-prova meħtieġa sabiex juru li l-prattika miftiehma ma kellhiex influwenza fuq l-aġir tagħhom fl-imsemmi suq.

      (ara l-punti 61, 62 u d-dispożittiv 3)

    Top