Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005TJ0452

Sommarju tas-sentenza

Keywords
Summary

Keywords

1. Kompetizzjoni — Akkordji — Ftehim u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku — Impriżi li jistgħu jinstabu fi ksur li jikkonsisti fil-parteċipazzjoni f’akkordju globali — Kriterji

(Artikolu 81(1) KE)

2. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Elementi ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

3. Kompetizzjoni — Akkordji — Imputazzjoni lil impriża — Responsabbiltà għal aġir imwettaq minn impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur — Ammissibbiltà — Kriterji

(Artikolu 81(1) KE)

4. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Iffissar tal-multa b’mod proporzjonali għall-elementi ta’ evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur — Importanza relattiva tad-daqs żgħir tas-suq inkwistjoni

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

5. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Natura rilevanti tad-dħul mill-bejgħ miksub mill-prodotti li huma s-suġġett ta’ prattika restrittiva

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

6. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Kapaċità effettiva li jiġi kkawżat dannu fis-suq affettwat

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1A)

7. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

8. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża kkonċernata

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2))

9. Kompetizzjoni — Akkordji — Parteċipazzjoni f’laqgħat ta’ impriżi li għandhom għan antikompetittiv — Neċessità għall-impriża kkonċernata li turi n-nuqqas ta’ implementazzjoni tal-ftehim konklużi matul il-laqgħat

(Artikolu 81(1) KE)

10. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Rwol passiv jew emulattiv tal-impriża

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punti 2 u 3)

11. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Tnaqqis tal-ammont tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża inkriminata — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 11(4) u (5))

12. Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Illegalità — Dannu — Rabta kawżali — Kunċett — Oneru tal-prova

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE)

Summary

1. Impriża tista’ tinżamm responsabbli għall-akkordju globali anki jekk jiġi stabbilit li ma pparteċipatx direttament ħlief f’xi wieħed jew iktar mill-elementi li jikkostitwixxu dan l-akkordju.

Il-fatt li diversi impriżi kellhom rwoli differenti sabiex jintlaħaq għan komuni ma jeliminax l-identità tal-għan antikompetittiv u tal-ksur, jekk kull impriża tkun ikkontribwixxiet, fil-livell tagħha, sabiex dan l-għan komuni jintlaħaq.

Ma jikkostitwixxux ċirkustanzi distinti ta’ ksur iżda ksur uniku ta’ akkordji u prattiki miftiehma li, minħabba l-għan identiku tagħhom, jagħmlu parti minn sistemi ta’ laqgħat regolari, tal-iffissar tal-miri fir-rigward tal-prezzijiet u tal‑kwoti, sistemi li min-naħa tagħhom jagħmlu parti minn serje ta’ sforzi tal‑impriżi sabiex ifixklu l-moviment tal-prezzijiet.

Hekk kif impriża ssir taf b’aġir li jikkostitwixxi ksur uniku tal-parteċipanti l-oħra fi ksur uniku jew setgħet raġonevolment tipprevedih u kienet lesta li taċċetta r‑riskju, din l-impriża hija responsabbli, għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, għall-aġir ta’ impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur. Konklużjoni bħal din ma tippreġudikax il-prinċipju tan-natura personali tar-responsabbiltà għal tali ksur.

Huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi li l-impriża kkonċernata pparteċipat f’laqgħat li fihom ġew konklużi ftehim ta’ natura antikompetittiva, mingħajr ma opponiethom manifestament, sabiex tipprova suffiċjentement il-parteċipazzjoni tal-imsemmija impriża fl-akkordju. Ladarba l-parteċipazzjoni f’tali laqgħat tkun ġiet stabbilita, hija din l-impriża li trid tipprovdi l-provi li jistgħu jistabbilixxu li l‑parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat ma kellha l-ebda intenzjoni antikompetittiva, billi turi li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qed tipparteċipa f’dawn il-laqgħat b’perspettiva differenti minn tagħhom. Ir‑raġuni wara dan il-prinċipju tad-dritt hija li, peress li pparteċipat fl-imsemmija laqgħat mingħajr ma tbiegħdet pubblikament mill-kontenut tagħhom, l-impriża tat x’tifhem lill-parteċipanti l-oħra li hija kienet qed taqbel ma’ dak li ġie deċiż fihom u li kienet se timxi miegħu. Dan jgħodd ukoll għall-parteċipazzjoni ta’ impriża fl‑implementazzjoni ta’ akkordju uniku. Sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni ta’ impriża f’tali akkordju, il-Kummissjoni għandha tipprova li l-imsemmija impriża kellha l-intenzjoni li, permezz tal-aġir tagħha stess, tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni tal-parteċipanti kollha u li hija kienet taf bl-aġir maħsub jew implementat minn impriżi oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew li hija setgħet b’mod raġonevoli tipprevedihom u li hija kienet lesta li taċċetta r-riskju.

(ara l-punti 32, 33, 37)

2. Ma għandhiex issir konfużjoni bejn l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, li sservi sabiex jiġi ddeterminat l-ammont inizjali tal-multa u dik tal-gravità relattiva għall‑parteċipazzjoni ta’ kull impriża kkonċernata, u din l-aħħar kwistjoni għandha tiġi evalwata fil-kuntest tal-eventwali applikazzjoni ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti.

Barra minn hekk, filwaqt li l-ammont inizjali tal-multa huwa ffissat skont il-ksur, il-gravità tiegħu hija ddeterminata b’riferiment għal numru ta’ fatturi oħra, li fir‑rigward tagħhom il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni. Barra minn hekk, mil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l‑Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur issir f’żewġ stadji. Fl-ewwel stadju, il-gravità ġenerali hija evalwata biss skont l-elementi proprji tal-ksur, bħan-natura tiegħu u l-impatt tiegħu fuq is-suq, u fit-tieni stadju, l-evalwazzjoni tal-gravità relattiva hija adattata skont iċ-ċirkustanzi proprji tal-impriża kkonċernata li, barra minn hekk, twassal lill-Kummissjoni sabiex tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l‑eventwali ċirkustanzi aggravanti, iżda wkoll, skont il-każ, ċirkustanzi attenwanti. Dan il-pass jippermetti, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ ksur fejn diversi impriżi huma involuti, li fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, jittieħed inkunsiderazzjoni r‑rwol differenti li kull impriża kellha u l-attitudni tagħha fil-konfront tal‑Kummissjoni matul l-iżvolġiment tal-proċedura.

(ara l-punti 46, 48)

3. Impriża li pparteċipat fi ksur, f’diversi forom, tar-regoli Komunitarji tal‑kompetizzjoni permezz tal-aġir tagħha stess, li jaqa’ taħt il-kunċetti ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma b’għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, u li kien intiż sabiex jikkontribwixxi għat-twettiq tal-ksur b’mod ġenerali, tista’ wkoll tkun responsabbli, għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl‑imsemmi ksur, għall-aġir ta’ impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur, meta jkun ġie stabbilit li l-impriża inkwistjoni kienet taf bl-aġir li jikkostitwixxi ksur tal‑parteċipanti l-oħra, jew li setgħet raġonevolment tipprevedih u kienet lesta li taċċetta r-riskju.

(ara l-punt 33)

4. Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji ma jmorrux lil hinn mil-limiti ta’ dak li hu xieraq u meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan maħsub.

Fil-kuntest tal-kalkolu tal-multi, il-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita skont numru ta’ elementi u ma għandha tingħata importanza sproporzjonata lil ebda element meta mqabbel mal-elementi ta’ evalwazzjoni l-oħra.

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika, f’dan il-kuntest, li l-Kummissjoni għandha tiffissa l-multa b’mod proporzjonat għall-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u li għandha tapplika dawn l-elementi b’mod koerenti u oġġettivament iġġustifikat.

Skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl‑Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, il-Kummissjoni tista’ timponi multi lill-impriżi li l‑ammont tagħhom ma jaqbiżx 10 % tad-dħul mill-bejgħ miksub matul is-sena ta’ negozju preċedenti minn kull waħda mill-impriżi li pparteċipaw fil-ksur. Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, f’dan il-limitu, dawn il-dispożizzjonijiet jipprovdu li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-gravità u t-tul tal-ksur. Barra minn hekk, skont il-Linji ta’ gwida, dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15 (2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) tat‑Trattat KEFA, il-Kummissjoni għandha tiffissa l-ammont inizjali tal-multa skont il-gravità tal-ksur, fid-dawl tan-natura stess tal-ksur, tal-impatt konkret tiegħu fuq is-suq meta dan jista’ jiġi evalwat u l-firxa tas-suq ġeografiku.

Għaldaqstant, la r-Regolament Nru 17, la r-Regolament Nru 1/2003 u lanqas il‑Linji gwida ma jipprovdu li l-ammont tal-multi għandu jiġi ffissat direttament skont id-daqs tas-suq affettwat, peress li dan il-fattur rilevanti ma huwiex ħlief wieħed fost oħrajn. Konsegwentement, dan il-qafas legali, bħala tali, ma jimponix fuq il-Kummissjoni l-obbligu li din tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs żgħir tas-suq tal-prodotti. Madankollu, fl-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur, huwa obbligu tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni numru kbir ta’ elementi li n‑natura u l-importanza tagħhom ivarjaw skont it-tip ta’ ksur inkwistjoni u ċ‑ċirkustanzi partikolari tal-ksur ikkonċernat. Fost dawn l-elementi li jikkonfermaw il-gravità ta’ ksur, il-possibbiltà li jiġi inkluż, skont il-każ, id-daqs tas-suq tal-prodott ma tistax tiġi eskluża. Konsegwentement, jekk id-daqs tas-suq jista’ jikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-gravità tal-ksur, l-importanza tiegħu tvarja skont it-tip tal-ksur u ċ‑ċirkustanzi partikolari tal-ksur ikkonċernat.

Prattiki li jikkonsistu fi skambju ta’ informazzjoni sensittiva fuq listi ta’ prezzijiet u/jew il-prezzijiet għal kull klijenti, ftehim fuq l-għoli tal-prezzijiet u/jew il‑prezzijiet immirati, evitar tal-kompetizzjoni bejniethom bi prezzijiet li jagħtu vantaġġ lill-fornitur regolari u t-tqassim tal-klijenti bejniethom jikkostitwixxu restrizzjoni orizzontali tat-tip “kartell tal-prezz” fis-sens tal-Linji gwida li għaldaqstant huma min-natura tagħhom stess, “serji ħafna”. F’dan il-kuntest, l‑allegat daqs żgħir tas-suq inkwistjoni, meta dan jiġi ppruvat, jkun biss ta’ importanza minuri meta mqabbel mal-elementi l-oħra li jikkonfermaw il-gravità tal-ksur.

(ara l-punti 60-65)

5. L-uniku riferiment espliċitu għad-dħul mill-bejgħ globali ta’ impriża li pparteċipat fi ksur taħt l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 23(2) tar‑Regolament Nru 1/2003 fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, jirrigwarda l-limitu massimu li l-ammont ta’ multa ma jistax jaqbeż. Sakemm tosserva dan il-limitu l-Kummissjoni tista’, fil-prinċipju, tiffissa l-multa billi tibbaża ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ li tagħżel hi, skont il-bażi ġeografika u l-prodotti kkonċernati, mingħajr ma hija obbligata li tikkunsidra, b’mod preċiż, id-dħul mill-bejgħ globali jew dak miksub fis-suq ġeografiku jew fis-suq tal-prodotti inkwistjoni. Barra minn hekk, għalkemm il‑Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15 (2) tar-Regolament Nru .17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA ma jipprevedux il‑kalkolu tal-multi skont dħul mill-bejgħ iddeterminat, huma ma jipprekludux li d-dħul mill-bejgħ miksub mill-impriżi kkonċernati fis-suq inkwistjoni jittieħed inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multa, sabiex jiġu osservati l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u meta ċ-ċirkustanzi jkunu jeħtieġu dan. Għaldaqstant, id-dħul mill-bejgħ jista’ jkun wieħed mill-elementi utli sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-multi skont ir-raba’ u s-sitt paragrafi tal-punt 1A tal-Linji gwida.

Minn dan isegwi li l-Kummissjoni għandha l-libertà li tieħu inkunsiderazzjoni d‑dħul mill-bejgħ li tagħżel hi, sakemm dan ma jidhirx li ma jkunx raġonevoli fiċ‑ċirkustanzi tal-każ. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tiżgura, f’każ fejn multi jiġu imposti fuq diversi impriżi involuti fl-istess ksur, li l‑ammonti finali tal-multi jkunu jirriflettu d-differenzi kollha bejn l-impriżi kkonċernati fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom jew id-dħul mill‑bejgħ rilevanti tagħhom.

Fir-rigward tal-għażla li l-Kummissjoni għandha bejn dħul mill-bejgħ partikolari u/jew l-ieħor, fl-analiżi tal-kapaċità ekonomika effettiva tal-ħatja ta’ ksur li jikkawżaw ħsara lill-kompetizzjoni, li tinvolvi evalwazzjoni tal-importanza reali ta’ dawn l-impriżi fis-suq ikkonċernat, jiġifieri l-influwenza tagħhom fih, id-dħul mill-bejgħ globali jagħti biss stampa inkompleta tas-sitwazzjoni reali. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li impriża b’saħħitha li jkollha numru kbir ta’ attivitajiet differenti tkun preżenti biss b’mod inċidentali fis-suq speċifiku tal-prodotti. Bl‑istess mod, ma jistax jiġi eskluż li impriża li għandha pożizzjoni importanti f’suq ġeografiku barra minn dak tal-Unjoni jkollha biss pożizzjoni dgħajfa f’dan is-suq tal-aħħar jew dak taż-Żona Ekonomika Ewropea. F’każijiet bħal dawn, is‑sempliċi fatt li l-impriża kkonċernata tikseb dħul mill-bejgħ globali kbir ma jfissirx neċessarjament li din teżerċita influwenza determinanti fis-suq affettwat. Huwa minħabba f’hekk li, għalkemm huwa minnu li d-dħul mill-bejgħ ta’ impriża fis-suq ikkonċernat ma jistax ikun determinanti sabiex jiġi konkluż li impriża tappartjeni għal entità ekonomika b’saħħitha, dan huwa, madankollu, rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-influwenza li din setgħet teżerċita fis-suq.

Għaldaqstant, il-parti tad-dħul mill-bejgħ li ġejja mill-bejgħ tal-merkanzija li hija s-suġġett tal-ksur hija tali li tagħti indikazzjoni tajba tad-daqs tal-ksur fis-suq ikkonċernat. Fil-fatt, id-dħul mill-bejgħ li ġej mill-merkanzija li hija s-suġġett tal‑ksur huwa tali li jagħti indikazzjoni tajba tar-responsabbiltà ta’ kull impriża kkonċernata fis-suq inkwistjoni, peress li jikkostitwixxi element oġġettiv li jagħti kejl tajjeb tad-dannu li dan l-aġir li jikkostitwixxi ksur jikkawża lill-andament normali tal-kompetizzjoni u għalhekk jirrappreżenta indikatur tajjeb tal-kapaċità ta’ kull impriża kkonċernata li toħloq ħsara lill-kompetizzjoni.

(ara l-punti 76-79)

6. Il-Kummissjoni tista’ tibbaża l-evalwazzjoni tagħha tal-kapaċità ekonomika effettiva tal-awturi ta’ ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni li toħloq ħsara kbira lill‑operaturi l-oħra, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità ta’ dan il-ksur u għall-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa, dwar id-data relattiva għad-dħul mill‑bejgħ u l-ishma mis-suq fis-suq ikkonċernat, sakemm ċirkustanzi partikolari, bħall-karatteristiċi ta’ dan is-suq, ma jkunux tali li jnaqqsu kunsiderevolment in‑natura sinjifikattiva ta’ din id-data u li jimponu, f’dak li jirrigwarda l‑evalwazzjoni tal-influwenza tal-imprizi fis-suq, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi oħrajn rilevanti, b’mod partikolari, l-integrazzjoni vertikali u l-estent tal‑firxa ta’ prodotti.

(ara l-punt 82)

7. Meta tiddetermina l-ammont tal-multi skont il-gravità u t-tul tal-ksur inkwistjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu tiżgura, f’każ fejn multi jiġu imposti fuq diversi impriżi involuti fl-istess ksur, li l-ammonti finali tal-multi kkalkolati jirriflettu kull differenza bejn l-impriżi kkonċernati fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom jew id-dħul mill-bejgħ rilevanti tagħhom.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 23(2) tar‑Regolament Nru 1/2003 fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat lanqas ma jeżiġu li, fil-każ fejn multi jiġu imposti fuq diversi impriżi involuti fl-istess ksur, l-ammont tal-multa imposta fuq impriża ta’ daqs żgħir jew medju ma jkunx ikbar, bħala perċentwali tad-dħul mill‑bejgħ, minn dak tal-multi imposti fuq impriżi ikbar. Fil-fatt, minn dawn id‑dispożizzjonijiet jirriżulta li, kemm għall-impriżi ta’ daqs żgħir jew medju kif ukoll għall-impriżi ta’ daqs ikbar hemm lok li, sabiex jiġi ffissat l-ammont tal‑multa, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-gravità u t-tul tal-ksur. Sa fejn il-Kummissjoni timponi, fuq l-impriżi involuti fl-istess ksur, multi ġġustifikati, għal kull waħda minnhom, meta mqabbla mal-gravità u mat-tul tal-ksur, hija ma tistax tiġi kkritikata li, għal xi wħud minnhom, l-ammont tal-multa huwa ikbar, meta mqabbel mad-dħul mill-bejgħ, minn dak ta’ impriżi oħrajn.

(ara l-punti 89, 90)

8. Il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tieħu inkunsiderazzjoni d-defiċit finanzjarju ta’ impriża, meta tiffissa l-ammont ta’ multa. Jekk tieħdu inkunsiderazzjoni, dan iwassal sabiex jingħata vantaġġ kompetittiv inġustifikat lill-impriżi l-inqas adattati għall-kundizzjonijiet tas-suq. Anki li kieku hija twassal għal-likwidazzjoni tal‑impriża fl-għamla legali tagħha, miżura meħuda minn isti tuzzjoni, għalkemm tista’ tagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-proprjetarji, azzjonisti jew detenturi ta’ azzjonijiet, ma tfissirx madankollu li l-elementi personali, materjali u immaterjali rrapreżentati mill-impriża għandhom jitilfu huma wkoll il-valur tagħhom.

(ara l-punti 95, 96)

9. Sabiex turi n-nuqqas ta’ implementazzjoni tal-ftehim konklużi matul il-laqgħat, b’għan antikompetittiv, l-impriża kkonċernata minn proċedura amministrattiva mibdija minħabba akkordju pprojbit għandha tistabbilixxi li, matul il-perijodu li fih ir-rikorrenti ħadet sehem fil-ftehim li jikkostitwixxu ksur, hija effettivament astjeniet ruħha milli timplementahom billi adottat aġir kompetittiv fis-suq jew, tal‑inqas, b’mod ċar u sostanzjali, ma osservatx l-obbligi intiżi għall‑implementazzjoni ta’ dan l-akkordju b’tali mod li fixklet il-funzjonament tiegħu stess.

(ara l-punt 111)

10. Ir-rwol passiv li l-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA jippermettu li jinżamm bħala ċirkustanzi attenwanti fit-twettiq ta’ akkordju pprojbit, jimpika l-adozzjoni ta’ approċċ “low-profile” mill-impriża kkonċernata, jiġifieri nuqqas ta’ parteċipazzjoni attiva fl-elaborazzjoni ta’ akkordji antikompetittivi. Fost l-elementi tali li jistgħu jiżvelaw ir-rwol passiv ta’ impriża fi ħdan akkordju, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura sostanzjalment iktar sporadika tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat meta mqabbla ma’ dik tal-membri ordinarji tal-akkordju, kif ukoll id-dħul tardiv tagħha fis-suq li kien is-suġġett tal‑ksur, indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur, jew ukoll l-eżistenza ta’ dikjarazzjonijiet espressi f’dan is-sens magħmula minn rappreżentanti ta’ impriżi terzi li jkunu pparteċipaw fil-ksur.

Il-fatt li impriża, li l-parteċipazzjoni tagħha fi ftehim illegali skont l‑Artikolu 81(1) KE ġiet stabbilita, ma tkunx aġixxiet fis-suq b’mod konformi mal-aġir miftiehem mal-kompetituri tagħha, ma jikkostitwixxix neċessarjament element li għandu jiġi kkunsidrat. Fil-fatt, impriża li minkejja l-ftehim mal‑kompetituri tagħha ssegwi politika li tkun differenti minn dik miftiehma, tista’ sempliċement tipprova tuża l-akkordju għall-vantaġġ tagħha.

(ara l-punti 119, 120, 129)

11. Fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi għal ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, kooperazzjoni fl-investigazzjoni li ma tmurx lil hinn minn dak li jirriżulta mill-obbligi li għandhom l-impriżi skont l‑Artikolu 11(4) u (5) tar-Regolament Nru 17, ma tiġġustifikax tnaqqis tal‑ammont tagħhom. Min-naħa l-oħra, tali tnaqqis huwa ġġustifikat meta l‑impriża tkun ipprovdiet informazzjoni li tmur tassew lil hinn minn dik li l-għoti tagħha jista’ jintalab mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17.

Peress li l-impriża akkużata ma tipprovdix sempliċement informazzjoni dwar il‑fatti, iżda provi importanti tal-ksur inkwistjoni, u li hija ma tikkontestax il-mertu tal-fatti li fuqhom huma bbażati l-akkużi tal-Kummissjoni, l-imsemmija impriża għandha tingħata tnaqqis ikbar minn dak mogħti lil impirżi li l‑kooperazzjoni tagħhom ġiet ikklassifikata bħala inutli mill-Kummissjoni, meta mqabbla ma’ dik tal-impriża kkonċernata.

(ara l-punti 147-151)

12. Hija l-parti li tinvoka r-responsabbiltà tal-Komunità li għandha tipprovdi l-provi konklużivi fir-rigward tal-eżistenza jew tal-portata tad-dannu li hija tinvoka u tistabbilixxi, bejn dan id-dannu u l-aġir inkriminanti inkwistjoni tal-istituzzjoni, rabta suffiċjentement diretta ta’ kawża u effett. F’dan ir-rigward, għall-finijiet tad‑determinazzjoni tal-valur tal- lucrum cessans u għaldaqstant, neċessarjament, il-valur tal-operazzjonijiet ekonomiċi ipotetiċi, jista’ jkun diffiċli, jekk mhux impossibbli, għar-rikorrenti li tikkwantifika, b’mod eżatt, id-dannu li tallega li sostniet. F’każ bħal dan, il-qorti tista’ tibbaża ruħha fuq stimi bbażati fuq il-medja tal-valuri statistiċi. Madankollu, dan ma jeżentax lir-rikorrenti minn kull obbligu li tressaq provi rigward id-dannu invokat. Fil-fatt, minkejja li l-valur tal- lucrum cessans jirrappreżenta neċessarjament data ipotetika li għandha tiġi stmata minħabba li ma tistax tiġi kkalkolata b’ċertezza, jibqa’ xorta waħda l-fatt li d-data li fuqha din l-istima tkun ibbażata tista’ – u għandha, sa fejn possibbli – tiġi pprovata mill-parti li tkun qed tinvokaha.

(ara l-punti 167, 168)

Top