Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0260

    Sommarju tas-sentenza

    Keywords
    Summary

    Keywords

    1. Appell – Aggravji – Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti – Inammissibbiltà – Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-elementi ta’ prova – Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

    (Artikolu 225 KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 58)

    2. Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment

    (Artikolu 88(2) KE u r-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE)

    3. Dritt Komunitarju – Prinċipji – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

    (Ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE)

    4. Proċedura – Miżuri istruttorji – Smigħ tax-xhieda

    (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikoli 64 u 65)

    Summary

    1. Fil-każ ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti biex tikkonstata l-fatti lanqas, bħala regola ġenerali, biex teżamina l-provi li l-Qorti tal-Prim’Istanza qieset in sostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, sakemm dawn il-provi jinkisbu legalment, u sakemm il-prinċipji ġenerali tal-liġi u r-regoli ta’ proċedura applikabbli fil-qasam tal-piż tal-prova u tal-ġbir tal-provi jiġu mħarsa, hija biss il-Qorti tal-Prim’Istanza li hija kompetenti biex tevalwa l-valur li għandu jiġi attribwit lill-elementi li ġew imressqa quddiemha. Għaldaqstant, din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief fil-każ ta’ interpretazzjoni ħażina ta’ l-elementi ta’ prova ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Tali interpretazzjoni ħażina teżisti meta, mingħajr ma jsir riferiment għal elementi ta’ prova ġodda, l-evalwazzjoni ta’ l-elementi ta’ prova eżistenti tidher li hi manifestament żbaljata.

    (ara l-punti 35, 37)

    2. Persuni li mhumiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jippretendu li huma kkonċernati individwalment, fis-sens tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, ħlief fil-każ li din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba ċirkustanzi li jiddifferenzjawhom mill-persuni l-oħra kollha u, minħabba dan il-fatt, jiġu individwalizzati bl-istess mod bħalma kien ikun individwalizzat id-destinatarju ta’ tali deċiżjoni.

    B’mod partikolari fil-qasam ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat, ir-rikorrenti li jikkontestaw il-fondatezza ta’ deċiżjoni ta’ evalwazzjoni ta’ l-għajnuna meħuda abbażi ta’ l-Artikolu 88(3) KE, jew dik li tirriżulta mill-proċedura ta’ eżami formali, huma kkunsidrati li huma individwalment ikkonċernati mill-imsemmija deċiżjoni meta l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tkun affettwata sostanzjalment mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni in kwistjoni.

    B’mod partikolari, ġew rikonoxxuti bħala individwalment ikkonċernati minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura ta’ eżami formali, mhux biss l-impriża li tibbenefika mill-għajnuna, iżda wkoll l-impriżi li jikkompetu ma’ din ta’ l-aħħar li eżerċitaw rwol attiv fil-kuntest ta’ din il-proċedura, sakemm il-pożizzjoni tagħhom fis-suq tkun affettwata sostanzjalment mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata.

    Il-fatt li impriża kienet ressqet l-ilment li ta lok għall-ftuħ tal-proċedura ta’ eżami formali, u li nstemgħu l-osservazzjonijiet tagħha u l-fatt li l-iżvolġiment ta’ din il-proċedura ġie influwenzat b’mod kunsiderevoli mill-osservazzjonijiet tagħha, jikkostitwixxu elementi rilevanti fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tal- locus standi ta’ din l-impriża. Parteċipazzjoni bħal din fl-imsemmija proċedura ma tikkostitwixxix, madankollu, kundizzjoni neċessarja biex jiġi stabbilit li deċiżjoni tikkonċerna individwalment lil impriża fis-sens tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE. Mhuwiex eskluż li din l-impriża tista’ tqajjem fatti speċifiċi oħra li jindividwalizzawha bl-isess mod kif kien ikun individwalizzat id-destinatarju ta’ deċiżjoni bħal din.

    F’dan il-kuntest, hija fi kwalunkwe każ l-impriża rikorrenti li għandha tindika r-raġunijiet rilevanti għalfejn id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tkun ta’ ħsara għall-interessi leġittimi tagħha billi taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni tagħha fis-suq in kwistjoni.

    (ara l-punti 53-57, 60)

    3. Persuna li mhijiex direttament u individwalment ikkonċernata minn deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat u li, minħabba f’hekk, l-interessi tagħha mhumiex affettwati mill-miżura Statali li hija s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni, ma tistax tipprevalixxi ruħha mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-konfront ta’ deċiżjoni bħal din.

    (ara l-punti 64-65)

    4. Fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza tat-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew għal miżuri istruttorji ppreżentati minn parti f’kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza hija l-unika li tista’ tiddeċiedi dwar il-bżonn eventwali li tiġi ssuplementata l-informazzjoni li jkollha dwar il-kawżi li tkun qed tisma’. Anki meta talba magħmula fir-rikors għas-smigħ ta’ xhieda tindika bi preċiżjoni l-fatti li fuqhom għandhom jinstemgħu x-xhud jew ix-xhieda u r-raġunijiet li jiġġustifikaw is-smigħ tagħhom, hija fid-diskrezzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tevalwa r-rilevanza tat-talba fir-rigward tas-suġġett tal-kawża u l-ħtieġa li jiġu eżaminati x-xhieda indikati.

    (ara l-punti 77-78)

    Top