EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1862

Sistema msaħħa ta’ onformazzjoni tax-Schengen

Sistema msaħħa ta’ onformazzjoni tax-Schengen

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2018/1860 dwar l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali

Ir-Regolament (UE) 2018/1861 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen fil-qasam tal-verifiki fuq il-fruntieri, u li jemenda l-konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen

Ir-Regolament (UE) 2018/1862 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENTI?

Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS), li nħolqot fl-1995 wara t-tneħħija tal-kontrolli tal-fruntieri interni fl-Unjoni Ewropea (UE), hija bażi tad-data fuq skala kbira li tappoġġja l-kontroll tal-fruntieri esterni u l-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi bejn il-pajjiżi membri tal-Ftehim ta’ Schengen (bħalissa bejn is-26 Stat Membru tal-UE u erba’ pajjiżi assoċjati).

It-tliet regolamenti huma maħsuba biex isaħħu s-SIS II — stabbilita fl-2006 u operazzjonali mill-2013 — partikolarment fid-dawl tal-isfidi tal-migrazzjoni u s-sigurtà. Dawn jissostitwixxu l-leġiżlazzjoni stabbilita fir-Regolamenti (KE) Nru 1986/2006 u (KE) Nru 1987/2006, u fid-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI.

PUNTI EWLENIN

Arkitettura tas-sistema

Is-SIS tikkonsisti minn dawn li ġejjin.

  • Sistema ċentrali (SIS ċentrali):
    • b’funzjoni ta’ appoġġ tekniku (CS-SIS), li tinkludi bażi tad-data (il-bażi tad-data tas-SIS) li twettaq superviżjoni teknika u funzjonijiet ta’ amministrazzjoni, u CS-SIS ta’ riżerva;
    • interfaċċa nazzjonali uniformi (NI-SIS).
  • Sistema nazzjonali (N.SIS) f’kull pajjiż biex tikkomunika mas-SIS ċentrali, inkluż mill-inqas N.SIS ta’ riżerva waħda nazzjonali jew kondiviża. L-N.SIS jista’ jkun fiha fajl ta’ data (“kopja nazzjonali”) li jinkludi kopja sħiħa jew parzjali tal-bażi tad-data tas-SIS. Mhuwiex possibbli li wieħed ifittex fajls ta’ data f’N.SIS oħra, sakemm il-pajjiżi kkonċernati ma jkunux qablu li jaqsmu l-fajl.
  • Infrastruttura ta’ komunikazzjoni bejn is-CS-SIS, is-CS-SIS ta’ riżerva u l-NI-SIS tipprovdi network virtwali kriptat għad-data tas-SIS u l-iskambju tagħhom bejn it-talba ta’ informazzjoni supplimentari għad-dħul nazzjonali (Sirene).

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA):

  • hija responsabbli għat-tmexxija operattiva tas-SIS ċentrali;
  • twettaq xogħol ta’ manutenzjoni u żviluppi tekniċi meħtieġa għat-tmexxija bla xkiel tas-SIS ċentrali;
  • timplimenta soluzzjonijiet tekniċi biex issaħħaħ id-disponibbiltà bla interruzzjoni tas-SIS ċentrali;
  • f’ċirkostanzi eċċezzjonali, tista’ tiżviluppa kopja addizzjonali tal-bażi tad-data tas-SIS;
  • tippubblika lista tal-uffiċċji tal-N.SIS u l-bureaux Sirene.

Ir-regoli ta’ proċedura jiddikjaraw li:

  • twissijiet* għandhom jibqgħu fis-SIS biss sakemm ikunu meħtieġa għall-iskop speċifiku tagħhom u jitħassru meta jilħqu l-iskop tagħhom;
  • it-twissijiet għandhom jiġu riveduti f’perjodi definiti; il-pajjiż membru jista’ mbagħad jiddeċiedi li jtawwalhom, inkella jiġu awtomatikament imħassra — il-perjodi ta’ reviżjoni huma:
    • 5 snin dwar persuni mfittxija għal arrest għal finijiet ta’ ċediment jew ta’ estradizzjoni u persuni neqsin li jistgħu, jew ma jistgħux, ikunu jeħtieġu li jitpoġġew taħt protezzjonin,
    • 3 snin għal twissijiet dwar persuni mfittxija biex jgħinu bi proċedura ġudizzjarja, persuni mfittxija mhux magħrufa, twissijiet fuq ir-ritorn u twissijiet għal rifjut ta’ dħul u residenza; madankollu, jekk id-deċiżjoni nazzjonali li fuqha t-twissija ta’ ritorn jew twissija għal rifjut ta’ dħul u ta’ soġġorn tkun ibbażata għal perjodu ta’ validità itwal minn tliet snin, it-twissija għandha tiġi riveduta fi żmien 5 snin,
    • sena għal tfal f’riskju, persuni vulnerabbli li jeħtieġu li jiġu protetti milli jivvjaġġaw u persuni għal investigazzjoni diskreta, jew verifiki speċifiċi,
    • 10 snin għal oġġetti għal investigazzjoni diskreta, jew verifiki speċifiċi jew għal qbid jew użu bħala evidenza fi proċedimenti kriminali; il-Kummissjoni Ewropea adottat atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi perjodi iqsar ta’ reviżjoni għal ċerti kategoriji ta’ twissijiet dwar oġġetti;
  • il-kategoriji ta’ data li għandhom jiddaħħlu fis-sistema għandhom jiġu mfassla biex jgħinu lill-utenti finali jidentifikaw persuna u jieħdu deċiżjonijiet malajr; dawn jinkludu s-sett minimu ta’ data (kunjom, data tat-twelid, raġuni għat-twissija u l-azzjoni li għandha tittieħed) u data oħra, bħal tip ta’ reat, ritratti u dattiloskopika*, jekk disponibbli;
  • l-użu ta’ data bijometrika u dattiloskopika għandu jirrispetta d-dritt tal-UE u d-drittijiet fundamentali, u jissodisfa l-istandards minimi ta’ kwalità u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi;
  • każ għandu jkun adegwat, rilevanti u importanti biżżejjed biex tinħareġ twissija mis-SIS, pereżempju, twissija relatata ma’ reat terroristiku tissodisfa dawn il-kriterji;
  • il-pajjiż membru tal-ħruġ biss jista’ jimmodifika, iżid, jikkoreġi, jaġġorna jew iħassar id-data fis-SIS;
  • pajjiż li jqis li jekk jaġixxi fuq twissija li tkun inkompatibbli mal-liġi nazzjonali tiegħu, l-obbligi internazzjonali jew interessi essenzjali jista’ jinkludi marka* għat-twissija, dan jindika li mhux se jieħu azzjoni fit-territorju tiegħu.

Spejjeż

  • Il-baġit tal-UE jkopri l-ispejjeż operattivi, ta’ manutenzjoni u tal-iżvilupp tas-SIS ċentrali u l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni.
  • L-Istati Membri jkopru l-ispejjeż operattivi, ta’ manutenzjoni u tal-iżvilupp tal-N.SIS tagħhom.

Id-dettalji ewlenin ta’ kull regolament

Ir-Regolament (UE) 2018/1860 isaħħaħ l-infurzar u l-effettività tal-politika ta’ ritorn tal-UE.

  • Dan jistabbilixxi kundizzjonijiet u proċeduri komuni biex jiddaħħlu u jiġu pproċessati twissijiet u tiġi skambjata informazzjoni supplimentari fuq ċittadini mhux tal-UE soġġetti għal deċiżjonijiet ta’ ritorn*.
  • Din teħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jdaħħlu twissijiet malli tittieħed deċiżjoni ta’ ritorn.
  • Hija tistabbilixxi kategoriji ta’ data li għandhom jiġu inklużi fit-twissija.
  • Hija tistabbilixxi proċeduri armonizzati dwar:
    • konferma ta’ ritorn — verifika jekk tkun ġiet osservata deċiżjoni ta’ ritorn u, jekk le, in-notifika lill-awtoritajiet rilevanti;
    • tħassir ta’ twissijiet sabiex jiġi żgurat li ma jkunx hemm dewmien bejn it-tluq ta’ ċittadin mhux tal-UE u l-attivazzjoni ta’ projbizzjoni fuq id-dħul, meta jkun rilevanti;
    • konsultazzjoni obbligatorja bejn l-awtoritajiet nazzjonali:
      • qabel ma jagħtu jew jestendu permess ta’ residenza jew viża għal soġġorn fit-tul għal ċittadin mhux tal-UE li huwa s-suġġett ta’ twissija dwar ritorn fi Stat Membru ieħor li huwa akkumpanjat minn projbizzjoni fuq id-dħul,
      • qabel tidħol twissija fuq deċiżjoni ta’ ritorn dwar ċittadin mhux tal-UE li huwa d-detentur ta’ permess ta’ residenza validu jew viża għal soġġorn fit-tul mogħti minn Stat Membru ieħor jew meta dan joħroġ fi stadju aktar tard.

Ir-Regolament (UE) 2018/1861 ikopri l-użu tas-SIS għall-projbizzjonijiet fuq id-dħul.

  • Huwa jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri biex jiddaħħlu u jiġu pproċessati twissijiet u skambju ta’ informazzjoni supplimentari* dwar ċittadini mhux tal-UE li jkunu ġew rifjutati d-dħul jew id-dritt ta’ soġġorn fl-UE.
  • Hija tistabbilixxi kategoriji ta’ data li għandhom jiġu inklużi fit-twissija.
  • Hija tintroduċi proċeduri armonizzati dwar:
    • id-dħul obbligatorju ta’ twissija meta ċittadin mhux tal-UE jiġi rrifjutat id-dħul jew id-dritt ta’ soġġorn għaliex huwa ta’ theddida għas-sigurtà jew huwa soġġett għal ordni restrittiva li tipprevjeni d-dħul ġewwa, jew it-tranżitu minn, Stat Membru;
    • id-dħul ta’ twissijiet fuq ċittadini mhux tal-UE li huma benefiċjarji tad-dritt tal-moviment liberu fl-UE;
    • konsultazzjoni obbligatorja bejn l-awtoritajiet nazzjonali qabel ma jagħtu jew jestendu permess ta’ residenza jew viża għal soġġorn fit-tul lil ċittadin mhux tal-UE li jkun ġie rrifjutat id-dritt għad-dħul jew ta’ soġġorn fi Stat Membru ieħor; qabel jew wara id-dħul ta’ twissija għal rifjut ta’ dħul u ta’ soġġorn fuq ċittadin mhux tal-UE li huwa d-detentur ta’ permess ta’ residenza validu jew viża għal soġġorn fit-tul mogħti minn Stat Membru ieħor.
  • Hija tiggarantixxi liċ-ċittadini mhux tal-UE d-dritt li jiġu informati bil-miktub jekk ikunu s-suġġett ta’ twissija.

Ir-Regolament (UE) 2018/1862 itejjeb u jestendi l-użu tas-SIS għall- kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji.

  • Dan jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għad-dħul u l-ipproċessar ta’ twissijiet fis-SIS dwar persuni u oġġetti mfittxija u neqsin, u għall-iskambju ta’ informazzjoni u data supplimentari fil-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja dwar kwistjonijiet kriminali.
  • Huwa jkopri proċeduri għal twissijiet dwar:
    • persuni mfittxija għal arrest, ċediment jew estradizzjoni;
    • persuni nieqsa;
    • persuni vulnerabbli li jeħtieġu li ma jitħallewx jivvjaġġaw, jew għall-protezzjoni tagħhom stess jew biex tiġi evitata theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika;
    • tfal li jkunu jinsabu f’riskju, partikolarment ta’ ħtif, traffikar jew li jiġu involuti fit-terroriżmu;
    • individwi li jkunu qed jiġu mfittxija biex jgħinu bi proċedura ġudizzjarja bħala xhieda jew minħabba li jkunu ġew imsejħa b’konnessjoni ma’ proċeduri kriminali;
    • persuni mfittxija mhux magħrufa li l-identità tagħhom tkun qed tiġi mfittxija;
    • verifiki diskreti jew speċifiċi u investigazzjoni biex jipprevjenu, jiskopru, jinvestigaw jew jipproċedu bil-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jeżegwixxu sentenza kriminali jew jipprevjenu theddid għas-sigurtà pubblika;
    • oġġetti li għandhom jinħatfu jew jintużaw bħala evidenza fi proċedimenti kriminali, speċjalment oġġetti faċilment identifikabbli bħal karozzi, dgħajjes, inġenji tal-ajru, armi tan-nar, dokumenti ta’ identità u karti tal-flus.

Twissijiet ta’ informazzjoni dwar ċittadini mhux tal-UE

  • Ir-Regolament (UE) 2022/1190 jemenda r-Regolament (UE) 2018/1862 billi jistabbilixxi regoli rigward twissijiet ta’ informazzjoni li jimmiraw liċ-ċittadini mhux tal-UE suspettati li huma involuti fit-terroriżmu u reati serji oħra elenkati fl-Anness I tar-regolament tal-Unjoni Ewropea dwar l-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) (Regolament (UE) 2016/794 — ara s-sommarju). Dan jiżgura li l-moviment tagħhom jista’ jiġi mmonitorjat u li l-informazzjoni rilevanti kollha dwarhom tista’ faċilment u immedjatament tkun iruprata mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri.
  • L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu twissijiet ta’ informazzjoni fuq ċittadini mhux tal-UE fis-SIS fl-interess tal-UE, fuq proposta sal-Europol biex iddaħħal twissija ta’ informazzjoni fuq il-bażi ta’ informazzjoni riċevuta mill-awtoritajiet ta’ pajjiżi mhux tal-UE jew organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-Europol għandha tinnotifika l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tagħha fejn tagħmel tali proposta.
  • Il-Europol tista’ tipproponi li twissijiet ta’ informazzjoni jiddaħħlu fis-SIS fejn tevalwa li:
    • hemm indikazzjoni fattwali li persuna beħsiebha twettaq jew tkun qed twettaq reati terroristiċi jew reati serji oħra; jew
    • valutazzjoni ġenerali ta’ persuna, b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ reati kriminali tal-passat, tagħti raġuni biex wieħed jemmen li dik il-persuna tista’ twettaq tali reat.
  • Qabel tiddaħħal l-informazzjoni fis-SIS, il-Europol għandha tiżgura li t-twissijiet huma neċessarju u ġġustifikat u li l-informazzjoni tkun affidabbli u preċiża u li ma teżisti l-ebda twissija oħra fuq il-persuna kkonċernata diġà fis-sistema. Imbagħad tgħaddi l-informazzjoni li għandha fuq il-każ partikolari u r-riżultati tal-valutazzjoni tagħha lill-Istati Membri u tipproponi li Stat Membru wieħed jew aktar idaħħal twissija ta’ informazzjoni fis-SIS. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-proċeduri meħtieġa biex jiddaħħlu, jiġu aġġornati u jitħassru twissijiet ta’ informazzjoni fis-SIS.

Id-drittijiet tas-suġġetti tad-data

L-individwi għandhom id-dritt li:

  • data dwar l-aċċess relatata ma’ dawn tiġi pproċessata fis-SIS;
  • jikkoreġu data mhux preċiża;
  • jressqu azzjoni quddiem il-qrati jew l-awtoritajiet superviżorji kompetenti biex jaċċessaw, jikkoreġu, iħassru, jiksbu informazzjoni jew jiksbu kumpens b’konnessjoni ma’ twissija li tikkonċernahom.

L-Istati Membri:

  • huma impenjati li jinfurzaw deċiżjonijiet dwar id-drittijiet tal-protezzjoni tad-data;
  • jirrapportaw kull sena lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar l-għadd ta’ talbiet li jirċievu biex ikollhom aċċess għad-data u biex jikkoreġu l-ineżattezzi, u l-volum tal-każijiet tal-qorti u r-riżultat tagħhom.

L-awtoritajiet superviżorji indipendenti jissorveljaw il-legalità tal-ipproċessar nazzjonali tad-data personali fis-SIS; il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data li ġie stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 iwettaq l-istess rwol għall-eu-LISA. It-tnejn jikkoperaw biex jiżguraw is-superviżjoni kkoordinata tas-SIS.

L-awtoritajiet li ġejjin għandhom aċċess għad-data fis-SIS.

  • L-awtoritajiet nazzjonali, li huma responsabbli għal:
    • għall-kontroll fil-fruntieri, il-pulizija u l-kontrolli doganali;
    • għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ atti terroristiċi jew ta’ reati kriminali serji oħra;
    • l-eżami tal-kundizzjonijiet u t-teħid ta’ deċiżjonijiet, inkluż dwar permessi ta’ residenza u viżi għal soġġorn fit-tul, dwar id-dħul, is-soġġorn u r-ritorn ta’ ċittadini mhux tal-UE;
    • għall-kontrolli tas-sigurtà fil-konfront ta’ ċittadini mhux tal-UE li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali;
    • l-eżaminazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-viża (għal ċerti kategoriji ta’ twissijiet biss);
    • għad-deċiżjonijiet ta’ naturalizzazzjoni;
    • għall-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, inklużi dawk responsabbli għall-prosekuzzjonijiet pubbliċi fil-proċedimenti kriminali u l-inkjesti ġudizzjarji;
    • għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ reġistrazzjoni għal vetturi, dgħajjes, inġenji tal-ajru u armi tan-nar.
  • L-aġenziji tal-UE ta’ hawn taħt għandhom id-dritt li jaċċessaw u jfittxu d-data tas-SIS meta jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom fi ħdan il-mandati rispettivi tagħhom:
    • Il-Europol tista’ taċċessa d-data kollha, mhux biss ftit minnha, kif kienet preċedentement il-każ. Il-pajjiżi membri tas-SIS għandhom jinformaw lill-aġenzija tal-infurzar tal-liġi dwar kwalunkwe hit jew twissija relatata ma’ reati terroristiċi;
    • Il-Eurojust tittratta l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminal;
    • It-timijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta huma involuti f’ħidmiet relatati mar-ritorn u timijiet ta’ appoġġ għall-ġestjoni tal-migrazzjoni.

L-aġenziji tal-UE msemmija hawn fuq jinfurmaw lill-pajjiż membru emittenti meta tfittxija tikxef l-eżistenza ta’ twissija. Ma jistgħux jagħqdu partijiet mis-SIS jew jittrasferixxu xi data tagħha fis-sistema tagħhom stess.

Kull 5 snin, il-Kummissjoni tevalwa l-użu li dawn l-aġenziji jagħmlu mis-SIS.

Responsabbiltajiet

Kull pajjiż membru tas-SIS:

  • jiżgura li d-data tkun preċiża, aġġornata u mdaħħla u maħżuna legalment fis-SIS, u jirrispetta r-regoli ġenerali tal-ipproċessar tad-data;
  • jistabbilixxi, jopera, iżomm u jiżviluppa l-N.SIS tiegħu, skont standards, protokolli u proċeduri tekniċi komuni, u jgħaqqadha mal-NI-SIS;
  • jiżgura d-disponibbiltà bla interruzzjoni tad-data SIS għall-utenti finali;
  • jittrażmetti t-twissijiet tiegħu permezz tal-N.SIS tiegħu;
  • jinnomina uffiċċju tal-N.SIS b’responsabbiltà ċentrali biex jiżgura l-operat bla xkiel u s-sigurtà tal-N.SIS tiegħu, l-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali għas-SIS, il-konformità ġenerali mar-regolament u d-disponibbiltà xierqa tas-SIS għall-utenti finali kollha;
  • jaħtar awtorità nazzjonali (l-bureau Sirene) bħala punt uniku ta’ kuntatt, li topera 24/7 għall-iskambju u d-disponibbiltà tal-informazzjoni supplimentari kollha dwar twissijiet u li tiffaċilita l-azzjoni ta’ segwitu;
  • jadotta pjanijiet ta’ sigurtà, kontinwità tan-negozju u rkupru minn diżastru biex jipproteġi d-data u jipprevjeni aċċess mhux awtorizzat;
  • japplika regoli professjonali ta’ segretezza u kunfidenzjalità, inkluż monitoraġġ mill-qrib ta’ kuntratturi esterni; il-kumpaniji privati u l-organizzazzjonijiet huma pprojbiti mill-ġestjoni operattiva tal-N.SIS;
  • iżomm ir-reġistri elettroniċi, li normalment jitħassru wara 3 snin, fir-rigward ta’ twissijiet, aċċess għal u skambju ta’ data personali biex jivverifika jekk it-tfittxija kinitx legali u jiżgura l-integrità u s-sigurtà tad-data;
  • jopera programm nazzjonali ta’ taħriġ tas-SIS għall-persunal b’aċċess għas-SIS dwar is-sigurtà tad-data u d-drittijiet fundamentali, inklużi regoli u regolamenti dwar il-protezzjoni tad-data u l-ipproċessar tad-data.

Il-Kummissjoni:

  • tadotta atti ta’ implimentazzjoni u delegati fuq aspetti tekniċi tas-SIS u taġġornahom kif meħtieġ;
  • skont ir-Regolament (UE) 2022/922 (ara s-sommarju), għandha rwol ta’ koordinazzjoni ġenerali għall-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ li timplimenta mal-gvernijiet tal-UE biex tiżgura li r-regoli ta’ Schengen jiġu applikati bis-sħiħ fuq livell nazzjonali;
  • twettaq evalwazzjoni ġenerali tas-SIS ċentrali, l-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari bejn l-awtoritajiet nazzjonali, inkluża valutazzjoni tas-sistema awtomatizzata ta’ identifikazzjoni tal-marki tas-swaba’, u l-kampanji ta’ informazzjoni tas-SIS 3 snin wara li r-regolament isir applikabbli u kull 4 snin wara dan.

L-eu-LISA hija responsabbli għal:

  • is-SIS ċentrali u l-ġestjoni operattiva tagħha, inklużi l-kontrolli tal-kwalità fuq id-data li fiha, u l-kompiti kollha meħtieġa biex tiżgura li din tiffunzjona 24/7 kuljum matul is-sena kollha;
  • infrastruttura ta’ komunikazzjoni u l-aspetti ewlenin tagħha, b’mod partikolari s-superviżjoni, is-sigurtà, il-koordinazzjoni bejn il-pajjiżi membri u l-fornituri, u kwistjonijiet baġitarji u kuntrattwali;
  • relatati mas-bureaux Sirene, il-koordinazzjoni, il-ġestjoni u l-appoġġ għal attivitajiet ta’ ttestjar, iż-żamma u l-aġġornament ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi dwar skambju ta’ informazzjoni supplimentari bejn il-bureau u l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni, u l-ġestjoni ta’ bidliet tekniċi;
  • l-adottar tal-miżuri meħtieġa biex tipproteġi d-data u tevita aċċess jew użu mhux awtorizzat, inklużi pjanijiet ta’ sigurtà, kontinwità tan-negozju u rkupru minn diżastru għas-SIS ċentrali u l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni;
  • l-applikar tar-regoli professjonali ta’ segretezza u kunfidenzjalità, u żżamma ta’ reġistri elettroniċi bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk tal-awtoritajiet nazzjonali;
  • tagħmel pubblikament disponibbli permezz tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea lista tal-awtoritajiet nazzjonali awtorizzati biex ifittxu data fis-SIS;
  • tipproduċi statistika ta’ kuljum, ta’ kull xahar u ta’ kull sena dwar l-għadd ta’ reġistri għal kull kategorija ta’ twissijiet, u tħalli barra kwalunkwe data personali — ir-rapporti tagħha mbagħad isiru pubbliċi.

Kampanja ta’ informazzjoni

  • Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, tmexxi l-kampanja. Din tnediet meta l-leġiżlazzjoni ssir applikabbli u tkun ripetuta f’intervalli regolari, biex il-pubbliku jiġi infurmat dwar:
    • l-għanijiet tas-SIS;
    • id-data li żżomm;
    • l-awtoritajiet li għandhom aċċess għaliha;
    • id-drittijiet tas-suġġetti tad-data.
  • Il-Kummissjoni żżomm sit web disponibbli pubblikament bl-informazzjoni kollha rilevanti dwar is-SIS.
  • L-Istati Membri, li jaħdmu mal-awtoritajiet superviżorji tagħhom, għandhom jinformaw lill-pubbliku dwar is-SIS.

MINN META JIBDEW JAPPLIKAW IR-REGOLAMENTI?

Ir-regoli l-ġodda daħlu fis-seħħ fl-istadji suċċessivi sabiex jippermettu żmien biżżejjed għall-miżuri u l-arranġamenti legali, operazzjonali u tekniċi li għandhom jiddaħħlu fis-seħħ.

Skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/201, l-operazzjonijiet tas-SIS skont ir-Regolamenti (UE) 2018/1861 u (UE) 2018/1862 bdew fis-7 ta’ Marzu 2023. Ir-Regolamenti (UE) 2018/1860, 2018/1861 u (UE) 2018/1862 issa huma applikabbli bis-sħiħ.

SFOND

  • Filwaqt li hija bbażata fuq partijiet differenti tal-leġiżlazzjoni, is-SIS hija sistema unika għall-kondiviżjoni ta’ data u talbiet fost il-membri tagħha.
  • Tali sistema ta’ qsim ta’ informazzjoni dwar is-sigurtà u l-ġestjoni tal-fruntieri fl-Ewropa hija l-akbar waħda u dik li tintuża l-aktar. Fl-2022, dan ġie aċċessat aktar minn 12-il biljun darba u kellu 263,452 hits fuq twissijiet barranin.
  • Din topera fit-30 pajjiż Ewropew: fl-Istati Membri kollha (minbarra Ċipru) u fl-erba’ pajjiżi terzi ta’ Schengen (l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera).

TERMINI EWLENIN

Twissijiet. Sett ta’ data li jippermetti lill-awtoritajiet jidentifikaw persuna jew oġġett u jaġixxu kif xieraq.
Data dattiloskopika. Data fuq il-pala tal-id u l-marki tas-swaba’.
Marka. Sospensjoni tal-validità ta’ twissija fuq livell nazzjonali li tista’ tiżdied għal twissijiet għall-arrest, twissijiet dwar persuni nieqsa u vulnerabbli, twissijiet għal inkjesta diskreta u kontrolli speċifiċi u għal twissijiet għal informazzjoni.
Deċiżjoni ta’ ritorn. Deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva dwar ċittadin mhux tal-UE li jitqies li qed jgħix ġo pajjiż illegalment u li għandu jirritorna lejn pajjiżu.
Informazzjoni supplimentari. Informazzjoni li ma tagħmilx parti mid-data tat-twissija fis-SIS, iżda hija konnessa magħha.

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Ir-Regolament (UE) 2018/1860 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali (ĠU L 312, 7.12.2018, pp. 1–13).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2018/1860 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-verifiki fuq il-fruntieri, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, u li jemenda u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 (ĠU L 312, 7.12.2018, pp. 14–55).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li jemenda u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/261/UE (ĠU L 312, 7.12.2018, pp. 56–106).

Ara l-verżjoni konsolidata.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/922 tad-9 ta’ Ġunju 2022 dwar l-istabbiliment u t-tħaddim ta’ mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1053/2013 (ĠU L 160, 15.6.2022, pp. 1–27).

Ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 295, 21.11.2018, pp. 99–137).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, pp. 6–21).

Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, pp. 53–114).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, pp. 1–88).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, pp. 89–131).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (kodifikazzjoni) (ĠU L 77, 23.3.2016, pp. 1-52).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, pp. 98–107).

L-acquis ta’ Schengen kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/435/KE tal-20 ta’ Mejju 1999 (ĠU L 239, 22.9.2000, pp. 1–473).

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/435/KE tal-20 ta’ Mejju 1999 dwar id-definizzjoni tal-acquis ta’ Schengen għall-finijiet tad-determinazzjoni, b’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-bażi legali għal kull waħda mid-dispożizzjonijiet jew deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-acquis (ĠU L 176, 10.7.1999, pp. 1–16).

l-aħħar aġġornament 26.04.2023

Fuq