Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R1143

    Il-ħarsien tal-bijodiversità minn speċijiet aljeni invażivi

    Il-ħarsien tal-bijodiversità minn speċijiet aljeni invażivi

     

    SOMMARJU TA’:

    Regolament (UE) Nru 1143/2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta’ speċijiet aljeni invażivi

    X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

    Dan jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, il-minimizzazzjoni u l-mitigazzjoni tal-impatt avvers fuq il-bijodiversità u fuq is-servizzi tal-ekosistema relatati kkawżat mill-introduzzjoni u t-tixrid speċijiet aljeni invażivi (IAS)* fl-Unjoni Ewropea (UE). L-IAS jista’ jkollhom impatt avvers sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ekonomija.

    PUNTI EWLENIN

    Lista ta’ speċijiet aljeni invażivi

    • Fit-13 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni Ewropea adottat l-ewwel “lista tagħha ta’ speċijiet aljeni invażivi li huma ta’ tħassib għall-Unjoni”. Din daħlet fis-seħħ fit-3 ta’ Awwissu 2016. Tliet aġġornamenti tal-lista daħlu fis-seħħ fit-2 ta’ Awwissu 2017, fil-15 ta’ Awwissu 2019 u fit-2 ta’ Awwissu 2022 rispettivament. Il-lista, li tiġi żviluppata abbażi ta’ valutazzjonijiet xjentifiċi tar-riskju, tiġi aġġornata regolarment u rieżaminata mill-inqas kull 6 snin. L-aktar lista reċenti tmur lura għall-2022.
    • L-ispeċijiet f’din il-lista ma għandhomx b’mod intenzjonat jiddaħħlu fit-territorju tal-UE. Lanqas ma għandhom jinżammu, jitrabbew, jiġu ttrasportati lejn, minn jew ġewwa l-UE, jew jinbiegħu, jitkabbru jew jiġu rrilaxxati fl-ambjent.

    Permessi

    • L-Istati Membri tal-UE jistgħu joħorġu permessi biex jippermettu r-riċerka, il-konservazzjoni mhux fuq il-post u l-użu mediċinali tal-ispeċijiet fil-lista tal-IAS. Għal kwalunkwe użu ieħor, l-Istati Membri li jixtiequ joħorġu permessi l-ewwel jeħtieġ li jfittxu l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni.
    • L-IAS inkwistjoni għandhom jinżammu u jiġu ttrattati f’faċilitajiet konfinati u ttrasportati taħt ċerti kundizzjonijiet li jipprevjenu l-ħarba tagħhom.

    Pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali

    Fi żmien 3 snin mill-elenkar tal-ispeċijiet, l-Istati Membri jridu jistabbilixxu u jimplimentaw pjanijiet ta’ azzjoni biex jittrattaw ir-rotot ewlenin tat-tixrid tal-IAS fit-territorji tagħhom. Dan isir biex tiġi pprevenuta l-introduzzjoni u t-tixrid mhux intenzjonati tal-IAS elenkati fit-territorji tagħhom.

    IAS ta’ tħassib reġjonali u IAS indiġeni

    L-IAS jistgħu joriġinaw f’reġjun wieħed tal-UE u joħolqu problemi f’reġjun ieħor tal-UE. F’dan il-każ, fuq talba tal-Istati Membri involuti, il-Kummissjoni jista’ jkollha rwol fl-iżgurar li l-Istati Membri affettwati jaħdmu flimkien biex jindirizzaw il-problema.

    Sistemi ta’ sorveljanza

    Fi żmien 18-il xahar mill-adozzjoni tal-lista ta’ IAS, l-Istati Membri jridu jistabbilixxu sistemi ta’ sorveljanza li jiġbru u jirreġistraw id-data dwar l-okkorrenza ta’ IAS fl-ambjent.

    Kontrolli uffiċjali

    Sat-2 ta’ Jannar 2016, l-Istati Membri jeħtieġ li jkunu stabbilew strutturi li jiffunzjonaw bis-sħiħ biex iwettqu l-kontrolli uffiċjali meħtieġa biex jipprevjenu l-introduzzjoni intenzjonata fl-UE ta’ IAS elenkati. Il-kontrolli uffiċjali japplikaw għall-kategoriji ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet tan-nomenklatura magħquda, li ssir referenza għalihom fil-lista tal-Unjoni.

    L-identifikazzjoni bikrija u l-qerda rapida ta’ IAS li għadhom kif ġew stabbiliti

    Wara kwalunkwe osservazzjoni ġdida (l-ewwel osservazzjoni jew l-ewwel osservazzjoni wara l-qerda) ta’ IAS elenkata fi Stat Membru jew f’parti mit-territorju tiegħu, din trid tinqered malajr. Il-qerda tista’ tinkiseb permezz ta’ miżuri letali u mhux letali.

    Il-ġestjoni ta’ IAS li nxterdu sew

    • Fi żmien 18-il xahar mill-elenkar tal-ispeċijiet, l-Istati Membri jeħtieġ li jistabbilixxu miżuri ta’ ġestjoni għall-IAS li diġà nxterdu sew fit-territorju tagħhom, sabiex jiġu minimizzati l-effetti negattivi.
    • Dawn il-miżuri jistgħu jkunu letali jew mhux letali u għandhom jibqgħu proporzjonati mal-impatt tagħhom fuq l-ambjent u xierqa għaċ-ċirkostanzi speċifiċi fl-Istat Membru.

    Restawr ta’ ekosistemi bil-ħsara

    L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jgħinu fl-irkupru ta’ ekosistema li tkun ġiet iddegradata, bil-ħsara jew ġiet meqruda minn IAS elenkata.

    Miżuri tranżizzjonali

    • L-individwi jistgħu jżommu l-annimali tad-dar tagħhom (“annimali tal-kumpanija” li huma IAS) bil-kundizzjoni li:
      • ikunu nkisbu qabel ma ġiet abbozzata l-lista;
      • jiġu stabbiliti l-miżuri kollha xierqa biex jiġi żgurat li ma jistgħux jirriproduċu jew jaħarbu.
    • Fl-ewwel sena wara li jkun ġie elenkat, negozju jew intrapriża kummerċjali oħra jistgħu jkomplu jbiegħu speċi sakemm l-istokk jispiċċa. Madankollu, fit-tieni sena wara l-elenkar, speċi tista’ tinbiegħ jew tiġi ttrasferita biss għal stabbiliment li jkollu permess, jew tinqatel b’mod mhux krudili. Dawn it-tranżazzjonijiet jiġu permessi bil-kundizzjoni li jittieħdu l-passi xierqa kollha biex jiġi żgurat li l-ispeċijiet ma jkunux jistgħu jaħarbu jew jirriproduċu ruħhom.

    Atti ta’ implimentazzjoni u delegati

    Ir-Regolament (UE) Nru 1143/2014 jagħti lill-Kummissjoni setgħat ta’ implimentazzjoni u delegati.

    • Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/968 jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1143/2014 fir-rigward ta’ valutazzjonijiet tar-riskju b’rabta ma’ IAS. Dan jiddeskrivi fid-dettall il-metodoloġija li għandha tiġi applikata fil-valutazzjonijiet tar-riskju, filwaqt li jqis l-istandards nazzjonali u internazzjonali rilevanti u l-ħtieġa li tingħata prijorità lill-azzjoni kontra IAS assoċjati ma’ impatt negattiv sinifikanti fuq il-bijodiversità jew fuq is-servizzi tal-ekosistema relatati, jew li għandhom il-potenzjal li jikkawżawh, kif ukoll fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ekonomija, b’tali impatt negattiv jitqies bħala fattur aggravanti.
    • Flimkien mal-atti ta’ implimentazzjoni li jaġġornaw il-listi tal-IAS, il-Kummissjoni adottat żewġ atti ta’ implimentazzjoni oħra:
      • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/145 dwar il-format tad-dokument li jservi bħala evidenza għall-permess maħruġ mill-Istati Membri li jippermetti li stabbilimenti jwettqu ċerti attivitajiet fir-rigward tal-IAS elenkati;
      • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1454 li jispeċifika l-formati tekniċi għar-rapportar mill-Istati Membri.

    MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

    Dan ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2015.

    SFOND

    Għal aktar informazzjoni, ara:

    TERMINI EWLENIN

    Speċijiet aljeni invażivi (IAS). Pjanti jew annimali li jkunu ġew ittrasportati barra mill-firxa naturali ekoloġika tagħhom mill-bnedmin (kemm jekk intenzjonalment kif ukoll jekk mhux intenzjonalment) f’ambjent ġdid. Filwaqt li ħafna minn dawn l-ispeċijiet ma jibqgħux ħajjin, xi wħud minnhom jibqgħu ħajjin u, minħabba l-invażività tagħhom, jikkawżaw ħsara ekoloġika u ekonomika sinifikanti.

    DOKUMENT PRINĊIPALI

    Ir-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta’ speċijiet aljeni invażivi (ĠU L 317, 4.11.2014, p. 35-55).

    L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 1143/2014 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

    DOKUMENTI RELATATI

    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/968 tat-30 ta’ April 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fejn jidħlu l-valutazzjonijiet tar-riskju b’rabta ma’ speċijiet aljeni invażivi (ĠU L 174, 10.7.2018, p. 5-11).

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1454 tal-10 ta’ Awwissu 2017 li jispeċifika l-formati tekniċi għar-rappurtar mill-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 208, 11.8.2017, p. 15-27).

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1141 tat-13 ta’ Lulju 2016 li jadotta lista ta’ speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 189, 14.7.2016, p. 4-8).

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/145 tal-4 ta’ Frar 2016 li jadotta l-format tad-dokument li jservi bħala evidenza għall-permess maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jippermetti li stabbilimenti jwettqu ċerti attivitajiet fir-rigward tal-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 30, 5.2.2016, p. 1-6).

    l-aħħar aġġornament 03.08.2022

    Fuq