Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0223

Statistika Ewropea: kif taħdem is-Sistema Ewropea tal-Istatistika

Statistika Ewropea: kif taħdem is-Sistema Ewropea tal-Istatistika

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (KE) Nru 223/2009 - l-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Huwa għandu l-għan li jistabbilixxi qafas legali għall-iżvilupp, għall-produzzjoni u għad-disseminazzjoni ta’ statistika Ewropea konformi mal-prinċipji ta’:

  • l-indipendenza professjonali*;
  • l-imparzjalità;
  • l-oġġettività;
  • l-affidabbiltà;
  • il-kunfidenzjalità tal-istatistika; u
  • il-kost-effettività.

PUNTI EWLENIN

  • L-istatistika hija importanti għall-prestazzjoni tal-attivitajiet tal-Unjoni Ewropea (UE). Permezz ta' dan ir-Regolament, huma stabbiliti sett ta' regoli biex jamministraw aħjar il-proċess tal-istatistika.
  • Il-governanza statistika tiġi eżerċitata mill-korpi li ġejjin:
    • L-Eurostat, Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, huwa l-awtorità Ewropea responsabbli mill-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ statistika fil-korpi tal-UE.
    • Il-pajjiżi tal-UE jinnominaw uffiċċji nazzjonali tal-istatistika (NSIs) sabiex iservu bħala l-punti ta’ kuntatt nazzjonali għall-Eurostat.
    • Sadanittant, is-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS) hija sħubija bejn l-Eurostat, l-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħrajn. Skont dan ir-regolament, il-Kumitat tal-ESS huwa stabbilit, li huwa kompost minn rappreżentanti tal-NSI u ppresedut mill-Eurostat. Dan jaħdem mal-Kummissjoni fuq, fost l-oħrajn, il-programm Ewropew tal-istatistika; kwistjonijiet li jikkonċernaw il-kunfidenzjalità tal-istatistika; u l-iżvilupp ulterjuri tal-Kodiċi ta’ Prattika tal-istatistika Ewropea (li wkoll jiġi aġġornat mill-ESS). L-ESS jikkoopera wkoll mill-qrib mas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali.
  • L-Eurostat, l-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħrajn ixerrdu statistika Ewropea sabiex jiggarantixxu aċċess wiesa’ u imparzjali għall-utenti kollha.
  • Sakemm ma japplikawx ċerti kundizzjonijiet (eż. aċċess mir-riċerkaturi għal finijiet xjentifiċi), l-aċċess għal dejta kunfidenzjali jista’ jsir biss jekk din tintuża għall-finijiet ta’ statistika. Id-dejta kunfidenzjali tista’ tiġi trasmessa minn awtorità tal-ESS lil awtorità oħra, sakemm dan l-att jiġi rikonoxxut bħala li huwa neċessarju għall-iżvilupp, għall-produzzjoni jew għad-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea.
  • Ir-Regolament (UE) 2015/759 emenda dan ir-regolament billi saħħaħ:
    • ir-rwol tal-NSIs fil-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ statistika;
    • l-indipendenza professjonali tal-kapijiet tal-NSIs u tad-Direttur Ġenerali tal-Eurostat; u
    • l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-1 ta' April 2009.

SFOND

Is-sistema Ewropea tal-istatistika preċedenti ġiet emendata biex tindirizza l-isfidi u l-ħtiġijiet tal-politika li żviluppaw wara l-kriżi finanzjarja globali. Dan sar sabiex jiġu żgurati l-koordinazzjoni mtejba tal-istatistika Ewropea u flessibbiltà akbar fid-disseminazzjoni tagħhom. Għalhekk, dan ir-regolament jiddefinixxi mill-ġdid il-qafas għall-istatistika Ewropea billi jikkonsolida l-attivitajiet tal-ESS u jikkjarifika r-rwoli tal-Eurostat, tal-NSIs u ta’ awtoritajiet nazzjonali oħrajn.

* TERMINI EWLENIN

Indipendenza professjonali: tirreferi għall-proċess tal-iżvilupp, tal-produzzjoni u tad-disseminazzjoni tal-istatistika bl-użu ta’ tekniki, definizzjonijiet, metodoloġiji u sorsi li huma ħielsa minn kull pressjoni minn gruppi politiċi jew gruppi ta’ interess, jew minn awtoritajiet nazzjonali jew tal-UE.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta' data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164-173)

Emendi sussegwenti għar-Regolament (KE) Nru 223/2009 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 06.02.2017

Fuq