Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R1020

    Is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti

    Is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti

     

    SOMMARJU TA’:

    Ir-Regolament (UE) 2019/1020 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti

    X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

    • Dan għandu l-għan li jtejjeb il-mod li bih jiffunzjona l-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija billi tissaħħaħ is-sorveljanza tas-suq* tal-prodotti koperti mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-armonizzazzjoni. Dan għandu jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza, b’mod ġenerali u fuq il-post tax-xogħol, u għandu jipproteġi lill-konsumaturi, lill-ambjent, lis-sigurtà pubblika u kwalunkwe interess pubbliku ieħor.
    • Dan jistipula regoli u proċeduri għall-operaturi ekonomiċi* u jistabbilixxi sistema għall-kooperazzjoni tagħhom mal-awtoritajiet superviżorji.
    • Dan jistabbilixxi kontrolli fuq il-prodotti importati fl-UE.
    • Huwa jħassar u jissostitwixxi l-Artikoli 15 sa 29 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 (ara s-sommarju dwar L-Akkreditament u s-sorveljanza tas-suq) u jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolament (UE) Nru 305/2011 (ara s-sommarju dwar il-Prodotti għall-bini).

    PUNTI EWLENIN

    Ir-regolament japplika għal prodotti:

    • koperti mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-armonizzazzjoni (u stabbiliti fl-Anness I);
    • importati fl-UE li mhumiex soġġetti għal leġiżlazzjoni speċifika.

    Ċerti prodotti ma jistgħux jiġu offruti għall-bejgħ lill-konsumaturi tal-UE mingħajr operatur ekonomiku stabbilit fl-UE:

    • li jżomm dikjarazzjonijiet tal-UE ta’ konformità u prestazzjoni u jagħmel dawn u d-dokumentazzjoni teknika disponibbli għall-awtoritajiet meta jintalab;
    • li jinforma lill-awtoritajiet meta jqisu li prodott jippreżenta riskju;
    • li jikkoopera mal-awtoritajiet, meta jintalab, billi jieħu azzjoni korrettiva immedjata — mir-rimedju tad-difett għas-sejħa lura jew il-qerda tal-oġġett — jekk prodott jitqies bħala mhux konformi, u jgħin biex jelimina jew inaqqas ir-riskji;
    • li l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tiegħu huma fuq il-prodott, l-imballaġġ jew id-dokument ta’ akkumpanjament.

    L-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq:

    • iwettqu sorveljanza effettiva tal-prodotti li jinbigħu online u offline;
    • iwettqu dokumentazzjoni xierqa, kontrolli fiżiċi u tal-laboratorji fuq il-prodotti, filwaqt li jqisu l-perikli possibbli;
    • jaġixxu meta prodott, installat, miżmum u użat kif suppost għall-għan maħsub tiegħu:
      • jista’ jagħmel ħsara lis-saħħa u s-sikurezza tal-utenti,
      • ma jikkonformax mal-leġiżlazzjoni tal-UE;
    • jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi jieħdu azzjoni korrettiva meta jingħataw istruzzjonijiet u jaġixxu meta dawn jonqsu milli jagħmlu dan;
    • jistabbilixxu proċeduri biex isegwu l-ilmenti u r-rapporti u biex jivverifikaw li l-operaturi ekonomiċi ħadu azzjoni korrettiva;
    • japplikaw livell għoli ta’ trasparenza u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku kwalunkwe informazzjoni li jqisu rilevanti sabiex jiġu protetti l-interessi tal-utenti finali;
    • jipprovdu lill-operaturi ekonomiċi raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħhom sabiex jagħtuhom opportunità li jirrispondu;
    • jinnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea u lill-pajjiżi l-oħra tal-UE immedjatament dwar kwalunkwe miżura li jieħdu jekk din jista’ jkollha impatt f’pajjiżi oħra tal-UE;
    • jistgħu jitolbu lill-kollegi f’postijiet oħra fl-UE biex jgħinu bl-investigazzjonijiet u l-infurzar u jipparteċipaw f’reviżjonijiet bejn il-pari sabiex itejbu l-effiċjenza globali tas-sistema;
    • għandhom is-setgħa li:
      • jibdew investigazzjonijiet fuq l-inizjattiva proprja tagħhom,
      • jitolbu lill-operaturi ekonomiċi jipprovdu dokumenti, data u informazzjoni rilevanti dwar il-ktajjen ta’ provvista, in-netwerks ta’ distribuzzjoni, il-mudelli tal-prodotti u s-sjieda tas-siti web,
      • iwettqu spezzjonijiet fuq il-post u kontrolli fiżiċi għal għarrieda,
      • jidħlu fi kwalunkwe bini, art jew mezz ta’ trasport li juża operatur ekonomiku,
      • jiksbu kampjuni tal-prodott mingħajr ma jiżvelaw l-identità tagħhom,
      • jagħtu struzzjonijiet lill-operaturi ekonomiċi biex jieħdu miżuri sabiex itemmu n-nuqqas ta’ konformità jew jeliminaw ir-riskju,
      • jipprojbixxu jew jillimitaw id-disponibbiltà ta’ prodott u jordnaw li dan jiġi rtirat jew jissejjaħ lura,
      • jinsistu, fil-każ ta’ riskju serju, li l-kontenut ta’ prodott jitneħħa minn sit web jew jitolbu li dan ikun akkumpanjat bi twissija,
      • jadottaw miżuri, inklużi penali, kontra operaturi ekonomiċi li jonqsu milli jaġixxu.

    Il-pajjiżi tal-UE:

    • jinnominaw awtorità waħda jew aktar bis-setgħa ta’ sorveljanza tas-suq, investigazzjoni u infurzar;
    • jaħtru uffiċċju uniku ta’ kollegament biex jirrappreżenta lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza u jikkomunika l-istrateġija nazzjonali tal-pajjiż;
    • jiżguraw li l-awtoritajiet u l-uffiċċju għandhom biżżejjed riżorsi baġitarji u riżorsi oħrajn;
    • jistgħu jawtorizzaw lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza biex jitolbu lura mingħand operatur ekonomiku l-ispejjeż kollha li jġarrbu meta jsegwu każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità;
    • ifasslu strateġija nazzjonali globali ta’ sorveljanza tas-suq kull 4 snin mis-16 ta’ Lulju 2022 sabiex tippromwovi approċċ konsistenti, komprensiv u integrat għas-sorveljanza tas-suq — dan għandu jinkludi:
      • data dwar prodotti mhux konformi,
      • oqsma ta’ prijorità għall-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE,
      • attivitajiet ta’ infurzar biex jitnaqqas in-nuqqas ta’ konformità,
      • valutazzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet f’pajjiżi oħra tal-UE;
    • jipprovdu lill-operaturi ekonomiċi, fuq it-talba tagħhom u mingħajr ħlas, informazzjoni dwar l-implimentazzjoni nazzjonali tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-armonizzazzjoni tal-prodotti;
    • jintroduċu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi u jinnotifikawhom lill-Kummissjoni sas-16 ta’ Ottubru 2021.

    Il-Kummissjoni:

    • tiżgura li l-portal L-Ewropa Tiegħek jipprovdi lill-utenti aċċess online faċli għal informazzjoni dwar ir-rekwiżiti tal-prodott, id-drittijiet, l-obbligi u r-regoli tal-UE;
    • tadotta atti ta’ implimentazzjoni;
    • tassisti lin-Netwerk tal-UE għall-Konformità tal-Prodotti (ara hawn taħt) fl-attivitajiet kollha tiegħu;
    • iżżomm sistema tal-kompjuter biex taħżen u tipproċessa d-data kollha miġbura;
    • tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sal-31 ta’ Diċembru 2026, u kull 5 snin wara dan, dwar l-implimentazzjoni tar-regolament.

    Japplikaw regoli speċifiċi għal prodotti importati:

    • il-pajjiżi tal-UE jinnominaw l-awtoritajiet bis-setgħat neċessarji biex jikkontrollaw l-importazzjonijiet;
    • l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jipprovdulhom informazzjoni dwar il-prodotti u l-operaturi ekonomiċi fejn ikun ġie identifikat riskju għoli ta’ nuqqas ta’ konformità;
    • l-awtoritajiet jistgħu jimponu prodott jekk id-dokumentazzjoni neċessarja tkun nieqsa jew ikun hemm tħassib li dan jippreżenta riskju serju għas-saħħa, is-sikurezza, l-ambjent jew l-interess pubbliku, u joħorġuh biss meta jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet.

    Ir-regolament:

    • jistabbilixxi Netwerk tal-UE għall-Konformità tal-Prodotti — dan:
      • jiżviluppa kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza u l-Kummissjoni;
      • ikun fih rappreżentanti nazzjonali u tal-Kummissjoni u esperti;
      • jorganizza firxa ta’ attivitajiet biex titjieb is-sorveljanza tas-suq madwar l-UE.

    MINN META JAPPLIKA DAN IR-REGOLAMENT?

    Dan se japplika mis-16 ta’ Lulju 2021. Madankollu, l-Artikoli 29, 30, 31, 32, 33 (dwar in-Netwerk tal-UE għall-Konformità tal-Prodotti) u 36 (dwar l-attivitajiet ta’ finanzjament) japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2021.

    SFOND

    Għal aktar informazzjoni, ara:

    TERMINI EWLENIN

    Is-sorveljanza tas-suq: miżuri li jiżguraw li l-prodotti jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE u li jipproteġu l-interess pubbliku.
    Operatur ekonomiku: manifattur, rappreżentant awtorizzat, importatur, distributur jew fornitur ta’ servizz ta’ eżekuzzjoni.

    DOKUMENT EWLIENI

    Ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU L 169, 25.6.2019, pp. 1-44)

    DOKUMENTI RELATATI

    Ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kumerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (ĠU L 88, 4.4.2011, pp. 5-43)

    Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 305/2011 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

    Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, pp. 30-47)

    Id-Direttiva 2004/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar il-limitazzjonijiet ta’ emissjonijiet ta’ komposizzjonijiet organiċi volatili minħabba l-użu ta’ solventi f’ċertu żebgħa u lostri u prodotti ta’ lostru mil-ġdid ta’ vetturi u li jemenda id-Direttiva 1999/13/EC (ĠU L 143, 30.4.2004, pp. 87-96)

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    l-aħħar aġġornament 30.08.2019

    Fuq