Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019L0883

    Faċilitajiet tal-port għal skart minn bastimenti, inklużi fdalijiet mill-merkanzija

    Faċilitajiet tal-port għal skart minn bastimenti, inklużi fdalijiet mill-merkanzija

     

    SOMMARJU TA’:

    Direttiva (UE) 2019/883 – il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-konsenja ta’ skart minn bastimenti

    X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

    Din għandha l-għan li tipproteġi l-ambjent tal-baħar mill-effetti negattivi tal-iskart mill-bastimenti li jużaw il-portijiet tal-Unjoni Ewropea (UE), billi ttejjeb il-faċilitajiet ta’ akkoljenza fil-portijiet għal skart minn bastimenti.

    PUNTI EWLENIN

    Tariffi

    • Skont ir-regoli l-ġodda, il-bastimenti se jħallsu tariffa indiretta biex ikopru l-ispiża tal-iskema, u dan jagħtihom id-dritt li jikkonsenjaw l-iskart tagħhom f’port, kemm jekk jikkonsenjaw xi skart kif ukoll jekk le. Din it-tariffa se tapplika wkoll għall-bastimenti tas-sajd u opri tal-baħar għar-rikreazzjoni, li għandhom l-għan li jipprevjenu lix-xbieki tas-sajd mormija u l-iskart maqbud aċċidentalment fix-xbieki tas-sajd milli jispiċċaw direttament fil-baħar.
    • F’ċerti każijiet, jekk bastiment jikkonsenja ammont eċċezzjonali ta’ skart, tista’ tintalab tariffa diretta addizzjonali biex jiġi żgurat li l-ispejjeż relatati mar-riċeviment ta’ dak l-iskart ma joħolqux piż sproporzjonat fuq sistema ta’ rkupru tal-ispejjeż tal-port.
    • It-tariffi jistgħu jvarjaw skont, pereżempju, il-kategorija, it-tip u d-daqs tal-bastiment u t-tip ta’ traffiku li l-bastiment ikun involut fih. Tariffa mnaqqsa tapplika għal “bastimenti ekoloġiċi”, jiġifieri bastimenti li jistgħu juru kwantitajiet imnaqqsa ta’ skart u mmaniġġjar tal-iskart abbord sostenibbli.

    Faċilitajiet tal-port

    L-Istati Membri tal-UE jridu jiżguraw li l-faċilitajiet tal-port:

    • jistgħu jirċievu t-tipi u l-kwantitajiet ta’ skart minn bastimenti li normalment jużaw il-port;
    • jevitaw dewmien;
    • ma jimponux tariffi eċċessivi li jistgħu jiskoraġġixxu lill-bastimenti milli jużawhom;
    • jimmaniġġjaw l-iskart tal-bastiment b’mod ambjentalment xieraq skont id-Direttiva 2008/98/KE (liġi dwar l-immaniġġjar tal-iskart tal-UE) u leġiżlazzjoni oħra tal-UE dwar l-iskart.

    Eżenzjonijiet u eċċezzjonijiet

    Id-direttiva ma tapplikax għal bastimenti militari.

    Id-direttiva tinkludi regoli dwar il-konsenja tal-iskart, inkluż avviż bil-quddiem dwar il-konsenji, b’arranġamenti speċjali li japplikaw għall-bastimenti li joperaw skont skeda u li jidħlu ta’ spiss u b’mod regolari f’portijiet.

    Spezzjonijiet u penali

    Il-bastimenti jistgħu jkunu spezzjonati sabiex tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti tad-direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-direttiva tiġi implimentata u japplikaw penali effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    Allinjament leġiżlattiv

    Id-direttiva tallinja l-leġiżlazzjoni tal-UE mal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (Marpol) li tiffoka fuq l-operazzjonijiet fuq il-baħar, li l-UE hija parti minnha.

    Id-direttiva tħassar id-Direttiva 2000/59/KE u temenda d-Direttivi 2009/16/KE dwar il-kontroll tal-istat tal-port u 2010/65/UE dwar il-formalitajiet ta’ rappurtar għal bastimenti.

    Id-direttiva hija parti mill-politika tal-ekonomija ċirkolari u l-istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea għall-plastiks.

    MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

    Ilha tapplika mis-27 ta’ Ġunju 2019 u kellha ssir liġi fl-Istati Membri sat-28 ta’ Ġunju 2021.

    SFOND

    Għal aktar informazzjoni, ara:

    • Vapuri (il-Kummissjoni Ewropea).

    DOKUMENT EWLIENI

    Direttiva (UE) 2019/883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-konsenja ta’ skart minn bastimenti, li temenda d-Direttiva 2010/65/UE u li tħassar id-Direttiva 2000/59/KE (ĠU L 151, 7.6.2019, pp. 116–142).

    DOKUMENTI RELATATI

    Direttiva 2010/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar il-formalitajiet ta’ rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri u li tħassar id-Direttiva 2002/6/KE (ĠU L 283, 29.10.2010, pp. 1–10).

    L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2010/65/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha biss valur dokumentarju.

    Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (Tfassil mill-ġdid) (ĠU L 131, 28.5.2009, pp. 57–100).

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, pp. 3–30).

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    l-aħħar aġġornament 27.01.2022

    Fuq