EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0842

Azzjoni dwar il-klima — tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (2021–2030)

Azzjoni dwar il-klima — tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (2021–2030)

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2018/842 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġ

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Ir-regolament, magħruf bħala r-regolament dwar il-kondivizzjoni tal-isforzi (ESR), kif emendat minn Regolament (UE) 2023/857, għandu l-għan li jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG)* mis-setturi li ġejjin: trasport domestiku (ħlief avjazzjoni), bini, is-settur tal-koltivazzjoni, industriji żgħar u skart. Dawn is-setturi jikkorrispondu ma’ 60% tal-emissjonijiet fl-Unjoni Ewropea (UE).
  • Għal dak l-iskop, ir-regolament jistabbilixxi l-miri tal-2030 għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet GHG fl-Stati Membri tal-UE. Hu jistabbilixxi wkoll ir-regoli dwar id-definizzjoni tal-limiti annwali tal-emissjonijiet GHG, espressi fl-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet, għas-snin 2021-2030, li progressivament iwasslu għall-miri speċifikati hawn fuq. L-ESR hi parti minn sett ta’ politiki u miżuri li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-UE b’tal-inqas 55% sal-2030, kif stipulat minn Regolament (UE) 2021/1119, il-Liġi tal-Unjoni Ewropea dwar il-Klima (ara s-sommarju), li għamlet il-mira dwar in-newtralità fil-klima tal-UE sal-2050, legalment vinkolanti.

PUNTI EWLENIN

Mhux l-Istati Membri kollha għandhom l-istess mira tal-2030. L-ESR tqassam il-piż tar-riduzzjoni tal-emissjonijiet GHG b’ġustizzja, u kunsiderazzjonijiet ta’ kosteffettività.

Sal-2030, l-Istati Membri jridu jnaqqsu l-livelli tal-emissjonijiet GHG 2005 konformi mal-perċentwali stipulati f’tabella 2 ta’ Anness I, li jvartjaw minn 10% (il-Bulgarija) sa 50% (id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, il-Finlandja u l-Iżvezja).

Il-Kummissjoni Ewropea għandha s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw l-allokazzjonijiet individwali annwali tal-emissjonijiet (AEAs) ta’ Stati Membri għas-snin 2021-2030, espressi f’tunnellati ta’ CO2 ekwivalenti, konformi mat-trajettorji lineari stipulati fir-regolament. Peress li l-miri għal 2030 u s-sistema ta’ trajettoriji li jwasslu għalihom kienu emendati fl-2023, il-Kummissjoni ser, fl-2023, temenda id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2126 biex taġġorna n-numru ta’ AEAs assenjati lil Stati Membri għas-snin 2023-2030.

Regoli ta’ flessibbiltà fir-regolament emendat jippermettu lill-Istati Membri biex:

  • jisselfu, b’ċerti limiti, AEAs mis-sena ta’ wara biex ikopru emissjonijiet eċċessivi f’tali sena;
  • jibbankjaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, is-surplus ta’ AEAs għall-użu fis-sena sussegwenti;
  • jittrasferixxu sa 10% (fis-snin 2021-2025) u 15% (fis-snin 2026-2030) tal-allokazzjonijiet annwali tagħhom lil Stat Membru ieħor;
  • jispustjaw, konformi ma’ ċerti kundizzjonijiet, kull eċċess fl-emissjonijiet tagħhom mat-tneħħijiet ta’ GHG mill-użu tal-art, bidla tal-użu tal-art u forestrija (skont ir-regolament LULUCE).

Disa’ Stati Membri (elenkati f’Anness II: il-Belġju, id-Danimarka, l-Irlanda, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja) jistgħu jikkanċellaw perċentwal limitat tal-kwoti tas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tagħhom, sa massimu kkombinat ta’ 100 miljun tunnellata ta’ CO2 ekwivalenti, sabiex jikkumpensaw għal eċċess ta’ emissjonijiet fis-setturi ESR. L-Istati Membri jridu jinnotifikaw lil Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2023 jekk għandhomx il-ħsieb li jużaw jew jagħmlu uu addizzjonali mill-kanċellazzjoni limitata tal-kwoti tas-sistema tal-kwoti tal-emissjonijiet.

Il-Kummissjoni ser twettaq verifiki ta’ konformità fl-2027, (li jkopru l-emissjonijiet ta’ bejn l-2021-2025) u l-2032 (li jkopru l-emissjonijiet ta’ bejn l-2026-2030). Jekk dawn il-verifiki juru li, f’tali sena, wara li jużaw il-flessibbiltajiet imsemmija hawn fuq, Stat Membru ma jkollux biżżejjed allokazzjonijiet ta’ emissjonijiet biex ikopri l-emissjonijiet GHG tiegħu, l-ammont ta’ emissjonijiet eċċessivi, ser ikun immultiplikat b’1.08 u r-riżultat ser ikun miżjud mal-emissjonijiet ġġenerati fis-sena sussegwenti.

L-Istati Membri li jkollhom ċertu prodott domestiku gross u l-kriterja tal-emissjonijiet GHG jistgħu jirċievu numru limitat ta’ allokazzjonijiet minn riżerva ta’ sikurezza li jkollha sa 105 miljun tunnellata ta’ CO2 ekwivalenti għal kumpens għall-emissjonijiet li jistgħu jipproduċu bl-eċess tal-miri tal-2030 tagħhom.

Il-Kummissjoni:

  • taġġusta u tippubblika l-allokazzjonijiet tal-emissjoni annwali għal kull Stat Membru;
  • tiżgura kontabbiltà preċiża, permezz tar-Reġistru tal-Unjoni, ta’ konformità mar-regoli tar-regolament;
  • iżżomm ir-regolament għal rieżami u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sa 6 xhur minn kull stekkat globali taħt il-Ftehim ta’ Pariġi (ara s-sommarju); dan ir-rapport ser jinkludi, b’mod partikolari, evalwazzjoni tal-bżonn għal politiki u miżuri tal-UE addizzjonali minħabba r-riduzzjonijiet tal-emissjonijiet GHG fil-qafas ta’ wara l-2030, u jistgħu jkunu akkumpanjati, jekk ikun xieraq, bi proposti leġiżlattivi.

Regolament (UE) 2018/842 jemenda wkoll ir-Regolament (UE) Nru. 525/2013, li kien sussegwentement tħassar u sostitwit bir-Regolament (UE) 2018/1999 — ara (sommarju).

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ir-Regolament (UE) 2018/842 ilu japplika mid-9 ta’ Lulju 2018.

Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2023/857 ilu japplika mis-16 ta’ Mejju 2023.

SFOND

Ir-regolament hu pass ieħor lejn is-sodisfar tal-impenn preċedenti tal-UE taħt il-Ftehim ta’ Pariġi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet GHG b’tal-inqas 40% sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990.

Is-setturi koperti mir-regolament ikopru kważi 60 % tal-emissjonijiet domestiċi totali tal-UE.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju, metanu, ossidu nitruż, idrofluworokarburi, perfluworokarburi, trifluworur tan-nitroġenu u eżafluworur tal-kubrit.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, pp. 26–42).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2018/842 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“ il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, pp. 1–17).

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2126 tas-16 Diċembru 2020 dwar allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet tal-Istati Membri għall-perjodu mill-2021 sal-2030 skont ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 426, 17.12.2020, pp. 58–64).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, pp. 1–77).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 u d-Deċiżjoni Nru 529/2013/UE (ĠU L 156, 19.6.2018, pp. 1–25).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 11.12.2023

Fuq