Ftehim bejn l-UE u ċ-Ċina dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili
SOMMARJU TA’:
Ftehim dwar is-Sikurezza fl-Avjazzjoni Ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1075 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1153 dwar l-iffirmar f’isem l-Unjoni tal-Ftehim dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONIJIET?
- Il-ftehim għandu l-għan li jevita duplikazzjoni mhux meħtieġa fl-evalwazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta’ prodotti ajrunawtiċi ċivili u b’hekk inaqqas l-ispejjeż għas-settur tal-avjazzjoni, jippromwovi s-sikurezza tal-avjazzjoni u l-kompatibbiltà ambjentali u jiffaċilita l-aċċess għas-swieq ajrunawtiċi ta’ xulxin.
- Id-Deċiżjoni (UE) 2018/1153 tawtorizza l-iffirmar tal-ftehim mill-UE.
- Id-Deċiżjoni (UE) 2020/1075 tikkonkludi l-ftehim f’isem l-UE.
PUNTI EWLENIN
Kamp ta’ applikazzjoni
Il-ftehim jista’ jkopri għadd ta’ oqsma ta’ kooperazzjoni, inklużi:
- ċertifikati ta’ ajrunavigabbiltà u l-monitoraġġ ta’ prodotti ajrunawtiċi ċivili*;
- l-ittestjar ambjentali u ċertifikati ta’ prodotti ajrunawtiċi ċivili;
- iċ-ċertifikazzjoni u l-monitoraġġ ta’ organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni;
- iċ-ċertifikazzjoni u l-monitoraġġ tal-organizzazzjonijiet ta’ manutenzjoni;
- il-liċenzjar u t-taħriġ tal-persunal;
- it-tħaddim tal-inġenji tal-ajru;
- is-servizzi tat-traffiku tal-ajru u ġestjoni tat-traffiku tal-ajru.
Obbligi ġenerali
- L-UE u ċ-Ċina se jaċċettaw is-sejbiet tal-konformità u ċ-ċertifikati maħruġa mill-awtoritajiet tal-parti l-oħra, kif speċifikat fl-anness dwar l-ajrunavigabbiltà u ċ-ċertifikazzjoni ambjentali tal-ftehim.
- Sakemm ma jkunx speċifikat, il-ftehim ma jinvolvix aċċettazzjoni reċiproka jew rikonoxximent tal-istandards jew ir-regolamenti tekniċi tal-parti l-oħra.
- L-awtoritajiet rispettivi tal-avjazzjoni ċivili, l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (ara s-sommarju) u l-Amministrazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili taċ-Ċina, se jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-anness.
Kooperazzjoni
Iż-żewġ partijiet jaqblu li jikkooperaw b’diversi modi, fosthom li:
- jinfurmaw lil xulxin dwar il-liġijiet, ir-regolamenti, l-istandards u r-rekwiżiti rilevanti kollha, kif ukoll is-sistemi rispettivi tagħhom għall-ħruġ taċ-ċertifikati, u r-reviżjonijiet tagħhom;
- jippermettu lil xulxin li jipparteċipaw bħala osservaturi biex jinvestigaw u jsolvu kwistjonijiet ta’ sikurezza;
- jiskambjaw informazzjoni dwar is-sikurezza;
- jikkooperaw u jassistu fil-proċeduri ta’ investigazzjoni u infurzar.
Kumitat konġunt
Il-funzjonament effettiv tal-ftehim huwa sorveljat minn kumitat konġunt magħmul minn rappreżentanti taż-żewġ partijiet li jiltaqgħu regolarment.
DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ
Il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2020.
SFOND
Il-ftehim huwa wieħed mill-għanijiet konkreti tal-istrateġija tal-avjazzjoni tal-UE — ara s-sommarju.
Għal aktar informazzjoni, ara:
TERMINI EWLENIN
Prodott ajrunawtiku ċivili: kwalunkwe inġenju tal-ajru ċivili, magna ta’ inġenju tal-ajru, jew skrun ta’ inġenju tal-ajru jew sottounità, apparat, jew parti installata jew li għandha tiġi installata fuqu.
DOKUMENTI EWLENIN
Ftehim dwar is-Sikurezza fl-Avjazzjoni Ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 240, 24.7.2020, pp. 4-23)
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1075 tas-26 ta’ Ġunju 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 240, 24.7.2020, pp. 1-3)
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1153 tas-26 ta’ Ġunju 2018 dwar l-iffirmar f’isem l-Unjoni tal-Ftehim dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 210, 21.8.2018, p. 2)
DOKUMENTI RELATATI
Informazzjoni dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar is-Sikurezza fl-Avjazzjoni Ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 3, 7.1.2021, p. 3)
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni - Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa (COM(2015) 598 final, 7.12.2015)
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni — Nindirizzaw l-Isfidi tal-Futur (COM (2012) 556 final, 27.9.2012)
l-aħħar aġġornament 26.10.2020