Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1311

Il-Baġit Pluriennali tal-UE (bejn l-2014 u l-2020)

Status legali tad-dokument Dan is-sommarju ġie arkivjat u mhux se jiġi aġġornat, għaliex id-dokument imqassar ma għadux fis-seħħ jew ma jirriflettix is-sitwazzjoni attwali.

Il-Baġit Pluriennali tal-UE (bejn l-2014 u l-2020)

 

SOMMARJU TA’:

ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 — il-qafas finanzjarju pluriennali tal-UE għal bejn l-2014 u l-2020

X’INHU L-GĦAN TA’ DAN IR-REGOLAMENT?

Huwa jistipula l-ammonti annwali massimi li jistgħu jintefqu fuq l-oqsma ta’ politika differenti tal-UE matul il-perjodu l-2014 u l-2020.

PUNTI EWLENIN

L-UE adottat il-pjan ta’ 7 snin għall-perjodu ta’ bejn l-2014 u l-2020 f’Diċembru 2013. Il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) jammonta għal EUR 960 biljun f’impenji (wegħda legali għall-provvista ta’ finanzjament, dejjem jekk ċerti kundizzjonijiet jiġu ssodisfati) u EUR 908.4 biljun f’pagamenti (trasferimenti proprji lill-benefiċjarji) matul il-perjodu ta’ 7 snin, espressi fi prezzijiet kostanti tas-sena 2011.

Ir-Regolament dwar il-QFP jistabbilixxi l-limiti massimi (ammonti massimi) għal kull kategorija ta’ nefqa tal-UE matul il-perjodu. Dawn iridu jiġu rispettati meta jintlaħaq qbil dwar il-baġits annwali tal-UE.

Il-QFP ta’ bejn l-2014 u l-2020 huwa maqsum f’intestaturi kif ġej:

  • Intestatura 1 - Tkabbir intelliġenti u inklużiv: EUR 450.763 biljun (li minnhom EUR 325.149 biljun huma għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali);
  • Intestatura 2 - Tkabbir sostenibbli: riżorsi naturali: EUR 373.179 biljun.
  • Intestatura 3 - Sigurtà u ċittadinanza: EUR 15.686 biljun.
  • Intestatura 4 - Ewropa Globali: EUR 58.704 biljun.
  • Intestatura 5 - Amministrazzjoni: EUR 61.629 biljun.

piechart

Enfasi ċentrali tal-QFP ta’ bejn l-2014 u l-2020 hija fuq it-tkabbir u l-impjieg. L-Intestatura 1a dwar “il-kompetittività” żdiedet b’aktar minn 37 % meta mqabbla mal-QFP preċedenti ta’ bejn l-2007 u l-2013, u b’hekk tirrifletti l-importanza ta’ din il-prijorità politika. Madankollu, il-QFP il-ġdid huwa iżgħar minn dak ta’ qablu, minħabba li ħafna pajjiżi tal-UE fuq livell domestiku qed jiffaċċjaw pressjonijiet baġitarji.

Ir-Regolament dwar il-QFP jipprevedi wkoll strumenti speċjali li jippermettu lill-UE tirreaġixxi għal ċirkostanzi speċifikati u mhux previsti. Huwa jista’ jippermetti wkoll il-finanzjament ta’ nefqa identifikata b’mod ċar li ma tistax tiġi ffinanzjata fil-limiti tal-livelli massimi li huma disponibbli għal intestatura waħda jew aktar, b’mod partikolari:

Sar ukoll ftehim interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea. Dan jenħtieġ li jissemplifika l-proċedura baġitarja u jikkomplementa r-Regolament dwar il-QFP.

Riallokazzjoni ta’ impenji mhux użati tal-2014

Ir-Regolament dwar il-QFP jipprovdi li fil-każ tal-adozzjoni tal-programmi taħt ġestjoni kondiviża għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u l-Fond għas-Sigurtà Interna, wara l-1 ta’ Jannar 2014, il-QFP jenħtieġ li jiġi rivedut sabiex l-ammonti li ma ntużawx fl-2014 jiġu allokati mill-ġdid għas-snin sussegwenti.

B’riżultat ta’ dan, ir-Regolament dwar il-QFP ġie rivedut sabiex jippermetti t-trasferiment tal-impenji mhux użati tal-2014: EUR 16.5 biljun għall-2015, EUR 4.5 biljun għall-2016 u EUR 0.1 biljun għall-2017. Dan seħħ minħabba l-adozzjoni tard ta’ 300 mis-645 programm tal-UE fl-oqsma koperti mill-fondi tal-UE msemmija hawn fuq.

Ir-reviżjoni tal-QFP tal-UE żżomm il-livelli massimi ta’ nfiq totali mhux mibdula u ma tinvolvix flus addizzjonali.

Reviżjoni

Il-QFP kellu jiġi rivedut sa mhux aktar tard mill-2016 biex il-Parlament Ewropew (elett fl-2014), lill-Kunsill u lill-Kummissjoni (maħtura fl-2014) ikun jista’ jivvaluta mill-ġdid il-prijoritajiet għas-snin tal-qafas li jifdal. Din il-valutazzjoni twettqet fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika dak iż-żmien kif ukoll tal-aktar projezzjonijiet makroekonomiċi riċenti.

Wara l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 ġie emendat bir-Regolament (UE, Euratom) 2017/1123 fl-2017. Il-QFP rivedut iżid ir-riżorsi assenjati għall-prijoritajiet ewlenin tal-UE b’EUR 6.01 biljun għal bejn l-2017 u l-2020, kif ġej:

  • EUR 2.08 biljun biex tingħata spinta lit-tkabbir u jinħolqu l-impjiegi permezz ta’ programmi bħall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (+ EUR 1.2 biljun), l-Orizzont 2020 (+ EUR 200 miljun), u l-Erasmus+ (+ EUR 100 miljun);
  • EUR 2.55 biljun biex tiġi indirizzata l-migrazzjoni, tittejjeb is-sigurtà u jissaħħaħ il-kontroll fil-fruntieri esterni;
  • EUR 1.39 biljun biex jiġu indirizzati l-għeruq tal-migrazzjoni.

Kull sena, qabel il-proċedura tal-baġit għas-sena li jkun imiss, il-Kummissjoni tagħmel aġġustament tekniku fil-QFP f’konformità mal-movimenti fl-introjtu nazzjonali gross u l-prezzijiet. Ir-riżultati ta’ dan l-aġġustament għall-2018 ġew ikkomunikati l-ewwel lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’Mejju 2017. Madankollu, dawn ir-riżultati ġew sussegwentement riveduti biex titqies l-emenda tal-2017 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 u ġew ikkomunikati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’Settembru 2017.

MINN META JIBDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ir-Regolament ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 884-891)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew — Aġġustament tekniku tal-qafas finanzjarju għall-2018 f’konformità mal-movimenti fid-DNG (ESA 2010) (l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għal bejn l-2014 u l-2020) li taġġorna u tissostitwixxi l-Komunikazzjoni COM(2017)220 final (COM(2017) 473 final, 15.9.2017)

Ftehim interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (ĠU C 373, 20.12.2013, pp. 1-11).

l-aħħar aġġornament 29.11.2017

Fuq