Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0883

    L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi — ir-regoli tal-investigazzjoni

    L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi — ir-regoli tal-investigazzjoni

     

    SOMMARJU TA’:

    Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)

    Ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2223 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi

    X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENTI?

    Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 għandu l-għan li:

    • isaħħaħ l-indipendenza tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), li ġie stabbilit skont id-Deċiżjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom biex jiġġieled il-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali li tista’ tagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji* tal-UE;
    • jagħmel l-investigazzjonijiet tal-OLAF aktar effettivi;
    • itejjeb il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u l-korpi differenti involuti;
    • isaħħaħ id-drittijiet tal-individwi koperti mill-investigazzjonijiet.

    Ir-Regolament Emendatorju (UE, Euratom) Nru 2020/2223 ifittex li:

    • jadatta l-operat tal-OLAF għall-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2017/1939 (ara s-sommarju) biex jiżgura komplementarjetá massima; u
    • itejjeb l-effikaċja tal-funzjoni investigattiva tal-OLAF fir-rigward ta’ għadd ta’ kwistjonijiet speċifiċi, inklużi:
      • ir-regoli ġodda għat-twettiq ta’ verifiki u spezzjonijiet fuq il-post
      • aċċess għall-informazzjoni ta’ kontijiet tal-bank
      • l-istabbiliment ta’ kontrollur tal-garanziji proċedurali
      • aċċess għar-rapport finali mill-persuna kkonċernata
      • ir-rwol imsaħħaħ tas-servizzi ta’ koordinazzjoni kontra l-frodi fil-pajjiżi tal-UE u
      • regoli ġodda għat-titjib tas-segwitu tal-investigazzjonijiet.

    PUNTI EWLENIN

    OLAF:

    • iwettaq investigazzjonijiet interni u esterni;
    • jipprovdi assistenza lill-UPPE abbażi ta’ kooperazzjoni mill-qrib, skambju ta’ informazzjoni, komplementarjetà u evitar ta’ duplikazzjoni;
    • jgħin lill-pajjiżi tal-UE jorganizzaw kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet tagħhom ta’ kontra l-frodi;
    • jiżviluppa l-politiki tal-UE kontra l-frodi bħala servizz tal-Kummissjoni Ewropea;
    • jikkontribwixxi għat-tfassil u l-iżvilupp tal-istrateġiji ta’ kontra l-frodi u kontra l-korruzzjoni sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-UE;
    • jippromwovi u jikkoordina l-iskambju ta’ esperjenza operazzjonali u l-aħjar prattiki proċedurali;
    • jipparteċipa, fejn meħtieġ, fi skwadri ta’ investigazzjoni konġunti;
    • jappoġġja l-attivitajiet nazzjonali konġunti ta’ kontra l-frodi.

    Investigazzjonijiet interni

    OLAF:

    • iwettaq investigazzjonijiet amministrattivi fi ħdan l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE, u fil-bini tal-operaturi ekonomiċi*;
    • igawdi minn aċċess immedjat u mingħajr avviż għal kwalunkwe informazzjoni u data rilevanti, relatati mal-kwistjoni li tkun qed tiġi investigata;
    • jista’ jitlob informazzjoni orali u bil-miktub minn uffiċjali, membri oħra tal-persunal u l-kapijiet ta’ uffiċċji jew aġenziji;
    • jinforma lill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji jekk investigazzjoni tikkonċerna lill-impjegati tagħhom u jikkonsultahom, fejn meħtieġ, jekk għandhom jittieħdu miżuri amministrattivi ta’ prekawzjoni biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-UE.

    Ir-Regolament Emendatorju (UE, Euratom) 2020/2223 jippermetti lill-OLAF, matul l-investigazzjonijiet tiegħu, aċċess għal tagħmir ta’ proprjetà privata li jintuża għal skopijiet ta’ xogħol, jekk l-OLAF ikollu raġunijiet raġonevoli biex jissuspetta li l-kontenut tiegħu jista’ jkun rilevanti għall-investigazzjoni. L-aċċess ikun ibbażat fuq regoli interni li għandhom jiġu adottati minn kull istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija kkonċernati fir-rigward tal-persunal u l-membri tagħhom.

    Investigazzjonijiet esterni

    OLAF:

    • iwettaq kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post u attivitajiet investigattivi oħra fil-pajjiżi tal-UE, f’pajjiżi li mhumiex fl-UE, fil-bini ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u fuq operaturi ekonomiċi, skont ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 u r-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96, u skont it-termini ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni u assistenza reċiproka;
    • jista’ jittrażmetti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-pajjiżi tal-UE informazzjoni dwar frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE biex ikunu jistgħu jieħdu azzjoni xierqa.

    Skont ir-Regolament Emendatorju (UE, Euratom) 2020/2223, f’investigazzjonijiet esterni, l-aċċess għal tagħmir bi sjieda privata li jintuża għal skopijiet ta’ xogħol isir bl-istess kundizzjonijiet u sal-istess punt li jsir għall-awtoritajiet nazzjonali fil-pajjiż rilevanti.

    Proċedura tal-investigazzjonijiet

    Id-direttur ġenerali tal-OLAF:

    • jiddeċiedi, jekk ikun hemm biżżejjed suspett, jekk jiftaħx investigazzjoni esterna jew interna, jew fuq l-inizjattiva proprja tad-direttur ġenerali jew fuq talba minn istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-UE, jew minn pajjiż tal-UE;
    • jista’ jibgħat kwalunkwe informazzjoni rilevanti lill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-UE jew lill-pajjiż tal-UE ikkonċernat jekk id-direttur ġenerali jiddeċiedi li ma jiftaħx investigazzjoni;
    • jidderieġi t-twettiq tal-investigazzjonijiet fuq il-bażi ta’ struzzjonijiet bil-miktub, fejn xieraq;
    • jirrapporta lill-Kumitat Superviżorju jekk investigazzjoni ma tkunx tista’ tingħalaq fi żmien 12-il xahar u kull 6 xhur wara dan;
    • jista’ jittrażmetti lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali kwalunkwe informazzjoni miksuba matul investigazzjoni interna li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom.

    Persunal tal-OLAF:

    • iwettaq investigazzjonijiet b’mod oġġettiv u imparzjali, filwaqt li jirrispetta l-garanziji proċedurali tar-regolament u l-preżunzjoni ta’ innoċenza;
    • ifittex evidenza favur u kontra l-persuna kkonċernata;
    • jista’, b’avviż xieraq, jintervista individwu jew xhud fi kwalunkwe ħin matul l-investigazzjoni – din il-persuna għandha d-dritt li tevita l-awtoinkriminazzjoni u li tkun assistita minn persuna ta’ għażla;
    • jikteb rekord tal-intervista u jagħti kopja lill-persuna intervistata;
    • jipprovdi lill-persuna kkonċernata l-opportunità li tikkummenta dwar il-fatti li jikkonċernawha;
    • jindirizza l-informazzjoni kollha trażmessa jew miksuba matul investigazzjonijiet esterni u interni b’kunfidenzjalità;
    • jikkoopera mal-UPPE, mal-Eurojust, mal-Europol u mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi tal-UE, ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

    Aċċess għal informazzjoni dwar kontijiet bankarji

    Skont ir-Regolament Emendatorju (UE, Euratom) 2020/2223, is-setgħat investigattivi tal-OLAF huma msaħħa. L-OLAF jista’ jitlob informazzjoni dwar kontijiet bankarji u, fejn ikun strettament meħtieġ, dwar tranżazzjonijiet, bil-kooperazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali. Dan isir bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u soġġett għal talba bil-miktub li tispjega l-adegwatezza u l-proporzjonalità tagħha.

    Il-kontrollur tal-garanziji proċedurali

    Il-pożizzjoni indipendenti tal-kontrollur tal-garanziji proċedurali tinħoloq skont ir-Regolament Emendatorju (UE, Euratom) 2020/2223. Marbut amministrattivament mal-Kumitat ta’ Sorveljanza, il-kontrollur ikun responsabbli għall-ġestjoni tal-ilmenti mill-persuni kkonċernati u jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-OLAF dwar kif għandha tiġi solvuta l-problema li tkun tqajmet fl-ilment.

    Kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-OLAF u l-UPPE

    L-OLAF u l-UPPE għandhom rwoli komplementari fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u ser jaħdmu f’kooperazzjoni mill-qrib. Skont ir-Regolament Emendatorju (UE, Euratom) 2020/2223, l-OLAF jibqa’ korp amministrattiv li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, li jistgħu jwasslu għal rakkomandazzjonijiet finanzjarji, amministrattivi, dixxiplinarji u ġudizzjarji, il-mandat tal-UPPE, li jkopri 22 mis-27 pajjiż tal-UE, jagħmel enfasi fuq investigazzjonijiet kriminali biex jistabbilixxi r-responsabbiltà kriminali ta’ persuni involuti fi frodi, korruzzjoni jew reati kriminali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu.

    Meta jaġixxu b’appoġġ għall-UPPE u biex jipproteġu l-ammissibbiltà tal-evidenza, kif ukoll id-drittijiet fundamentali u l-garanziji proċedurali, il-UPPE u l-OLAF iridu jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw li jiġu osservati s-salvagwardji proċedurali tar-Regolament (UE) 2017/1939.

    Rapport finali:

    Imfassal taħt l-awtorità tad-direttur ġenerali meta titlesta l-investigazzjoni, ir-rapport finali:

    • jinkludi:
      • il-bażi ġuridika għall-investigazzjoni
      • il-passi proċedurali segwiti u l-garanziji rrispettati
      • il-fatti stabbiliti u l-klassifikazzjoni preliminari tagħhom fil-liġi
      • l-impatt finanzjajru stmat u
      • il-konklużjonijiet tal-investigazzjoni;
    • akkumpanjat, fejn xieraq, mir-rakkomandazzjonijiet tad-direttur ġenerali dwar jekk għandhiex tittieħed azzjoni, kemm jekk dixxiplinarja, amministrattiva, finanzjarja jew ġudizzjarja, u l-ammonti stmati li għandhom jiġu rkuprati;
    • jintbagħat lill-pajjiż tal-UE jew lill-istituzzjoni, lill-korp, lill-uffiċċju jew lill-aġenzija kkonċernati.

    Pajjiżi tal-UE:

    • jistabbilixxu servizz ta’ koordinazzjoni kontra l-frodi (AFCOS) biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni effettiva u l-iskambju ta’ informazzjoni mal-OLAF;
    • jipprovdu jew jikkoordinaw l-assistenza meħtieġa lill-OLAF biex iwettaq il-kompiti tiegħu b’mod effettiv.

    Istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-UE:

    • jadottaw regoli li jirrikjedu lill-persunal tagħhom jikkoopera mal-OLAF u jipprovdulu informazzjoni;
    • jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet interni;
    • jistgħu ma jibdewx inkjesta parallela dwar l-istess fatti meta d-direttur ġenerali tal-OLAF ikun fetaħ, jew ikun beħsiebu jiftaħ, investigazzjoni;
    • jibagħtu lill-OLAF mingħajr dewmien kwalunkwe informazzjoni dwar każijiet possibbli ta’ frodi, korruzzjoni jew attività finanzjarji illegali oħra.

    Tħassir

    Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 iħassar ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament (Euratom) Nru 1074/1999.

    MINN META BDEW JAPPLIKAW IR-REGOLAMENTI?

    • Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 883/2013 ilu japplika mill-1 ta’ Ottubru 2013.
    • Ir-Regolament Emendatorju (UE, Euratom 2020/2223 daħal fis-seħħ fis-17 ta’ Jannar 2021.

    SFOND

    Għal aktar informazzjoni, ara:

    TERMINI EWLENIN

    Interessi finanzjarji: id-dħul, l-infiq u l-assi koperti mill-baġit tal-UE.
    Operatur ekonomiku: negozji jew organizzazzjonijiet oħra, bħal fornituri u kuntratturi, li jipprovdu oġġetti, xogħol jew servizzi.

    DOKUMENTI EWLENIN

    Ir-Regolament (UE, Euratom ) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999) (ĠU L 248, 18.9.2013, pp. 1-22)

    L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

    Ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2223 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (ĠU L 437, 28.12.2020, pp. 49-73)

    DOKUMENTI RELATATI

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, pp. 1-71)

    Ara l-verżjoni kkonsolidata.

    Id-Direttiva (UE) 2017/1371tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, pp. 29-41)

    Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Evalwazzjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, EURATOM) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (COM(2017) 589 final, 2.10.2017)

    Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni — Evalwazzjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, EURATOM) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewrropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 li jakkumpanja r-rapport tad-dokument tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (SWD(2017) 332 final, 2.10.2017)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom tat-28 ta’ April 1999 li Twaqqaf l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU L 136, 31.5.1999, pp. 20-22)

    Ara l-verżjoni kkonsolidata.

    Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, pp. 2-5)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, pp. 1-4)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/140/KE tat-23 ta’ Frar 1994 li tistabbilixxi kumitat konsultattiv għall-koordinazzjoni tal-prevenzjoni ta’ frodi (ĠU L 61, 4.3.1994, pp. 27-28)

    Ara l-verżjoni kkonsolidata.

    l-aħħar aġġornament 02.02.2021

    Fuq