Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007L0043

Il-benessri tal-annimali — il-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam

Il-benessri tal-annimali — il-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 2007/43/KE — regoli minimi għall-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Din għandha l-għan li tintroduċi regoli favur it-titjib fil-benessri tal-annimali f’azjendi fl-Unjoni Ewropea (UE) fejn jinżammu tiġieġ għall-produzzjoni tal-laħam.
  • Dawn ir-regoli huma mfassla biex jiġi evitat tfixkil għall-kompetizzjoni fis-settur.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

  • Id-Direttiva tapplika għal tiġieġ li jinżammu għall-produzzjoni tal-laħam (tiġieġ tas-simna), u stokks tat-trobbija f’azjendi li għandhom kemm stokks għat-tgħammir kif ukoll stokks għat-trobbija.
  • Dan ma japplikax għal:
    • azjendi b’inqas minn 500 tiġieġa;
    • azjendi li għandhom biss stokks ta’ tiġieġ għat-tgħammir;
    • imfaqas*;
    • tiġieġ imrobbija b’mod estensiv ġewwa jew fil-beraħ; u
    • tiġieġ imrobbija b’mod organiku.

Regoli li japplikaw għall-azjendi kollha

  • L-istabbilimenti tat-tjur fejn jinżammu t-tiġieġ iridu jippermettu li t-tiġieġ ikollhom aċċess adegwat għall-:
    • ilma tajjeb għax-xorb;
    • għalf; u
    • mifrex niexef li jitrammel malajr.
  • Il-bini jrid ikun imdawwal b’mod adegwat waqt il-perjodi mdawla u jkollu biżżejjed ventilazzjoni.
  • It-tiġieġ kollha miżmuma fl-azjendi jridu jiġu spezzjonati almenu darbtejn kuljum.
  • It-tiġieġ li jkunu korruti gravi jew f’kundizzjoni ta’ saħħa ħażina jridu jiġu trattati jew jinqatlu minnufih.
  • Il-proċeduri kirurġiċi mwettqa għal skopijiet oħra għajr it-trattament mediku ġeneralment huma pprojbiti. Il-qtugħ tal-munqar u l-kastrazzjoni huma permessi biss f’ċerti każijiet.
  • Is-sid jew il-kustodju jeħtieġlu jżomm rekords ta’ kull dar tat-tjur fuq l-azjenda tiegħu:
    • l-għadd ta’ tiġieġ introdott u li jifdal wara t-tneħħija tat-tiġieġ għall-bejgħ u għall-qatla;
    • iż-żona użabbli;
    • in-nisel jew l-ibridu tat-tiġieġ; u
    • r-rata ta’ mortalità.

Densità tal-istokkjar*

  • L-Istati Membri tal-UE jeħtiġilhom jiżguraw li d-densità tal-istokkjar massima f’azjenda jew f’binja tat-tjur f’azjenda ma taqbiżx it-33 kg/m2 fl-ebda mument.
  • Densità tal-istokkjar ogħla ta’ massimu ta’ 39 kg/m2 hija permessa jekk is-sid jew il-kustodju jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II tad-direttiva (parametri ambjentali). Is-sid jew il-kustodju jeħtieġlu jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti b’dokumentazzjoni speċifika li fiha d-dettalji tekniċi relatati mal-azjenda u t-tagħmir tagħha.
  • Azjendi ta’ densità għolja bħal dawn jridu jkunu mgħammra b’sistemi ta’ ventilazzjoni, ta’ tisħin u tkessiħ biex tinżamm it-temperatura, l-umdità u l-konċentrazzjonijiet xierqa ta’ CO2 u NH3.
  • F’ċirkustanzi eċċezzjonali, definiti fl-Anness V, id-densità tal-istokkjar tista’ togħla għal massimu ta’ 42 kg/m2.

Taħriġ

  • Il-persuni li jieħdu ħsieb it-tiġieġ jeħtiġilhom ikollhom ċertifikat li juri li lestew kors ta’ taħriġ approvat jew li għandhom esperjenza ekwivalenti għat-tali taħriġ. Il-korsijiet ta’ taħriġ iridu jkopru l-aspetti tal-benessri li ġejjin:
    • ir-rekwiżiti tad-densità tal-istokkjar għall-azjendi;
    • il-fiżjoloġija tal-annimali;
    • l-immaniġġjar tat-tiġieġ u l-għoti tal-kura ta’ emerġenza; u
    • il-bijosigurtà preventiva.
  • L-Istati Membri tal-UE jeħtiġilhom iħeġġu l-iżvilupp u d-distribuzzjoni ta’ gwidi għal prattika ta’ ġestjoni tajba.

Spezzjonijiet

L-awtoritajiet nazzjonali jeħtiġilhom iwettqu spezzjonijiet regolari fuq l-azjendi biex jiżguraw il-konformità mad-direttiva. Kull sena, huma jeħtiġilhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-ispezzjonijiet imwettqa u lista ta’ azzjonijiet meħuda biex tiġi indirizzata kwalunkwe problema ta’ benessri identifikata.

Il-monitoraġġ u s-segwitu fil-biċċeriji

Il-monitoraġġ fil-biċċeriji jiżgura li jiġi rreġistrat in-numru ta’ simniet mal-wasla. Sinjali ta’ kundizzjonijiet ta’ benessri ħżiena jistgħu jiġu identifikati waqt spezzjonijiet post mortem. Jekk jiġu skoperti sinjali bħal dawn, l-azjenda u l-awtoritajiet kompetenti jeħtiġilhom jieħdu miżuri xierqa.

Rapporti

  • Fis-snin reċenti, firxa wiesgħa ta’ karatteristiċi metaboliċi u ta’ mġiba fis-simniet ġiet immodifikata permezz tas-selezzjoni ġenetika, li wasslet għal diversi kwistjonijiet b’rabta mal-benessri. Dawn jinkludu l-problemi fir-riġlejn li jaffetwaw il-moviment, is-sindromu tal-mewt għal għarrieda u mard tal-ġilda, bħad-dermatite tal-kuntatt. Fl-2016, il-Kummissjoni ppubblikat rapport li jeżamina l-influwenza ta’ parametri ġenetiċi fuq defiċjenzi identifikati li jirriżultaw f’livell ta’ benessri baxx fit-tiġieġ. Hija kkonkludiet li:
    • Dawk li jrabbu l-annimali qed iqisu b’mod progressiv il-karatteristiċi relatati mas-saħħa u l-benessri tat-tiġieġ fil-programmi ta’ selezzjoni tagħhom; u
    • l-leġiżlazzjoni attwali tipprovdi sistema ta’ monitoraġġ għal indikaturi tal-benessri tal-annimali f’kundizzjonijiet kummerċjali li jistgħu jintużaw ulterjorment fil-kuntest tas-selezzjoni ġenetika.
  • Fl-2018, il-Kummissjoni ppubblikat rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2007/43/KE u l-effetti tagħha fuq il-benessri tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam, kif ukoll l-iżvilupp ta’ indikaturi tal-benessri.

Kumitat Permanenti

Il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf jassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva.

Emenda

Ir-Regolament (UE) 2017/625 dwar l-infurzar tar-regoli tal-UE għall-katina agroalimentari (ara s-sommarju) introduċa xi emendi żgħar għar-Regolament (KE) Nru 1/2005. Ir-regolament emendatorju jintroduċi kontrolli uffiċjali fit-taqsimiet diversi kollha tal-katina tal-provvista (inkluż il-benessri tal-annimali) taħt l-istess umbrella ġuridika. Huwa jipprevedi wkoll li jiġu stabbiliti ċentri ta’ referenza ġodda tal-UE għall-benessri tal-annimali. Dawn iċ-ċentri se jwettqu studji xjentifiċi u tekniċi, imexxu korsijiet ta’ taħriġ, jagħmlu s-sejbiet tar-riċerka disponibbli u jipprovdu pariri xjentifiċi u tekniċi lill-Istati Membri. Att ta’ implimentazzjoni, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1685, li jaħtar ċentru ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għat-tjur u għal annimali żgħar oħra tar-razzett.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mill-1 ta’ Awwissu 2007 u kellha ssir liġi fl-Istati Membri sat-30 ta’ Ġunju 2010.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Mafqas. Binja fejn ifaqqsu l-bajd tat-tjur tat-trobbija, li spiss ikunu f’kundizzjonijiet artifiċjali bl-użu ta’ inkubaturi.
Densità tal-istokkjar. Il-piż totali tat-tiġieġ ħaj li jinsabu f’dar fl-istess ħin għal kull metru kwadru ta’ żona użabbli.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 2007/43/KE tat-28 ta’ Ġunju 2007 li tistabbilixxi regoli minimi għall-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam (ĠU L 182, 12.7.2007, pp. 19-28).

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2007/43/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1685 tal-4 ta’ Ottubru 2019 li jaħtar Ċentru ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għat-Trattament Xieraq tal-Annimali għat-tjur u għal annimali żgħar oħra tar-razzett (ĠU L 258, 9.10.2019, pp. 11-12).

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2007/43/KE u l-effetti tagħha fuq il-benessri tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam, kif ukoll l-iżvilupp ta’ indikaturi tal-benessri (COM(2018) 181 final, 13.4.2018).

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-impatt tas-selezzjoni ġenetika fuq il-benessri tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam (COM(2016) 182 final, 7.4.2016).

l-aħħar aġġornament 09.11.2021

Fuq