Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA).

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA).

 

SOMMARJU TA’:

l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)

Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea

X’INHU L-GĦAN TAL-ARTIKOLU 287 TAT-TFUE U R-REGOLI TAL-PROĊEDURA?

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) hija l-awditur estern tal-UE. Bħala tali, l-QEA twissi dwar riskji, tipprovdi assigurazzjoni, tindika nuqqasijiet u prattiki tajba u toffri gwida lil dawk li jfasslu l-politika u lill-leġiżlaturi dwar kif itejbu l-maniġment tal-politiki u l-programm tal-UE. Il-QEA taġixxi bħala l-gwardjan indipendenti tal-interessi finanzjarji taċ-ċittadini tal-UE.

L-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiddefinixxi r-rwol tal-Qorti.

Il-QEA tfassal ir-Regoli ta’ Proċedura li għandhom jiġu approvati mill-Kunsill. Dawn jirregolaw il-ħidmiet interni tal-QEA. Ir-regoli jkopru aspetti bħal:

  • l-organizzazzjoni tal-Qorti (ħatriet, karigi, ir-responsabbiltajiet tal-Qorti, elezzjoni tal-President);
  • il-proċeduri ta’ ħidma (laqgħat tal-Qorti u tal-Kmamar; it-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-Qorti, il-Kmamar u l-Kumitati; il-verifiki u t-tħejjija ta’ rapporti, opinjonijiet, osservazzjonijiet u dikjarazzjonijiet ta’ assigurazzjoni).

PUNTI EWLENIN

Kompożizzjoni u struttura

  • Il-Qorti hija korp kolleġġjali, jiġifieri, il-Membri tagħha huma responabbli b’mod konġunt għad-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet meħuda. Hija magħmula minn 27 Membru — wieħed minn kull Stat Membru tal-UE. Il-membri jinħatru għal sitt snin (rinnovabbli). Biex jinħatru, il-Membri għandhom jappartjenu jew kienu jappartjenu korp ta’ verifika esterna fl-Istat Membru tagħhom jew ikunu kkwalifikati b’mod speċjali għal din il-kariga. Membri tal-QEA huma suġġetti għal kodiċi tal-kondotta li tirregola l-indipendenza, l-imparzjalità, l-integrità, l-impenn, il-kolleġjalità, ir-responsabilità u l-obbligi wara li jtemmu l-kariga.
  • Il-membri jeleġġu wieħed minnhom bħala President għal tliet snin (rinnovabbli). Id-dmirijiet tal-President jinkludu li:
    • isejjaħ u jippresjedi l-laqgħat tal-Qorti;
    • jiżgura li d-deċiżjonijiet tal-Qorti jiġu implimentati;
    • jiżgura li d-dipartimenti tal-Qorti inkluż il-protokoll u ż-żjarat, il-komunikazzjoni, kwistjonijiet legali u verifika interna joperaw kif suppost, u li l-attivitajiet differenti huma mmexxija sew;
    • jaħtar aġent li jirrappreżenta l-Qorti fil-proċeduri ġudizzjarji;
    • jirrappreżenta l-Qorti fir-relazzjonijiet esterni tagħha u fir-relazzjonijiet tagħha ma’ istituzzjonijiet tal-UE oħrajn.
  • Il-Qorti għandha Segretarju Ġenerali, li huwa responsabbli għat-tmexxija ta’ kuljum tas-Segretarjat tal-Qorti, kif ukoll għall-amministrazzjoni, il-finanzi u l-appoġġ, ir-riżorsi umani, it-teknoloġija tal-informazzjoni u t-traduzzjoni.
  • Il-Qorti tinkludi wkoll Kmamar u Kumitati:
    • Il-Kmamar jadottaw l-opinjonijiet, rapporti speċjali u rapporti annwali speċifiċi. Dawn iħejju wkoll ir-rapporti annwali dwar il-baġit tal-UE,li mbagħad jiġu adottati mill-Qorti;
    • Il-Kumitati (eż. l-Kumitat Amministrattiv u l-Kumitat tal-Verifika) jieħdu ħsieb kwistjonijiet amministrattivi u deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mal-komunikazzjoni u l-istrateġija.

Il-kompiti tal-Qorti

  • Il-QEA hija awditur estern indipendenti tal-Unjoni Ewropea. Ir-rapporti u l-opinjonijiet tagħha huma element essenzjali tal-katina ta’ kontabilità tal-UE. Dawn jintużaw biex iżommu responsabbli lil dawk li jimplementaw il-politiki u l-programmi tal-UE: il-Kummissjoni, l-istituzzjonijiet u korpi oħra tal-UE, u l-amministrazzjonijiet fl-Istati Membri.
  • Il-QEA twissi dwar riskji, tipprovdi assigurazzjoni, tindika nuqqasijiet u prattiki tajba u toffri gwida lil dawk li jfasslu l-politika u l-leġiżlaturi dwar kif ittejbu l-maniġment tal-politiku u l-programm tal-UE biex ikunu jistgħu jiksbu valur għall-flus.

Verifiki

Dawn huma:

  • ibbażati fuq rekords, u, jekk meħtieġ, imwettqa fuq il-post f’istituzzjonijiet tal-UE oħrajn;
  • imwettqa fuq il-post ta’ kwalunkwe organizzazzjoni li timmaniġġa d-dħul jew in-nefqa f’isem l-UE;
  • imwettqa fl-Istati Membri u f’pajjiżi madwar id-dinja, inkluż fuq il-post ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun irċeviet pagamenti mill-baġit tal-UE.

Fir-rwol tagħha bħala l-awditur estern tal-UE, il-Qorti tikkoopera mal-awtoritajiet nazzjonali u mal-istituzzjonijiet tal-UE. Barra minn hekk, tista’ titlob kwalunkwe informazzjoni meħtieġa biex twettaq il-kompitu tagħha b’suċċess mingħand l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, l-organizzazzjonijiet li jirċievu pagamenti mill-baġit Ewropew jew mingħand istituzzjonijiet tal-verifika nazzjonali.

Strateġija u programmi ta’ ħidma

  • Biex tibqa’ fuq quddiem tal-iżviluppi fl-awditjar tas-settur pubbliku, il-QEA tippjana l-iżvilupp strateġiku u l-prijoritajiet ta’ verifika tagħha bil-quddiem. L-għanijiet ewlenin tagħha huma stipulati fi strateġiji multi annwali.
  • Kull sena, il-Qorti tadotta programm ta’ ħidma li jelenka l-prijoritajiet f’termini ta’ kompiti tal-awditjar. Il-programm huwa ppubblikat, u ppreżentat lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew mill-President tal-Qorti

Il-proċedura ta’ kwittanza annwali

  • Il-Qorti tal-Awdituri ma għandha ebda poteri ġudizzjarji u b’hekk ebda poter biex timponi sanzjonijiet. Wara l-għeluq ta’ kull sena finanzjarja, hija tfassal rapport annwali li għandu jiġi pubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali. Dan ir-rapport jikkonċerna l-maniġment tal-baġit tal-UE u l-Fondi tal-Iżvilupp Ewropew, mill-istituzzjonijiet kompetenti. Dan huwa parti fundamentali mill-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew rigward l-għoti tal-kwittanza tal-baġit lill-Kummissjoni.
  • l-Qorti tal-Awdituri tipprovdi wkoll lill-Kunsill u lill-Parlament b’dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u tafferma li l-baġit intuża tajjeb, b’konformità mar-regoli u r-regolamenti. Barra minn hekk, il-Qorti tista’ wkoll, fi kwalunkwe ħin, tippreżenta osservazzjonijiet, b’mod partikolari fl-għamla ta’ rapporti speċjali, dwar kwistjonijiet speċifiċi, jew tirrevedi rapporti u tibgħat opinjonijiet meta l-Qorti tkun legalment meħtieġa tagħmel dan, fuq talba ta’ waħda mill-istituzzjonijiet Ewropej jew fuq inizjattiva tagħha stess.
  • Il-Qorti tiddeċiedi dwar l-adozzjoni tar-rapport annwali f’sessjoni formali, bil-maġġoranza tal-Membri tagħha. Il-laqgħat tagħha mhumiex pubbliċi, sakemm ma tiddikjarax mod ieħor. Tista’ tiddeċiedi wkoll, fuq bażi ta’ każ b’każ, li tadotta deċiżjonijiet permezz ta’ proċedura bil-miktub.
  • Il-QEA tirrapporta dwar irregolaritajiet fl-użu tal-fondi tal-UE u tirreferi kwalunkwe każ ta’ frodi suspettata skopert waqt il-verifiki tagħha lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jew lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE).

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLI TA’ PROĊEDURA?

Dawn ilhom japplikaw mill-1 ta’ Ġunju 2010.

SFOND

Il-Qorti tal-Awdituri, ibbażata fil-Lussemburgu, twaqqfet fl-1977 u ilha istituzzjoni kompletament tal-UE mill-1992.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Is-Sitt Parti — Dispożizzjonijiet istituzzjonali u finanzjarji — Titolu I — Dispożizzjonijiet istituzzjonali — Kapitolu 1 — L-istituzzjonijiet — Taqsima 7 — Il-Qorti tal-Awdituri — l-Artikolu 287 (ex Artikolu 248 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 170-171)

Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 103, 23.4.2010, pp. 1-6)

Ara l-verżjoni konsolidata.

DOKUMENT RELATAT

Kodiċi tal-Kondotta għall-Membri u l-eks Membri tal-Qorti tal-Awdituri (ĠU L 128, 2.5.2022, pp. 102–113)

l-aħħar aġġornament 02.05.2022

Top