Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Id-drittijiet u l-eliġibbiltà għall-vot fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew

Id-drittijiet u l-eliġibbiltà għall-vot fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE — dwar arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għal-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li joqgħodu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini.

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Hija tistabbilixxi arranġamenti dettaljati li permezz tagħhom iċ-ċittadini tal-UE li jkunu residenti f’pajjiż tal-UE li mhumiex ċittadini tiegħu jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt li jivvutaw u li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew (PE) f’dak il-pajjiż.

PUNTI EWLENIN

Rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti

Id-Direttiva tiddefinixxi r-rekwiżiti li għandu jissodisfa ċittadin ta’ pajjiż ieħor tal-UE sabiex jivvota jew joħroġ bħala kandidat fil-pajjiż ta’ residenza tiegħu. Il-persuna trid tkun:

  • ċittadina tal-UE;
  • residenti fil-pajjiż tal-UE li fih beħsiebha tivvota jew toħroġ bħala kandidata;
  • tissodisfa l-istess kundizzjonijiet bħal ċittadin ta’ dak il-pajjiż tal-UE li jixtieq jivvota jew joħroħ bħala kandidat (il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-votanti ċittadini u mhux ċittadini).

Proċeduri aktar sempliċi biex wieħed jippreżenta applikazzjoni biex joħroġ bħala kandidat

Id-Direttiva kienet ġiet emendata fl-2013 sabiex jiġu ssimplifikati l-proċeduri biex jitressqu l-applikazzjonijiet tal-kandidati meta jkunu jirrisjedu f’pajjiż tal-UE li mhumiex ċittadini tiegħu. Qabel, iċ-ċittadini tal-UE f’din is-sitwazzjoni kellhom jipprovdu ċertifikat mill-pajjiż ta’ ċittadinanza tagħhom li ma kinux skwalifikati milli joħorġu għall-elezzjonijiet tal-PE f’dak il-pajjiż. Mill-2014 ’l hawn, meta ċ-ċittadini tal-UE jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom biex joħorġu għall-elezzjoni, jistgħu jipprovdu dikjarazzjoni minflok iċ-ċertifikat. L-awtoritajiet tal-pajjiżi ta’ residenza tal-UE tagħhom iridu jikkomunikaw mal-pajjiżi ta’ ċittadinanza sabiex jivverifikaw il-validità tad-dikjarazzjoni. Biex tiġi żgurata komunikazzjoni effettiva, kull pajjiż tal-UE jrid jagħżel punt ta’ kuntatt wieħed li jkun responsabbli għan-notifika ta’ informazzjoni dwar dawn il-kandidati.

L-eżerċitar tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura

Iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw u li joħorġu bħala kandidati kemm fil-pajjiż ta’ residenza tal-UE kif ukoll fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. Ħadd ma jista’ jivvota aktar minn darba jew joħroġ bħala kandidat f’aktar minn pajjiż wieħed tal-UE.

Ir-reġistrazzjoni fir-reġistru elettorali

Il-votanti għandhom jiddaħħlu fir-reġistru elettorali tal-pajjiż ta’ residenza tagħhom jekk jagħmlu talba minn qabel. Fil-pajjiżi tal-UE fejn iċ-ċittadini huma legalment obbligati li jivvutaw, il-votanti mhux ċittadini li jitolbu li jiddaħħlu fir-reġistru elettorali huma soġġetti għall-istess obbligu.

Sabiex jiddaħħal isimhom fir-reġistru elettorali, il-votanti mhux ċittadini jridu jippreżentaw l-istess dokumenti bħall-votanti ċittadini. Barra minn hekk, iridu jipprovdu aktar informazzjoni fil-forma ta’ dikjarazzjoni formali.

Rimedji legali

Ir-rimedji legali disponibbli għaċ-ċittadini għandhom ikunu disponibbli wkoll għal dawk li mhumiex ċittadini u li jiġu rrifjutati r-reġistrazzjoni fir-reġistru elettorali jew li l-applikazzjoni tagħhom biex joħorġu bħala kandidati tiġi rrifjutata.

Regoli nazzjonali dwar iċ-ċittadini li jgħixu barra t-territorju tagħhom

Xejn fid-Direttiva 93/109/KE ma jista’ jaffettwa r-regoli ta’ kull pajjiż tal-UE rigward id-dritt għall-vot jew għall-kandidatura taċ-ċittadini tiegħu li jirrisjedu barra t-territorju elettorali tiegħu.

MINN META TAPPLIKA DIN ID-DIRETTIVA?

Id-Direttiva ilha tapplika mit-30 ta’ Diċembru 1993. Kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-1 ta’ Frar 1994.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE tas-6 ta’ Diċembru 1993 dwar arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għal-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li joqgħodu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini. (ĠU L 329, 30.12.1993, pp. 34-38)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 93/109/KE ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 15.12.2017

Top