Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar it-trasferiment ta’ data dwar messaġġi finanzjarji

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar it-trasferiment ta’ data dwar messaġġi finanzjarji

 

SOMMARJU TA’:

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu

Deċiżjoni 2010/412/UE dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONI?

Bl-għan li jipprevjeni, jinvestiga, jirrintraċċa jew jipproċedi kontra t-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu, il-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti jikkonċerna t-trasferiment ta’:

  • messaġġi dwar pagamenti finanzjarji li jirreferu għal trasferimenti finanzjarji u data relatata minn fornituri maħtura* fl-UE lid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti;
  • informazzjoni rilevanti mill-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (TFTP) tad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, tas-sigurtà pubblika jew ta’ kontra t-terroriżmu tal-pajjiżi tal-UE, jew lill-Europol jew lill-Eurojust.

Id-Deċiżjoni tikkonkludi l-Ftehim f’isem l-UE.

PUNTI EWLENIN

  • Sabiex jikseb id-data neċessarja mill-UE, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti jagħmel talba, u jibgħat kwalunkwe dokument addizzjonali, lil fornitur maħtur fl-Istati Uniti. Fl-istess ħin, jibgħat kopja ta’ dawn id-dokumenti lill-Europol, li tivverifika li t-talba hija konformi mar-rekwiżiti tal-Ftehim u tinnotifika lill-fornitur maħtur kif xieraq. Ladarba l-konformità tat-talba tiġi kkonfermata, it-talba jkollha effett legali vinkolanti u l-fornitur maħtur ikun meħtieġ li jittrasferixxi d-data lid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti.
  • Id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti jrid jiżgura li jiġu applikati ċerti salvagwardji, partikolarment fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali, meta d-data pprovduta tiġi pproċessata. Id-data tista’ tiġi pproċessata biss għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, ir-rintraċċar, jew il-prosekuzzjoni tat-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu. Trid tiġi mħarsa minn aċċess, kxif jew telf mhux awtorizzat, kif ukoll minn kwalunkwe forma mhux awtorizzata ta’ pproċessar. Tiftix tad-data pprovduta jista’ jsir biss fejn teżisti diġà informazzjoni jew evidenza li tindika li s-suġġett tat-tiftixa jista’ jkun marbut mat-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu. It-tiftix kollu u r-raġunijiet għalih iridu jiġu rreġistrati.
  • Id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti jrid iħassar id-data mhux estratta:
    • li ma tibqax meħtieġa għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, abbażi ta’ valutazzjoni annwali (mill-inqas);
    • trażmessa mingħajr ma tkun intalbet;
    • sa mhux aktar tard mill-20 ta’ Lulju 2012, jekk waslet qabel l-20 ta’ Lulju 2007;
    • mhux aktar tard minn 5 snin minn meta tasal, jekk tasal wara l-20 ta’ Lulju 2007.
  • Id-data estratta tista’ tinżamm biss sakemm ikun meħtieġ biex jintlaħaq l-għan li għalih tintalab. Il-Ftehim jiddefinixxi wkoll is-salvagwardji biex jiġu llimitati t-trasferimenti ’l quddiem ta’ data estratta.
  • Id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti jrid iqiegħed informazzjoni mit-TFTP li tista’ tikkontribwixxi għall-azzjonijiet tal-UE kontra t-terroriżmu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiżi tal-UE kkonċernati u, kif xieraq, lill-Europol u l-Eurojust. Bl-istess mod, jekk xi informazzjoni addizzjonali titqies li tkun meħtieġa għall-ġlieda tal-Istati Uniti kontra t-terroriżmu, trid tiġi mgħoddija lura. Biex jiġi ffaċilitat dan l-iskambju ta’ informazzjoni, uffiċjal ta’ kollegament tal-Europol jista’ jiġi ddelegat għad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti.
  • Awtorità nazzjonali rilevanti, l-Eurpol jew l-Eurojust jistgħu jitolbu lid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti biex ifittex f’data miksuba permezz tat-TFTP u jittrasferixxi l-informazzjoni rilevanti jekk ikun hemm xi raġuni biex wieħed jaħseb li persuna jew entità għandha rabta mat-terrroriżmu jew mal-finanzjament tiegħu kif definit fid-Direttiva (UE) 2017/541 dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu u d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus.
  • Matul il-perjodu tal-Ftehim, il-Kummissjoni Ewropea għandha teżamina l-għażliet disponibbli għall-istabbiliment ta’ sistema tal-UE ekwivalenti għal dik tat-TFTP tal-Istati Uniti. Ladarba tiġi stabbilita sistema Ewropea, ikun hemm bżonn li dan il-Ftehim jiġi rivedut u possibbilment immodifikat u jiġi żgurat li s-sistemi huma komplementari.
  • Osservaturi indipendenti jimmonitorjaw il-konformità mal-limitazzjonijiet u s-salvagwardji tal-Ftehim. Huma għandhom l-awtorità li jirrevedu, jistaqsu u jimblukkaw it-tiftix ta’ data pprovduta, kif ukoll jitolbu ġustifikazzjonijiet addizzjonali dwar ir-rabta mat-terroriżmu. Wieħed minn dawn l-osservaturi jiġi maħtur mill-Kummissjoni.
  • Permezz tal-awtorità nazzjonali tal-protezzjoni tad-data, persuna għandha d-dritt li titlob konferma li d-data personali tagħha ġiet ipproċessata f’konformità mad-drittijiet tal-protezzjoni tad-data taħt id-Direttiva (UE) 2016/680 dwar il-protezzjoni ta’ data personali meta tiġi użata mill-pulizija u mill-awtoritajiet tal-ġustizzja kriminali. It-tixrid ta’ din l-informazzjoni jista’ jiġi rrifjutat jew ristrett jekk ikun meħtieġ għall-ġlieda kontra t-terroriżmu jew għall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika jew nazzjonali. F’tali każijiet, tingħata spjegazzjoni bil-miktub lill-persuna, flimkien mal-informazzjoni dwar il-possibbilità li tfittex rimedju amministrattiv u ġudizzjarju fl-Istati Uniti. Persuna għandha wkoll id-dritt li titlob ir-rettifika, it-tħassir jew l-imblukkar ta’ data personali li ma tkunx preċiża jew ġiet ipproċessata ħażin. Sabiex tinżamm il-preċiżjoni tal-informazzjoni rċevuta jew trażmessa taħt dan il-Ftehim, id-data tista’ tiġi supplimentata, mħassra jew korretta minn kull parti. Id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti jipprovdi informazzjoni fuq it-TFTP, inkluż dwar id-dritt ta’ rimedju, fuq sit web pubbliku.

MINN META JIBDEW JAPPLIKAW IL-FTEHIM U D-DEĊIŻJONI?

Id-deċiżjoni ilha tapplika mit-13 ta’ Lulju 2010. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2010 għal perjodu ta’ 5 snin. Wara dan, jiġi awtomatikament estiż għal perjodi sussegwenti ta’ sena, sakemm waħda mill-partijiet ma tinnotifikax l-intenzjoni tagħha li ma testendihx.

SFOND

Għal iktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Fornituri maħtura: fornituri ta’ servizzi ta’ messaġġi dwar pagamenti finanzjarji internazzjonali.

DOKUMENTI EWLIENI

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (ĠU L 195, 27.7.2010, pp. 5-14)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/412/UE tat-13 ta’ Lulju 2010 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (ĠU L 195, 27.7.2010, pp. 3-4)

L-emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni 2010/412/UE ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, pp. 6-21)

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Rapport dwar ir-Reviżjoni Konġunta tal-implimentazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-UE għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu — li Jakkumpanja d-dokument — Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill — Dwar ir-reviżjoni konġunta tal-implimentazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-UE għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (SWD(2017) 17 finali)

Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, pp. 89-131)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Informazzjoni dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm għat-Traċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (ĠU L 195, 27.7.2010, pp. 15)

l-aħħar aġġornament 21.01.2019

Top