EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Obbligi ta’ manteniment

Obbligi ta’ manteniment

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Huwa jintroduċi regoli li jiffaċilitaw il-pagament ta’ talbiet transkonfinali ta’ manteniment. Tali talbiet joriġinaw mill-obbligu li jgħinu lill-membri tal-familja u jistgħu jinkludu, pereżempju, manteniment imħallas lil wild jew lil konjuġi preċedenti wara divorzju.

PUNTI EWLENIN

Ir-Regolament japplika għal obbligi ta’ manteniment li jirriżultaw minn:

  • relazzjoni familjari;
  • parentela;
  • żwieġ jew affinità.

Ġurisdizzjoni

  • Fi kwistjonijiet ta’ obbligi ta’ manteniment, il-ġurisidizzjoni taqa’ f’idejn:
    • il-qorti tal-post fejn il-konvenut jew il-kreditur normalment jgħix jew
    • il-qorti li għandha l-ġurisidizzjoni fuq l-istatus ta’ persuna (pereżempju divorzju) jew responsabilità parentali, jekk dawn jikkonċernaw it-talba ta’ manteniment (diment li l-ġurisidizzjoni ma tkunx ibbażata biss fuq in-nazzjonalità ta’ waħda mill-partijiet).
  • Il-partijiet jistgħu, taħt ċertu kundizzjonijiet, jaqblu dwar il-qorti jew qrati ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (UE) li jista’ jkollu ġuriżdizzjoni biex isolvi t-tilwima, sakemm ma tkunx relatata ma’ obbligi ta’ manteniment lejn wildtaħt it-18-il sena.
  • Meta l-konvenut jidher quddiem qorti ta’ Stat Membru, dik il-qorti jkollha l-ġurisidizzjoni, sakemm il-konvenut ma jikkontestax il-ġurisidizzjoni tiegħu.
  • Jekk ebda mill-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq ma tapplika, it-tilwima tista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, tinġieb quddiem il-qrati ta’ Stat Membru li ż-żewġ partijiet huma ċittadini tiegħu.
  • Meta ebda waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fuq ma tapplika, il-kwistjoni tista’ tinġieb quddiem il-qorti ta’ Stat Membru li miegħu l-każ għandu konnessjoni suffiċjenti jekk il-proċeduri ma jistgħux jinġiebu b’mod raġonevoli f’pajjiż li t-tilwima hija relatata mill-qrib miegħu.
  • Diment li l-kreditur ikompli jgħix fl-Istat Membru li fih ingħatat id-deċiżjoni dwar obbligi ta’ manteniment, id-debitur ma jistax, b’ċerti eċċezzjonijiet, iressaq proċeduri sabiex jimmodifika d-deċiżjoni fi Stat Membru ieħor. Il-kreditur jista’ madankollu jaqbel li t-tilwima tiġi deċiża minn qorti oħra.
  • Jekk il-proċeduri li jikkonċernaw l-istess partijiet u jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni jitressqu quddiem il-qrati ta’ Stat Membru differenti, il-ġurisidizzjoni taqa’ għand l-ewwel qorti li quddiemha tressqet il-kawża.
  • Irrispettivament liema qorti għandha ġurisidizzjoni fir-rigward tas-sustanza, applikazzjonijiet għal miżuri provviżorji u protettivi jistgħu jiġu ppreżentati quddiem kwalunkwe qorti ta’ Stat Membru.

Rikonixximent u infurzar tad-deċiżjonijiet

  • Deċiżjoni dwar obbligi ta’ manteniment meħuda fi Stat Membru wieħed għandha tiġi rikonoxxuta fi Stat Membru ieħor mingħajr ebda proċedura speċjali.
  • L-Istati Membri kollha, ħlief id-Danimarka, huma marbutin mill-Protokoll tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment.
  • Meta d-deċiżjoni tittieħed minn Stat Membru marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007, ir-rikonoxximent tiegħu ma jistax jiġi kkontestat. Dan japplika biss jekk l-Istat Membru kien marbut mal-Protokoll tal-Aja fil-bidu tal-proċeduri.
  • Meta d-deċiżjoni tittieħed minn Stat Membru mhux marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007, ir-rikonoxximent tiegħu jista’ jiġi rifjutat f’ċerti każijiet u jista’ jiġi infurzat biss fi Stat Membru ieħor jekk dikjarazzjoni tal-infurzabilità tagħha tkun inkisbet f’dak l-Istat Membru. Dan japplika wkoll għal sitwazzjonijiet fejn il-proċeduri oriġinali tal-qorti nbdew qabel ir-Regolament ta’ Manteniment jsir applikabbli (18 ta’ Ġunju 2011), iżda mhux qabel l-Istat Membru kien marbut mar-Regolament ta’ Brussell I (Regolament (KE) Nru 44/2001).
  • Fil-każijiet kollha, il-qorti tal-oriġini tista’ tiddikjara deċiżjoni bħala infurzabbli provviżorjament. Meta d-deċiżjoni jkollha tiġi infurzata fi Stat Membru għajr dak li fih tkun ittieħdet oriġinarjament, l-infurzar ikun regolat mil-liġi ta’ dak l-Istat Membru.
  • Id-deċiżjoni meħuda fi Stat Membru ma tistax tiġi riveduta fir-rigward tas-sustanza tagħha fl-Istat Membru li fih jitfittxu r-rikonoxximent, l-eżegwibbiltà jew l-infurzar tagħha.
  • Għajnuna legali bla ħlas tista’ tingħata fir-rigward tal-applikazzjonijiet dwar obbligi ta’ manteniment li jirriżultaw minn relazzjoni bejn ġenitur u wild lejn persuna li għandha inqas minn 21 sena diment li applikazzjonijiet bħal dawn isiru permezz tal-awtoritajiet ċentrali.

Awtoritajiet ċentrali

  • Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità ċentrali responsabbli sabiex tgħin lil partijiet fl-istabbiliment u fl-irkupru tal-manteniment. B’mod partikolari, huma jibagħtu u jirċievu applikazzjonijiet li hemm ipprovdut għalihom taħt ir-regolament u li jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jintroduċi jew jiffaċilita l-introduzzjoni tal-proċeduri neċessarji.
  • L-awtoritajiet ċentrali għandhom jikkooperaw ma’ xulxin, jippromwovu l-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tagħhom u jfittxu soluzzjonijiet għal diffikultajiet li jistgħu jirriżultaw fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Biex jagħmlu dan, għandhom jużaw in-Network Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali stabbiliti taħt id-Deċiżjoni 2001/470/KE.

Dispożizzjonijiet finali

Ir-Regolament jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet dwar l-obbligi ta’ manteniment tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali. Jissostitwixxi wkoll ir-Regolament (KE) Nru 805/2004 li joħloq ordni Ewropea ta’ infurzar għal talbiet mhux kontestati, għajr ordnijiet ta’ infurzar Ewropej dwar obbligi ta’ manteniment maħruġa minn Stati Membri li mhumiex marbutin mill-Protokoll tal-Aja tal-2007 (ara s-sommarju).

Leġiżlazzjoni li temenda

Ir-Regolament (KE) Nru 4/2009 ġie emendat erba’ darbiet:

  • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1142/2011 jistabbilixxi annessi ġodda (Annessi X u XI) li jelenkaw l-awtoritajiet amministrattivi u kompetenti tal-Istati Membri;
  • Ir-Regolament (KE) Nru 517/2013 jemenda serje ta’ regolamenti u deċiżjonijiet, inkluż Regolament (KE) Nr 4/2009, minħabba l-adeżjoni tal-Kroazja għas-sħubija tal-UE;
  • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/228 issostitwixxa l-Annessi I sa VII biex jikkunsidraw
    • l-adeżjoni tal-Kroazja għal sħubija fl-UE
    • il-bidliet fil-muniti tal-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja
    • ix-xewqa tar-Renju Unit hija li jieħu sehem fl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 4/2009
    • il-ħtieġa li jinkludi referenza għad-Danimarka fl-Annessi II u IV minħabba x-xewqa tiegħu li parzjalment jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 4/2009
    • emendi ta’ ċerti taqsimiet ta’ Annessi VI u VII biex jiffaċilitaw l-applikazzjoni tagħhom;
  • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1937 issostitwixxa Anness X biex jikkunsidra l-bidliet lill-awtoritajiet amministrattivi notifikati lill-Kummissjoni Ewropea mir-Renju Unit u l-Latvja.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ir-regolament ilu japplika mit-18 ta’ Ġunju 2011. Dan japplika għad-Danimarka minkejja n-non-parteċipazzjoni tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja tal-UE.

Id-Danimarka kkonfermat l-intenzjoni tagħha għall-implimentazzjoni tar-regolament, sakemm ir-regolament jemenda r-Regolament (KE) Nru 44/2001, permezz ta’ dikjarazzjoni bbażata fuq ftehim parallel konkluż mal-Komunità Ewropea.

Fl-2013, id-Danimarka kkonfermat l-intenzjoni tagħha għall-implimentazzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni (Regolament ta’ implimentazzjoni (UE) Nru 1142/2011) li jistabbilixxi l-Annessi X u XI għar-Regolament (KE) Nru 4/2009.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU L 7, 10.1.2009, pp. 1-79)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 4/2009 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka, dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 195, 18.7.2013, p. 1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/432/UE tad-9 ta’ Ġunju 2011 dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar l-Irkupru Internazzjonali ta’ Manteniment għat-Tfal u Forom Oħrajn ta’ Manteniment tal-Familja (ĠU L 192, 22.7.2011, pp. 39–50)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/220/UE tal-31 ta’ Marzu 2011 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar l-Irkupru Internazzjonali ta’ Manteniment għat-Tfal u Forom Oħrajn ta’ Manteniment tal-Familja (ĠU L 93, 7.4.2011, p. 9)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/451/KE tat-8 ta’ Ġunju 2009 dwar l-intenzjoni tar-Renju Unit biex taċċetta ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU L 149, 12.6.2009, p. 73)

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka, dwar il-ġuriżdizzjoni ir-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 149, 12.6.2009, p. 80)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/325/KE tas-27 ta’ April 2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’ materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 120, 5.5.2006, p. 22)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 22.09.2021

Top