EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-liġi sekondarja tal-Unjoni Ewropea

Il-liġi sekondarja tal-Unjoni Ewropea

 

SOMMARJU TA’:

l-Artikolu 288 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)

l-Artikolu 289 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)

l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)

l-Artikolu 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)

X’INHU L-GĦAN TAL-ARTIKOLI 289, 289, 290 U 291 TAT-TFUE?

Il-liġi sekondarja tal-Unjoni Ewropea (UE) hija l-korp tal-liġi li hija bbażata fuq it-trattati tal-UE. Dan jiddistingwiha mil-liġi primarja tal-UE li tikkonsisti primarjament minn trattati, notevolment it-Trattat ta’ Ruma (ara s-sommarju), li evolva fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (ara s-sommarju), it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (ara s-sommarju), ibbażat fuq it-Trattat ta’ Maastricht (ara s-sommarju), u t-Trattat tal-Euratom (ara s-sommarju). Il-liġi primarja tistabilixxi d-distribuzzjoni tas-setgħat u r-responsabbiltajiet bejn l-UE u l-Istati Membri tal-UE u tipprovdi l-kuntest legali li fihom l-istituzzjonijiet tal-UE jifformulaw u jimplimentaw politiki.

It-Trattat ta’ Lisbona (ara s-sommarju) irreveda t-tipi ta’ atti legali tal-UE. Hemm ħames tipi ta’ atti legali disponibbli għall-istituzzjoni tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Atti legali tal-UE u t-tipi tagħhom

Skont l-Artikolu 288 tat-TFUE, l-istituzzjonijiet Ewropej jistgħu jadottaw ħames tipi ta’ atti legali:

Ir-regolamenti, direttivi u deċiżjonijiet huma atti legali vinkolanti. Jekk ikunu adottati permezz ta’ proċedura leġiżlattiva skont l-Artikolu 289, huma kkunsidrati bħala atti leġiżlattivi. Deċiżjoni tista’ tindirizza speċifikament destinatarju wieħed jew aktar (Stati Membri, persuni fiżiċi jew ġuridiċi). Hemm ukoll deċiżjonijiet mingħajr ebda destinatarju speċifiku, b’mod partikolari fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni.

Rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet huma atti legali mhux leġiżlattivi u mhux vinkolanti.

Hemm ukoll atti li mhumiex elenkati fl-Artikolu 288 tat-TFUE.

  • Ċerti atti speċifiċi bbażati fuq trattati preċedenti: pereżempju, fil-qasam tal-materji kriminali, il-libertà, il-ġustizzja u s-sigurtà, “id-deċiżjonijiet qafas” jibqgħu japplikaw (dawn ġew adottati qabel ma daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona, meta l-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fi kwistjonijiet kriminali kellha status speċifiku).
  • Atti atipiċi”, li jinkludu ftehimiet interistituzzjonali (eż. dwar dixxiplina baġitarja (ara s-sommarju) u r-regoli ta’ proċedura (eż. ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew (ara s-sommarju) u tal-Kummissjoni (ara s-sommarju), li huma atti legalment vinkolanti, u riżoluzzjonijiet u konklużjonijiet, li mhumiex maħsuba li jkollhom effetti legali. Dawn jissemmew f’Artikoli oħra fit-trattati tal-UE jew jirriżultaw mill-prattika tal-istituzzjonijiet tal-UE.

L-istatus legali tal-liġi sekondarja

  • L-istituzzjonijiet tal-UE huma ħielsa biex jagħżlu t-tip ta’ att li jqisu li huwa l-aktar xieraq biex jimplimentaw il-politika tagħhom.
  • Madankollu, peress li l-UE għandha biss il-kompetenzi li jingħatawlha mit-trattati, kwalunkwe att irid isemmi l-bażi ġuridika li tikkorrispondi għall-qasam li fih l-istituzzjonijiet Ewropej qegħdin jieħdu azzjoni.
  • Barra minn hekk, skont l-Artikolu 296 tat-TFUE, l-atti huma meħtieġa jsemmu l-istrumenti li jagħtu s-setgħa biex dawn jiġu adottati (fil-kunsiderazzjonijiet li jibdew b’“wara li kkunsidra”) u jistqarru r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati (fil-premessi li jibdew b’“billi”).
  • Taħt kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 297 tat-TFUE, l-atti legali jew jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew inkella jiġu notifikati lid-destinatarju/destinatarji. Jekk jiġu ppubblikati, jistgħu jidħlu fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħhom, sakemm ma jkunx indikat mod ieħor fit-test tagħhom. Atti legali oħra, li jispeċifikaw lil min huma indirizzati, jiġu nnotifikati lil dawk li lilhom huma indirizzati u jsiru effettivi man-notifika.
  • F’ħafna każijiet, il-legalità tagħhom tista’ tiġi kkontestata fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea permezz tar-rikors għal annullament (skont l-Artikolu 263 tat-TFUE). Madankollu, dan ma japplikax fil-każ ta’ rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet.

Atti delegati

  • L-Artikolu 290 tat-TFUE jippermetti lil-leġiżlatur tal-UE (ġeneralment il-Parlament Ewropew u l-Kunsill) sabiex jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġiżlattivi ta’ applikazzjoni ġenerali li jissupplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali ta’ att leġiżlattiv. B’hekk, il-leġiżlatur jista’ jikkonċentra fuq id-direzzjoni u l-objettivi tal-politika mingħajr ma jidħol f’dibattiti dettaljati żżejjed u ta’ spiss tekniċi ħafna.
  • Madankollu, id-delega tas-setgħa li tadotta atti delegati hija soġġetta għal limiti stretti. Tabilħaqq, hija biss il-Kummissjoni li tista’ tiġi awtorizzata sabiex tadotta atti delegati. Barra minn hekk, l-elementi essenzjali ta’ qasam partikolari jistgħu ma jkunux soġġetti għal delega ta’ setgħa. Minbarra dan, l-objettivi, il-kontenut, il-kamp ta’ applikazzjoni u d-durata tad-delega tas-setgħa għandhom jiġu definiti fl-atti leġiżlattivi. Fl-aħħar nett, il-leġiżlatur għandu jistabbilixxi b’mod espliċitu fl-att leġiżlattiv il-kundizzjonijiet li taħthom tista’ tiġi eżerċitata din id-delega. F’dan ir-rigward, il-Parlament u l-Kunsill jistgħu jipprevedu d-dritt li jirrevokaw id-delega jew li jesprimu oġġezzjonijiet għall-att delegat.
  • Din il-proċedura tintuża b’mod wiesa’ f’ħafna oqsma, pereżempju: is-suq intern, l-agrikoltura, l-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumaturi, it-trasport u l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

Atti ta’ implimentazzjoni

  • Ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni ta’ atti legalment vinkolanti tal-UE hija primarjament tal-Istati Membri. Madankollu, xi atti legalment vinkolanti tal-UE jirrikjedu kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni. F’dawn il-każijiet, il-Kummissjoni jew, f’każijiet speċifiċi debitament iġġustifikati u fil-każijiet ipprovduti fl-Artikoli 24 u 26 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill huwa mogħti s-setgħa li jadotta atti ta’ implimentazzjoni (l-Artikolu 291 tat-TFUE).
  • Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali li jikkonċernaw il-mekkaniżmi għall-kontroll mill-pajjiżi tal-UE tal-eżerċitar tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni (ara s-sommarju). Dan il-kontroll jiġi esegwit permezz ta’ dawk li fit-terminoloġija tal-UE huma magħrufa bħala proċeduri ta’ komitoloġija, jiġifieri, il-Kummissjoni tiġi assistita minn kumitati li jikkonsistu f’rappreżentanti tal-Istati Membri, li huma ppreseduti minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Kwalunkwe abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni jiġi ppreżentat lill-kumitat mill-president tiegħu.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Is-Sitt Parti — Dispożizzjonijiet istituzzjonali u finanzjarji — Titolu I — Dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istituzzjonijiet — Kapitolu 2 — Atti legali tal-Unjoni, proċeduri ta’ adozzjoni u dispożizzjonijiet oħra — Taqsima 1: L-atti legali tal-Unjoni — l-Artikolu 288 (ex Artikolu 249 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 171–172).

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Is-Sitt Parti — Dispożizzjonijiet istituzzjonali u finanzjarji — Titolu I — Dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istituzzjonijiet — Kapitolu 2 — Atti legali tal-Unjoni, proċeduri ta’ adozzjoni u dispożizzjonijiet oħra — Taqsima 1: L-atti legali tal-Unjoni — l-Artikolu 289) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 172).

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Is-Sitt Parti — Dispożizzjonijiet istituzzjonali u finanzjarji — Titolu I — Dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istituzzjonijiet — Kapitolu 2 — Atti legali tal-Unjoni, proċeduri ta’ adozzjoni u dispożizzjonijiet oħra — Taqsima 1: L-atti legali tal-Unjoni — l-Artikolu 290) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 172).

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Is-Sitt Parti — Dispożizzjonijiet istituzzjonali u finanzjarji — Titolu I — Dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istituzzjonijiet — Kapitolu 2 — Atti legali tal-Unjoni, proċeduri ta’ adozzjoni u dispożizzjonijiet oħra — Taqsima 1: L-atti legali tal-Unjoni — l-Artikolu 291) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 173).

DOKUMENTI RELATATI

Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ Ftehim Interistituzzjonali ta’ riżorsi proprji ġodda tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda (ĠU L 433I, 22.12.2020, pp. 28–46).

Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, pp. 13–18).

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2009/882/UE tal-tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU L 315, 2.12.2009, p. 51).

l-aħħar aġġornament 02.12.2021

Top