EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Għajnuna mill-istat — is-setturi tas-sajd u l-akkwakultura

Għajnuna mill-istat — is-setturi tas-sajd u l-akkwakultura

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2022/2473 li jiddikjara li ċerti kategoriji tal-għajnuna lil impriżi li huma attivi fil-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura huma kompatibbli mas-suq intern b’applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Ir-Regolament (UE) Nru 717/2014 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENTI?

  • Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/2473, magħruf bħala r-regolament ta’ blokka ta’ eżenzjoni fis-sajd, jikkonferma l-kategoriji speċifiċi tal-għajnuna li hija kompatibbli mar-regoli tal-Għajnuna Statali tal-Unjoni Ewropea (UE). Huwa jeżentahom milli jibgħatu notifika minn qabel lill- jew approvazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea.
  • It-tibdil jippermetti lill-Istati Membri tal-UE biex jipprovdu għajnuna malajr, jissimplifikaw l-proċeduri u jżidu t-trasparenza, evalwazzjoni u kontroll tal-assistenza finanzjarja mogħtija.
  • Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru. 717/2014 jistabbilixxi r-regoli għal de minimis* għajnuna fis-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura. Huwa jistabbilixxi l-kundizzjonijiet fejn l-għajnuna mill-istat tkun eżenta mill-projbizzjoni f’Artiklu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u ma jkunx hemm bżonn ta’ notifika lill-Kummissjoni taħt Artiklu 108(3) tat-Trattat.
  • Huwa jistabbilixxi t-termini għall-għajnuna u jpoġġi limiti fuq l-ammonti permessi.

PUNTI EWLENIN

Ir-Regolament (UE) 2022/2473 japplika għall-kategoriji li ġejjin ta’ għajnuna lil:

  • intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (SMEs kif definiti fl-Anness I) involuti fil-produzzjoni, fl-ipproċessar jew fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura;
  • muniċipalitajiet fi proġetti ta’ żvilupp lokali mmexxija mill-komunità;
  • portijiet tas-sajd, siti tal-ħatt, swali tal-irkant u xelters;
  • kumpaniji involuti fil-produzzjoni fl-ipproċessar jew fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura biex:
    • jagħmlu tajjeb għall-ħsara minn diżastri naturali u klima ħażin, bħal għarghar jew nixfa severa,
    • isewwu l-ħsara li tkun ġiet kawżata mill-annimali protetti*,
    • jinnovaw fis-sajd u fl-akkwakultura.

Huwa jistipula:

  • il-limiti varji li jekk jinqabżu jkunu jeħtieġu li jiġu notifikati;
  • regoli fuq l-intensità massima (Anness IV) u l-ispejjeż eliġibbli;
  • kundizzjonijiet speċifiċi għal kull kategorija ta’ għajnuna.

L-għajnuna għandha:

  • tkun trasparenti biex tagħmel il-kalkolazzjoni preċiża possibbli tat-total ekwivalenti tal-għotja (għotjiet, self, sussidji fuq ir-rata tal-interessi u servizzi sussidjati, pereżempju);
  • Tipprovdi inċentiv, jiġifieri benefiċjarju potenzjali jkun issottometta talba għall-għajnuna bil-miktub qabel ma jibda l-proġett jew l-attività;
  • tkun ippubblikata fuq siti tal-internet nazzjonali u tal-Kummissjoni (Annessi II u III jistipulaw ir-rekwiżiti).

Ir-regolament jitlob:

  • il-Kummissjoni li tagħti struzzjonijiet lill-IStati Membri biex jinnotifikaw l-għajnuna futura, jekk issib li l-għajnuna li diġà ingħatat ma tilħaqx il-kundizzjonijiet fir-regolament.
  • L-Istati Membri:
    • jibgħatu lill-Kummissjoni sommarju ta’ kull miżura ta’ għajnuna li jagħtu u jipprovdu rapport annwali,
    • jżommu rekords dettaljati, b’dokumentazzjoni t’appoġġ għal tal-inqas 10 snin;
  • esperti independenti li jevalwaw l-iskemi ta’ għajnuna wara l-implimentazzjoni tagħhom, jekk l-ispiża tmur ’il fuq minn €150 miljun f’sena jew €750 miljun għall-ħajja tal-iskema.

Ir-regolament japplika għall-kundizzjonijiet ġenerali li ġejjin:

  • Il-konformità tal-benefiċjarju mal-politika komuni tas-sajd;
  • sajd sostenibbli:
    • bastiment li rċieva l-għajnuna ma jistax jiġi trasferit jew jingħata bandiera oħra għal mill-inqas 5 snin mill-aħħar pagament,
    • l-ispejjeż operattivi mhumiex eliġibbli sakemm ma jkunux espressament ipprovduti;
  • akkwakultura sostenibbli:
    • l-għajnuna hija limitata għall-
    • għajnuna li ma tingħatax lill-agrikultura ta’ organiżmi midifikati ġenetikament.

Ir-regolament japplika għall-kategoriji ta’ għajnuna li ġejjin:

  • It-tiswir ta’ sajd sostenibbli u r-restorazzjoni u l-konservazzjoni ta’ riżorsi akkwatiċi bijoloġiċi:
    • innovazzjoni fis-sajd;
    • servizzi ta’ konsulenza;
    • partenarjati bejn xjentisti u sajjieda;
    • promozzjoni tal-kapital uman u tad-djalogu soċjali;
    • diversifikazzjoni u forom ġodda ta’ introjtu;
    • ix-xiri tal-ewwel bastiment tas-sajd;
    • titjib fis-saħħa, fis-sigurtà u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sajjieda;
    • ħlas ta’ primjums ta’ assigurazzjoni u kontribuzzjonijiet finanzjarji għal fondi reċiproċi;
    • sistemi li jallokaw opportunitajiet għas-sajd;
    • il-limitazzjoni tal-impatt ambjentali tas-sajd u l-adattament tas-sajd għall-protezzjoni tal-ispeċi;
    • innovazzjoni marbuta mal-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar;
    • il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar;
    • titjib tal-effiċjenza enerġetika u l-mitigazzjoni ta’ effetti tat-tibdil fil-klima;
    • valur miżjud, kwalità tal-prodott u użu ta’ qabdiet mhux mixtieqa;
    • portijiet tas-sajd, siti tal-ħatt, swali tal-irkant u xelters;
    • sajd intern u fawna u flora akkwatiċi interni.
  • It-trawwim ta’ akkwakultura sostenibbli:
    • innovazzjoni fl-akkwakultura;
    • titjib fil-produttività jew fl-impatti pożittivi fuq l-amabjent tal-akkwakultura;
    • servizzi ta’ ġestjoni, għajnuna u konsulenza;
    • il-promozzjoni tal-kapital uman u tan-networking;
    • żieda fil-potenzjal tas-siti tal-akkwakultura;
    • l-inkoraġġiment għal produtturi ġodda li jipprattikaw biedja sostenibbli tas-sajd;
    • il-konverżjoni għal ġestjoni ekoloġika, skemi ta’ verifika u akkwakultura organika;
    • servizzi ambjentali;
    • is-saħħa pubblika;
    • is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali;
    • Il-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni tal-mard;
    • il-prevenzjoni u l-mitigazzjoni ta’ ħsara minn marda tal-annimali;
    • assigurazzjoni tal-istokk tal-akkwakultura.
  • il-kummerċjalizzazzjoni u l-ipproċessar ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura;
  • Għajnuna oħra:
    • Il-ġbir, l-immaniġġjar, l-użu u l-ipproċessar tad-data;
    • Il-prevenzjoni u l-mitigazzjoni għal, u li jagħmel tajjeb għal ħsara minn diżastri naturali, avvenimenti avversi tal-klima u annimali protetti;
    • proġetti ta’ żvilupp immexxija minn komunitajiet lokali.

Ir-regolament jissostitwixxi Regolament (UE) Nru. 1388/2014.

Ir-Regolament (UE) Nru 717/2014

  • Dan ir-regolament japplika għal għajnuna għall-kumpaniji tas-sajd u tal-akkwakultura ħlief għal għajnuna għal:
    • prodotti bbażati fuq il-prezz jew il-kwantità offruti għall-bejgħ, għall-esportazzjoni lejn pajjiżi li mhumiex fl-UE jew dipendenti fuq l-użu ta’ oġġetti domestiċi;
    • ix-xiri ta’ bastimenti tas-sajd;
    • il-modernizzazzjoni jew is-sostituzzjoni ta’ magni ta’ bastimenti tas-sajd;
    • miżuri li jżidu l-kapaċità tas-sajd ta’ bastiment;
    • il-bini ta’ bastimenti tas-sajd ġodda, jew l-importazzjoni tagħhom;
    • waqfien temporanju jew permanenti tal-attività tas-sajd;
    • sajd esploratorju;
    • it-trasferiment tas-sjieda ta’ negozju;
    • ir-ripopolazzjoni.
  • Ir-regolament jistabbilixxi limiti bażiċi fuq 3 snin fiskali ta’ għajnuna nazzjonali għal:
    • riċevitur wieħed (ta’ EUR 30,000);
    • ir-riċevituri kollha (l-Anness jelenka l-ammont massimu ppubblikat għal kull Stat Membru).
  • Dan jeħtieġ ukoll li l-Istati Membri:
    • jissorveljaw il-limiti individwali u nazzjonali u jirrakkomandaw li joperaw reġistru ċentrali nazzjonali;
    • jiżguraw li l-għajnuna hija trasparenti billi jesprimuha bħala għotja ta’ flus kontanti grossa, fil-każ ta’ għotjiet jew sussidji b’rata ta’ interess, jew l-ekwivalenti tagħha għal self, injezzjonijiet kapitali, finanzjament ta’ riskju u garanziji;
    • jagħtu għajnuna ġdida de minimis biss skont it-termini tar-regolament;
    • jżommu rekords għal 10 snin;
    • jagħtu lill-Kummissjoni kull informazzjoni li din titlob bil-miktub.

Il-Kummissjoni se tadotta emendi finali għar-Regolament matul l-2023.

MINN META JIBDEW JAPPLIKAW IR-REGOLAMENTI?

  • Regolament (UE) 2022/2473 japplika mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2029.
  • Ir-Regolament (UE) Nru 717/2014 japplika mill-1 ta’ Lulju 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2023 (kif imtawwal mir-Regolamenti (UE) 2020/2008 u 2022/2514).

SFOND

Ir-Regolament 2022/2473 huwa parti minn pakkett ta’ miżuri li l-Kummissjoni adottat ir-reviżjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat dwar is-sajd, l-akkwakultura, l-agrikoltura u l-forestrija.

Ir-regoli riveduti jallinjaw l-għajnuna mill-Istat mal-prijoritajiet strateġiċi tal-UE, notevolment il-politika komuni tas-sajd u l-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

De minimis. Ammonti żgħar ta’ għajnuna nazzjonali mill-Istat u li ma tridx tkun notifikata lill-Kummissjoni.
Annimal protetti. Kwalunkwe annimal, ħlief ħut protett mill-UE jew minn leġiżlazzjoni nazzjonali.

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/2473 tal-14 ta’ Diċembru 2022 li jiddikjara li ċerti kategoriji tal-għajnuna lil impriżi li huma attivi fil-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura huma kompatibbli mas-suq intern b’applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 327, 21.12.2022, pp. 82–139).

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 717/2014 tas-27 ta’ Ġunju 2014 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura (ĠU L 190, 28.6.2014, pp. 45–54).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 717/2014 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Il-Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni — Linji Gwida għall-għajnuna mill-istat fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura 2023/C 107/01 (ĠU C 107, 23.3.2023, pp. 1–48).

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — It-Tielet Parti — Politiki u azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu VII — Regoli komuni dwar il-kompetizzjoni, it-tassazzjoni u l-approssimazzjoni tal-liġijiet — Kapitolu 1 — Regoli dwar il-kompetizzjoni — Taqsima 2 — Għajnuniet mogħtija mill-Istati — Artikolu 107 (ex Artikolu 87 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 91–92).

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — It-Tielet Parti — Politiki u azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu VII — Regoli komuni dwar il-kompetizzjoni, it-tassazzjoni u l-approssimazzjoni tal-liġijiet — Kapitolu 1 — Regoli dwar il-kompetizzjoni — Taqsima 2 — Għajnuniet mogħtija mill-Istati — Artikolu 108 (ex Artikolu 88 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 92–93).

l-aħħar aġġornament 16.03.2023

Top