EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-żona Ewropea tal-edukazzjoni u lil hinn

Qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-żona Ewropea tal-edukazzjoni u lil hinn

 

SOMMARJU TA’:

Riżoluzzjoni dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021–2030)

Riżoluzzjoni dwar l-istruttura ta’ governanza tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021–2030)

X’INHU L-GĦAN TAR-RIŻOLUZZJONIJIET?

  • L-ewwel riżoluzzjoni (adottata fi Frar 2021) tistabbilixxi l-għodda ewlenija fil-livell tal-Unjoni Ewropea (UE) għall-kooperazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ għad-deċennju attwali. Il-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (ŻEE) u lil hinn (2021–2030) huwa maħsub biex jappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri tal-UE biex itejbu s-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ nazzjonali bl-għajnuna ta’ għodod komplementari fil-livell tal-UE, tagħlim reċiproku u l-iskambju ta’ prattiki tajba bl-użu tal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni. Sa sal-2030, il-kisba u l-iżvilupp ulterjuri taż-ŻEE huwa l-objettiv politiku ġenerali tal-qafas strateġiku.
  • It-tieni riżoluzzjoni (adottata f’Novembru 2021) tipprovdi prinċipji ta’ orjentazzjoni u gwida għall-istruttura ta’ governanza tal-qafas strateġiku, biex il-ħidma li għandha sseħħ f’dan il-kuntest tista’ titmexxaa u tiġi kkoordinata b’mod xieraq.

PUNTI EWLENIN

Ħames prijoritajiet strateġiċi

  • 1.

    Intejbu l-kwalità, l-ekwità, l-inklużjoni u s-suċċess għal kulħadd fl-edukazzjoni u t-taħriġ.

  • 2.

    Nagħmlu t-tagħlim tul il-ħajja u l-mobbiltà realtà għal kulħadd.

  • 3.

    Intejbu l-kompetenzi u responsabbiltajiet fil-professjoni tal-edukazzjoni.

  • 4.

    Insaħħu l-edukazzjoni għolja Ewropea.

  • 5.

    Nappoġġaw it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali fi u permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

Miri fil-livell tal-UE

Fir- riżoluzzjoni ta’ Frar 2021 l-Istati Membri qablu wkoll dwar seba’ miri fil-livell tal-UE li għandhom jintlaħqu.

  • 1.
    Tfal ta’ 15-il sena li jiksbu livell baxx fil-ħiliet bażiċi

    Is-sehem ta’ tfal ta’ 15-il sena li jiksbu livell baxx fil-qari, fil-matematika u fix-xjenza għandu jkun inqas minn 15 % sal-2030.

  • 2.
    Tfal fit-tmien sena li jiksbu livell baxx fil-ħiliet diġitali

    Is-sehem tal-istudenti fit-tmien sena tal-edukazzjoni tagħhom li qed jiksbu livell baxx fil-litteriżmu tal-kompjuter u tal-informazzjoni għandu jkun inqas minn 15 % sal-2030.

  • 3.
    Il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal

    Mill-inqas 96 % tat-tfal bejn tliet snin u l-età tal-bidu tal-edukazzjoni primarja obbligatorja għandhom jipparteċipaw fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal sal-2030.

  • 4.
    Dawk li jħallu l-edukazzjoni u t-taħriġ kmieni

    Is-sehem ta’ dawk li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni u t-taħriġ għandu jkun inqas minn 9 % sal-2030.

  • 5.
    Il-kisba tal-livell terzjarju

    Is-sehem ta’ dawk li għandhom 25-34 sena li għandhom kisbiet edukattivi terzjarji għandu jkun mill-inqas 45 % sal-2030.

  • 6.
    L-espożizzjoni tal-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ tal-gradwati fit-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol

    Is-sehem tal-gradwati reċenti mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) li jibbenifikaw mill-espożizzjoni għat-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol waqt il-VETtagħhom għandu jkun mill-inqas 60 % sal-2025.

  • 7.
    Il-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim

    Mill-inqas 47 % tal-adulti li għandhom bejn 25 u 64 sena għandhom ikunu pparteċipaw fit-tagħlim matul l-aħħar 12-il xahar sal-2025.

Monitoraġġ u rappurtar

Sabiex jiġi mmonitorjat il-proċess, l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea ser jaħdmu flimkien mill-qrib biex jivvalutaw ix-xogħol li sar fil-livell tekniku u jevalwaw il-proċess u r-riżultati tiegħu. Il-monitoraġġ annwali se jseħħ ukoll permezz tal-Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ tal-Kummissjoni, li jsegwi l-progress lejn il-kisba tal-miri u l-indikaturi kollha miftiehma fil-livell tal-UE, inklużi subindikaturi, fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u jikkontribwixxi wkoll għall-proċess tas-semestru Ewropew.

Huma stabbiliti diversi stadji tar-rappurtar tal-progress. Rapport dwar il-progress taż-ŻEE ġie ppubblikat mill-Kummissjoni f’Novembru 2022. Reviżjoni ta’ nofs it-terminu se isegwi fl-2023 u rapport sħiħ dwar iż-ŻEE se jiġi ppubblikat fl-2025.

Struttura ta’ governanza

Il-prinċipji ta’ gwida għall-istruttura ta’ governanza tal-qafas strateġiku, kif deskritt fir-riżoluzzjoni ta’ Novembru 2021 huma:

  • is-sjieda u l-inklużjoni;
  • ir-responsabbiltà;
  • it-trasparenza, il-kontinwità u l-effettività; u
  • il-kollaborazzjoni u l-kooperazzjoni.

Ir-riżoluzzjoni tistabbilixxi korp ġdid taħt il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ (HLG), jiġifieri l-Bord ta’ Koordinazzjoni tal-HLG. Dan il-korp il-ġdid se jkollu funzjoni ta’ koordinazzjoni u ta’ appoġġ. Il-presidenza, f’kooperazzjoni ma’ msieħba fil-presidenza tat-trio u l-Kummissjoni, tieħu r-rwol mexxej fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-ħidma tal-HLG taħt il-qafas strateġiku.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021–2030) (ĠU C 66, 26.2.2021, pp. 1–21).

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-istruttura ta’ governanza tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021–2030) (ĠU C 497, 10.12.2021, pp. 1–4).

DOKUMENTI RELATATI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-progress lejn il-kisba taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (COM(2022) 700 final, 18.11.2022).

Ir-Regolament (UE) 2021/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi Erasmus+: il-Programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni u taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 (ĠU L 189, 28.5.2021, pp. 1–33).

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-kisba taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025 (COM(2020) 625 final, 30.9.2020).

l-aħħar aġġornament 31.01.2023

Top