Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ir-riżerva ta’ aġġustament għall-Brexit

Ir-riżerva ta’ aġġustament għall-Brexit

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2021/1755 dwar ir-riżerva ta’ aġġustament għall-Brexit

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Ir-regolament:

  • jistabbilixxi r-riżerva ta’ aġġustament għall-Brexit;
  • jistabbilixxi l-għanijiet, il-baġit u r-regoli tagħha.

PUNTI EWLENIN

Ir-riżerva tipprovdi appoġġ għall-miżuri nazzjonali introdotti bejn l-1 ta’ Jannar 2020 u l-31 ta’ Diċembru 2023:

  • biex tegħleb l-impatt ekonomiku, soċjali, territorjali u ambjentali avvers tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (UE);
  • għall-Istati Membri, ir-reġjuni, il-komunitajiet lokali u s-setturi kollha tal-UE affettwati b’mod negattiv.

Il-baġit għall-fond huwa ta’ EUR 5 470 435 000 (prezzijiet kurrenti) u se jiġi mgħoti f’żewġ sensiliet ta’ allokazzjonijiet ta’ fondi. L-ewwel round (80%) se jiġi attivat fil-forma ta’ prefinanzjament, imħallas fi tliet instements, l-ewwel ta’ madwar €1.7 biljun fl-2021, segwit minn €1.3 biljun minn April 2022 u EUR 13-il biljun sa April 2023; l-ammont li jifdal ta’ EUR 1.1 biljun se jitħallas fl-2025 biex jirrimborża l-ispejjeż eliġibbli fil-fatt imġarrba u mħallsa mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ miżuri eliġibbli għal appoġġ.

Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2023/435 jintroduċi l-possibbiltà li jitolbu t-trasferiment lill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza taħt ċerti kundizzjonijiet biex jindirizzaw il-kriżi tal-enerġija li tirriżulta mill-impatt tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

Il-kriterji ta’ eliġibilità jkopru miżuri għal, fost oħrajn:

  • negozji privati u pubbliċi, speċjalment intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, dawk impjegati għal rashom, fil-komunitajiet u f’organizzazzjonijiet lokali;
  • is-setturi ekonomiċi l-aktar affettwati;
  • negozji dipendenti fuq is-sajd, komunitajiet u organizzazzjonijiet reġjonali u lokali;
  • il-ħolqien u l-protezzjoni tal-impjiegi, inkluż xogħol ekoloġiku, skemi ta’ xogħol fuq terminu qasir, taħriġ mill-ġdid u taħriġ f’setturi affettwati;
  • kontrolli tal-fruntiera, doganali, sanitarji, fitosanitarji, tas-sigurtà u tas-sajd, il-ġbir ta’ taxxa indiretta, persunal, taħriġ u infrastruttura addizzjonali;
  • ċertifikazzjoni u awtorizzazzjoni tal-prodotti;
  • komunikazzjoni, informazzjoni u t-trawwim tal-għarfien diretti lejn iċ-ċittadini u n-negozji dwar bidliet fid-drittijiet u l-obbligi tagħhom;
  • ir-riintegrazzjoni ta’ ċittadini tal-UE u ċittadini eliġibbli tar-Renju Unit fl-UE.

L-allokazzjoni tal-finanzjament huwa bbażat fuq il-metodoloġija stabbilita f’Anness I:

  • sehem mill-kummerċ mar-Renju Unit (EUR 4 540 461 050);
  • il-valur tal-ħut maqbud fl-ilmijiet tar-Renju Unit (EUR656,452,200);
  • il-popolazzjoni tar-reġjuni tal-fruntiera marittima mar-Renju Unit (EUR 273 521 750).

L-Istati Membri li jiddependu b’mod sinifikanti fuq is-sajd se jkollhom jidderieġu perċentwal speċifiku tal-allokazzjoni nazzjonali tagħhom lis-sajd kostali fuq skala żgħira u lill-komunitajiet lokali u reġjonali dipendenti fuq attivitajiet tas-sajd.

Regoli ta’ ġestjoni finanzjarja jiddikjaraw dan li ġej.

  • Il-pagamenti huma implimentati taħt il-qafas tal-ġestjoni kondiviża tar-regolament finanzjarju (Regolament (UE, Euratom) 2018/1046).
  • Il-Kummissjoni Ewropea tagħmel impenji baġitarji* f’installamenti għal kull Stat Membru bejn l-1 ta’ Jannar 2021 u l-31 ta’ Diċembru 2023.
  • Kull Stat Membru jissottometti applikazzjoni għall-ammont allokat b’mod proviżjonali għall-2025 sat-30 ta’ Settembru 2024.
  • Applikazzjonijiet għall-finanzi mill-fond huma sottomessi fuq galvu pprovdut f’Anness II u jinkludu informazzjoni dwar in-nefqa pubblika totali.
  • Talbiet għall-finanzjament huma akkumpanjati minn rapport ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi:
    • il-politika negattiva u l-impatt ġeografiku tal-Brexit;
    • il-miżuri meħuda biex jikkumbattu l-konsegwenzi avversi;
    • ġustifikazzjoni tal-infiq eliġibbli mġarrab u mħallas u r-rabta diretta tiegħu mal-irtirar tar-Renju Unit mill-UE;
    • l-arranġamenti biex jiġi evitat l-iffinanzjar doppju u jkun żgurat li l-appoġġ jimxi id f’id ma’ politiki u finanzjamenti oħrajn tal-UE;
    • id-deskrizzjoni tal-miżuri li jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni u l-adattament tat-tibdil fil-klima.
  • Il-Kummissjoni:
    • tiżgura li l-applikazzjoni hija kompluta, preċiża u vera;
    • tistabbilixxi l-ammonti għall-infiq eliġibbli u l-assistenza teknika.
  • L-ammonti kollha huma denominati fl-euro.

Ir-regoli ta’ ġestjoni u kontroll jeħtieġu li:

  • L-Istati Membri:
    • jieħdu l-miżuri leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi kollha meħtieġa biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE,
    • jappuntaw korp biex jimmaniġġja l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-fond,
    • jistabbilixxu sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll skont il-galvu f’Anness III,
    • jevitaw, isibu u jikkoreġu irregolaritajiet u frodi u jevitaw il-kunflitti ta’ interess,
    • jikooperaw mal-Kummissjoni, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri;
  • il-korpi li jimmaniġġjaw il-kontribuzzjonijiet finanzjarji:
    • jiżguraw il-finanzjament ta’ sistema ta’ kontroll interna effettiva u effiċjenti,
    • japplikaw regoli ċari dwar l-għażla tal-proġetti, sistemi kontabilistiċi elettroniċi u ż-żamma tad-dokumenti għal 5 snin;
  • il-Kummissjoni:
    • twettaq verifiki fuq il-post u jkollha aċċess għal dokumenti rilevanti,
    • tidentifika xi riskji f’sistemi nazzjonali ta’ ġestjoni u ta’ kontroll;
  • korrezzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri ladarba tinstab irregolarità.

Taħt ir-regoli tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom huma responsabbli biex jinfurmaw lill-pubbliku dwar ir-riżultati u l-impatt tal-finanzjament tal-UE.

Miżuri ta’ valutazzjoni u rappurtar jeħtieġu li l-Kummissjoni:

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mit-9 ta’ Ottubru 2021.

SFOND

  • Il-fond huwa inizjattiva ta’ emerġenza speċjali ta’ darba biex iwieġeb għall-ħruġ bla preċedent ta’ Stat Membru mill-UE. L-impatt se jaffettwa lill-UE kollha, imma xi Stati Membri, reġjuni, komunitajiet u setturi lokali se jkunu aktar affettwati minn oħrajn.
  • Il-fond jappoġġa negozji pubbliċi u privati li qed jiffaċċjaw flussi tal-kummerċ imxekkla inkluż spejjeż ġodda għal verifiki doganali u proċeduri amministrattivi.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Impenji baġitarji. Riżerva ta’ approprijazzjonijiet biex ikopru spejjeż sussegwenti.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament (UE) 2021/1755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2021 li jistabbilixxi r-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit (ĠU L 357, 8.10.2021, pp. 1–26).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2021/1755 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 29, 31.1.2020, pp. 7–187).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru. 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, pp. 1–222).

l-aħħar aġġornament 15.03.2023

Top